Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 2 tal-Ħdax-il Leġislatura tat-12 ta' Mejju 2008
KONDOLJANZI
ONOR. TONIO BORG: Sur President, ftit jiem wara li ġie xolt il-parlament, proprju fid-9 ta’ Frar 2008, tħabbret il-mewt tal-ex-deputat Nazzjonalista, il-Perit Carm Lino Spiteri fl-etá ta’ 75 sena. Ippermettuli li nikkommemorah ukoll bħala ħabib personali tiegħi għax kull darba li ħriġt għall-politika dejjem għeni u dejjem niftakru bħala bniedem ta’ qalb kbira.
Il-Perit Spiteri kien tela’ f’dan il-parlament għall-ewwel darba fl-elezzjoni ta’ l-1971 u baqa’ deputat b’mod kontinwu sa l-elezzjoni ta’ l-1987. Imbagħad wara intervall żgħir reġa’ tela’ f’dan il-parlament fl-elezzjoni ta’ l-1992. Okkupa wkoll il-kariga ta’ shadow minister għax-xogħlijiet pubbliċi għal 16-il sena sħaħ. Fl-istess ħin, kull meta kien deputat, kien jokkupa wkoll il-kariga ta’ whip. Issa kif nafu min ikun whip ma tantx se jgħidlek grazzi talli tajtu dik il-kariga. Anzi pjuttost iħarsu lejk bl-ikraħ għax min ikun f’din il-kariga, ikollu jżomm id-dixxiplina ma’ sħabu stess. U ħafna drabi aktar ikun diffiċli li żżomm id-dixxiplina ma’ nies li tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum.
Il-Perit Spiteri kellu sens kbir ta’ umoriżmu. Issa s-sens ta’ omoriżmu m’huwiex biss dak li tiċċajta b’ħaddieħor imma jfisser ukoll li dak li jkun, ikun jaf jidħak bih innifsu. Jiena niftakru jispjegali – fuq mistoqsija ovvja tiegħi – għalfejn kienu jsejħulu “iċ-Ċumpaqq”. U se nuża din il-frażi għax hu stess kien jieħu gost biha, tant hu veru li kien jużaha wkoll fil-posters elettorali tiegħu. L-ispjegazzjoni tiegħu kienet dik li darba kien qiegħed il-Liċeo u l-għalliem kien qallu: “Inti kollox ċum paqq pum?”. B’hekk bdew isejħulu “ċ-ċum paqq pum” u maż-żmien waqgħet il-“pum” u baqgħetlu “iċ-Ċumpaqq”. Madankollu dan kien il-mod ta’ kif il-Perit Spiteri kien kapaċi jidħak u jkollu sens ta’ umoriżmu anke fuqu stess.
Sur President, il-Perit Spiteri ħadem ukoll fil-partit Nazzjonalista u dejjem sibnieh kull meta kellna bżonnu, fosthom fil-bini tad-Dar Ċentrali l-antika u kien ukoll veteran Nazzjonalista f’kull sens tal-kelma. Forsi li llum huwa ftit tard, pero` nixtieq niskuża ruħi għan-nom ta’ sħabi għal kull darba li nqasnieh meta kien jokkupa l-kariga ta’ whip. Nista’ ngħid li anke meta spiċċa minn dan il-parlament, xorta baqa’ jsegwi dak kollu li kien ikun għaddej f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Il-Perit Spiteri kien ukoll membru attiv fil-grupp ta’ l-ex-deputati li baqgħu jżommu dan il-link mal-parlament tagħna.
Il-Perit Spiteri għamel snin twal bħala l-president tal-każin tal-banda La Victoria tal-Mellieħa u anke wara li spiċċa minn president, xorta waħda baqa’ jgħin lil dan il-każin. U naħseb li l-preżenza numeruża preżenti għall-funeral tiegħu – li ħabat proprju fl-għeqqel tal-kampanja elettorali – wera l-imħabba li kellhom il-kostitwenti tiegħu għax baqa’ sa l-aħħar deputat li jieħu ħsieb tal-kostitwenti tiegħu. Għaldaqstant, f’din l-okkażjoni nixtieq li nibagħtu l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu. Nirringrazzjak.
MR SPEAKER: Il-Kap ta’ L-Oppożizzjoni.
ONOR. ALFRED SANT: Sur President, minn din in-naħa tal-Kamra nixtiequ nissekondaw mija fil-mija dak li għadu kemm qal l-Onor. Tonio Borg fuq il-Perit Carm Lino Spiteri. Min-naħa tiegħi ftit kont nafu imma dejjem rajtu bħala persuna simpatika. It-tnejn konna avversarji politiċi, pero` kien bniedem simpatiku, kemm fil-mod ta’ kif kien jitkellem u kemm fil-mod ta’ kif kien jindirizza l-problemi u l-affarijiet li kienu jiġu quddiemu. Kien ukoll simpatiku fl-effervexxenza li kien ikollu fil-mumenti li kont miegħu jien.
Kien persuna li ta kontribut lil dan il-parlament, fosthom bħala whip tan-naħa tal-partit Nazzjonalista, li kien kontribut tajjeb ħafna. Min-naħa ta’ l-Onor. Joe Mizzi, il-whip tagħna, għandu memorji tajbin ħafna tal-Perit Spiteri għax it-tnejn li huma ħadmu flimkien bħala l-whips taż-żewġ partiti. Naħseb li huwa xieraq li minn din in-naħa tal-Kamra nuru wkoll is-simpatija u s-solidarjeta` sħiħa tagħna fil-kondoljanzi profondi li ngħaddu lill-familja tiegħu. U nistgħu nassigurawhom li lil Carm Lino Spiteri, “iċ-Ċumpaqq”, se nibqgħu niftakruh b’għożża u b’sens ta’ simpatija.
MR SPEAKER: Napprezza ħafna l-kummenti u l-ħsebijiet li ġew espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ningħaqad magħhom jien ukoll. Għaldaqstant nitlob lill-Aġent Skrivan tal-Kamra sabiex twassal dawn il-kummenti u kliem ta’ sogħba lill-familja tal-Perit Carm Lino Spiteri.
Elected on: | 15.07.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |
Elected on: | 25.09.1976 |
Oath of Allegiance: | 24.11.1976 |
Dissolution of Parliament: | 09.11.1981 |
Elected on: | 18.12.1981 |
Oath of Allegiance: | 29.03.1983 |
Dissolution of Parliament: | 13.02.1987 |
Elected on: | 22.02.1992 |
Oath of Allegiance: | 04.04.1992 |
Dissolution of Parliament: | 23.09.1996 |