Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Ċensu Tabone

Back to List

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ ĊENSU TABONE FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA


11 ta' Awwissu 1913 – 14 ta' Marzu 2012

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn il-31 ta' Marzu 1966 u t-3 ta’ April 1989

Ċensu Tabone

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA’ ĊENSU TABONE FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 10 TAT-23 TA’ MEJJU 1966 IS-SITT LEĠIŻLATURA

 

ONOR. DR. VINCENT TABONE: Il-Kap tal-Oppożizzjoni deherlu li kellu jattakka ż-żewġ dikjarazzjonijiet li hemm fl-iSpeech from the Throne li fuqhom huma bbażati t-tama u l-fiduċja tagħna għall-ġejjieni ta’ Malta; deherlu li kellu jattakka ż-żewġ dikjarazzjonijiet politiċi tiegħu u illi l-effetti tar-rundown ġew fil-maġġor parti kontenuti.

Il-Partit Nazzjonalista fl-1930 poġġa fil-programm it-talba għal dominion status u fl-1932 għamel lill-Gvern Ingliż offiċjalment din it-talba u l-għan tal-Partit fil-kamp kostituzzjonali baqa’ dejjem mingħajr kompromessi li Malta tieħu l-Indipendenza fil-Commonwealth. U kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar ġab din l-indipendenza. U jrid ikollok daqsxejn wiċċ tost biex tgħid kif qalu s-sinjuri ta’ dik in-naħa across the Table li kienu huma li imbuttawna għall-indipendenza meta kulħadd jaf li għalihom l-ewwel soluzzjoni kostituzzjonali għal Malta kienet l-integration u mbagħad as second best, l-indipendenza. U l-integration kienet tneħħi lil Malta kwalunkwe individwalità u kwalunkwe speranza għal li ġej u kieku ġiet l-integration, illum kien ikollna mmorru fl-eżilju biex postna f’pajjiżna jeħduh is-sinjuri Ingliżi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma ħadniex l-indipendenza għax għandna l-Financial Agreement u d-Defence Treaty mal-Ingilterra; bħallikieku Malta biss għamlet trattati bħal dawn u mhux anki pajjiżi akbar u aktar setgħana minna għandhom trattati simili mingħajr ma naqsu xejn mill-indipendenza tagħhom.

ONOR. DR. A. BUTTIGIEG: Le, ħadd ma għamel hekk.

ONOR. DR. VINCENT TABONE: Il-Kap tal-Oppożizzjoni żied jgħid li biex tkun indipendenti irid ikollok ċerta vijabilità ekonomika. Nispera li ma jridx jerġa’ jirxoxta t-teorija ta’ Ganado li ma jistax ikollna indipendenza qabel ma jkollna vijabilità ekonomika. It-trattat finanzjarju ppermetta għall-ewwel darba li l-Gvern Malti jkun jista’ jippjana għall-għaxar snin li ġejjin u t-trattat tad-difiża, barra milli ppermetta l-impjieg ta’ aktar minn ħdax-il elf ruħ mal-forzi Ingliżi, qed ikun il-kawża ta’ miljuni ta’ liri li jidħlu ġewwa Malta bħala infiq mis-Servizzi u l-familji tagħhom u t-trattat tad-difiża jassiguralna sigurtà li ma tistax tiġi garantita b’sempliċi dikjarazzjoni ta’ newtralità. Staqsu xi swiet in-newtralità lill-Belġju fl-ewwel u t-tieni gwerra dinjija, u xi swiet fl-aħħar gwerra lill-Olanda, lid-Danimarka u lin-Norveġja u naraw li minkejja l-politika magħrufa newtralistika ta’ Mr Nehru, l-Indja ġiet attakkata miċ-Ċina Komunista.

Issa għal dik li hija rundown. Fl-1955 kien hemm ’il fuq minn għoxrin elf ruħ mas-Servizzi waqt li f’Marzu ta’ din is-sena kien hemm biss tmient elef u mija. Għalhekk, f’għaxar snin, kien hemm differenza ta’ tnax-il elf ruħ anqas mas-Servizzi. Fl-1955, f’Jannar, kien hemm nies qed jirreġistraw għax bla xogħol, 1,497. F’Diċembru tal-istess sena, wara sena ta’ Gvern Laburista, in-numru ta’ dawk li rreġistraw bla xogħol kiber sakemm sar 5,695.

F’Jannar tal-1956 in-numru ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol kien ta’ 5,805. Wara din id-data dan in-numru beda jonqos bil-mod il-mod sakemm f’Marzu tal-1958, meta l-Gvern Laburista telaq mill-poter, sar 3,455. Minkejja l-fatt li kien hemm ir-rundown bi 12,000 discharged, in-numru ta’ unemployed żdied b’kollox mal-4,000 minkejja l-fatt li qegħdin jirreġistraw wisq iżjed żgħażagħ minn qabel u wisq iżjed nisa minn qabel.

Mr Speaker, imbagħad xi ngħidu għal dawk li huma gainfully occupied? Dan dejjem qegħdin nagħmlu l-paragun meta kienu fil-poter huma. Fl-1956 f’Malta kien hawn 82,950 gainfully occupied. F’din iċ-ċifra hemm ukoll inkluż l-20,000 tas-Servizzi. Illum għandna 88,120 meta n-numru li hemm mas-Servizzi huwa ta’ 8,000 biss. U li l-impjiegi qegħdin jiżdiedu progressivament, huwa fatt li jagħmel ġieħ lill-Amministrazzjoni Nazzjonalista tal-aħħar erba’ snin. Is-sena l-oħra biss, f’Malta żdiedu 2,588 jobs ġodda – dan f’sena waħda biss. Naturalment, il-policy ta’ dan il-Gvern tibqa’ dik ta’ full employment b’enfasi u bi priority fuq il-full male employment. Aħna nirrikonoxxu li sakemm naslu għall-full employment irid jgħaddi ċertu żmien il-għaliex it-triq li ħadna aħna – u naħseb li f’dan l-Oppożizzjoni taqbel magħna – illi l-futur ekonomiku jkun ibbażat fuq l-agrikoltura, l-industrija u t-turiżmu sakemm jibdew jagħtu l-frott tagħhom irid jgħaddi ċertu żmien. Aħna nafu li l-problema ta’ ċerti nies bla xogħol hija problema urġenti u bi ħsiebna nittakiljawha b’mod urġenti billi sakemm ikun hemm xogħol għal kull min irid u jista’ jaħdem aħna nidħlu għad-development programme f’Malta u nfittxu short term employment għan-nies tagħna anke fil-pajjiżi barranin fil-viċin tagħna. F’dan ir-rigward jiena nassigura lill-Kamra illi qabel ma l-Gvern jinkoraġġixxi xogħol ta’ din ix-xorta barra minn Malta, irridu nkunu altru sodisfatti li l-kondizzjonijiet tax-xogħol għan-nies tagħna jkunu tajbin u fl-ebda każ ma jkunu inferjuri għal dawk tal-ħaddiema fil-pajjiżi li jmorru jaħdmu fihom. (Interruzzjonijiet)

MR SPEAKER: L-Onor. Sur Sant u l-Onor. Dr. Hyzler huma sospiżi għal ħames minuti.

ONOR. DR. VINCENT TABONE: Mr Speaker, aħna nafu li fost dawk in-nies li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, hemm ċertu numru ta’ nies li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol u fl-istess ħin qegħdin jaħdmu, u l-miżuri li dan il-Gvern diġà ħa, mistennija li jagħtu riżultat xieraq f’qasir żmien. Barra minn dan, hemm każi ġenwini ta’ nies li qegħdin jaħdmu u mhumiex kuntenti bix-xogħol li qegħdin jagħmlu, u bil-liġi kif inhi llum ma jistgħux jirreġistraw. Għalhekk dan il-Gvern qiegħed jikkonsidra biex jestendi r-reġistrazzjoni anke għall-każijiet bħal dawn biex b’hekk ikunu jistgħu jsibu xogħol aktar adattat għalihom.

Mr Speaker, nixtieq ngħid kelmtejn fuq id-Drydocks. Jiena stagħġibt mhux ftit meta smajt il-Kap tal-Oppożizzjoni jpinġi kwadru xejn sabiħ tad-Drydocks. Id-dockyard mhijiex xi ħaġa esklussiva tal-Malta Labour Party. Il-partit tagħna minn dejjem ħa interess kbir fil-kwestjoni tad-dockyard il-għaliex għalina, barra li hu kwistjoni ekonomika huwa wkoll kwistjoni umana tal-akbar importanza minħabba n-numru ta’ nies li jaħdmu fih. Jiena ili ħafna nafhom il-ħaddiema tad-Dockyard. Uħud minnhom nafhom professjonalment, oħrajn dħalt fid-djar tagħhom, u oħrajn għamluli unur li fdaw fija.

Ili naf ħafna, anke personalment, l-organizzazzjonijiet sindakali li huma jaħdmu fihom. Meta dan l-aħħar kelli l-pjaċir li nżur id-Dockyard ħadt gost ferm nara numru kbir ta’ ħaddiema bieżla jaħdmu fis-setturi kollha tad-Dockyard. Ħadt gost inkellimhom fuq ix-xogħol u nsir naf il-problemi tagħhom u bis-sodisfazzjon li huma għandhom fix-xogħol tad-Dockyard. Ħadt gost imbagħad insir naf kemm id-Dockyard issupera t-tbatija tal-conversion u tant għamel progress tant li huma qegħdin jipproġettaw anke dock akbar minn dak li hemm. Meta għamiltilhom il-mistoqsija jekk fl-opinjoni tagħhom huma jistgħux jikkompetu ma’ dockyards oħra li hawn fil-Mediterran, ħadt gost nisma’ l-fiduċja kbira tagħhom u bħala eżempju qaluli li f’sentejn it-turnover minn miljun sar tliet miljuni. Jidher li din id-dockyard hi kwadru sabiħ u li jagħtik kuraġġ. Ta’ dan, aħna għandna l-ewwel nirringrazzjaw il-ħanin Alla u mbagħad il-ħaddiema tad-dockyard u anke l-għaqal ta’ dan il-Gvern.

Mr Speaker, fuq l-emigrazzjoni, biex nirrispondi għal dak li qal l-Onor. Dr. Holland, għandi ngħid li din minn dejjem se tibqa’ ssir sakemm il-bniedem ikun iħobb il-varjetà, ikun iħobb l-avventura u jkun iħobb imur jingħaqad ma’ qrabatu li jkunu marru f’dak il-pajjiż li riedu jemigraw fih. Wara l-gwerra, l-emigrazzjoni ħadet spinta kbira, speċjalment fil-pajjiżi mill-Ewropa u anke f’pajjiżna. U hanwhekk jiena sejjer nagħti xi figuri. Mill-1946 sal-lum, telqu minn Malta 107,677 li minnhom ġew lura xi 10,000. Fl-1954, meta kellna Gvern ta’ koalizzjoni, b’Ministru tal-Emigrazzjoni Laborista, telqu minn Malta 11,000 ruh.

ONOR. DR. A. BUTTIGIEG: Mhux Laborista imma tal-Workers Party.

ONOR. DR. VINCENT TABONE: 11,447. Is-sena ta’ wara, bi Gvern Laborista tagħkom, bl-istess ministru, telqu minn Malta 9,000 ruħ, l-ikbar numru li qatt telqu f’sena waħda minn Malta.

ONOR. DR. A. BUTTIGIEG: Bgħattu 11,000 fin-1954.

ONOR. DR. VINCENT TABONE: Fin-1954 kien hemm Gvern ta’ koalizzjoni.

ONOR. DR A. BUTTIGIEG: Inti għidtilna x’kienet fil-1955, però għidilna fil-1958 kif irreduċiet ruħha l-emigration għal 3,152, biex tkun onest.

ONOR. DR. VINCENT TABONE: Tgħidlix ‘biex tkun onest’. Dak le! Il-figuri li ġibt huma korretti. Dak li rrid ngħid jiena huwa li hija ipokrezija tagħti l-emigration l-isem ta’ eżilju issa u ma tgħidilhiex eżilju meta kienet wisq ikbar fiż-żmien il-Gvern Laborista; għax dak huwa l-punt li ridt nagħmel.

Barra minn dan, it-trend tal-emigrazzjoni qiegħda tonqos. Fl-aħħar sentejn, l-emigrazzjoni kienet qiegħda tonqos. Is-sena l-oħra kienet inqas mis-sena ta’ qabel u dis-sena ser tkun inqas minn ta’ qabilha.

ONOR. DR. A. BUTTIGIEG: Minħabba l-Vjetnam.

ONOR. DR. VINCENT TABONE: Il-policy tagħna fuq l-emigration tibqa’ dik li dejjem kienet. Aħna ma nġiegħlu li jitlaq lil ħadd, però aħna disposti li ngħinu lil kull min irid isib ix-xogħol barra minn Malta, u aħna ser inkomplu nieħdu ħsieb anke fl-artijiet fejn l-emigrazzjoni hija numeruża.

Jiena ma nafx għaliex fid-diskors tiegħu l-Onor. Perit Mintoff semma’ l-Vjetnam; forsi minħabba l-fatt tal-emigrazzjoni fl-Awstralja. Però jiena fuq dan huwa d-dover tiegħi illi ngħid ....

ONOR. DR. A. BUTTIGIEG: Ma semmihx.

ONOR. DR. VINCENT TABONE: Semmih il-Vjetnam. Ma nafx għaliex semma’ l-policy dwar il-Vjetnam (Interruzzjonijiet) Però jiena mmur oltre u ngħid li huwa veru l-emigranti fl-Awstralja ta’ ċerta età huma soġġetti għal-lieva. Però l-lieva hija ristretta għal min għandu 20 sena biss u minn dawn li għandhom l-20 sena biss xi wieħed minn 14 jiġi maqbud bil-lieva. Din hija safejn stajt naċċerta ruħi, u pprovajt naċċerta ruħi sal-bieraħ stess, biex inkun korrett, u lili ma rriżultalix li sal-lum kien hemm xi Malti li mar il-Vjetnam.

Mal-Vjetnam l-Onor. Perit Mintoff semma’ wkoll lir-Rodeżja. U naħseb li l-anqas hu, meta jirriflettiha sewwa, ma jgħid li proprju aħna kellna nsemmu lir-Rodeżja issa, meta qegħdin isiru n-negozjati u l-pourparler mal-Ingliżi. Ma rridx naħseb li jibża’ li ser ikun hemm ftehim, għaliex lanqas irrid naħseb li huwa ma jridx li ma jiftehmux biex b’hekk jerġa’ jkun hemm colonial regime r-Rodeżja. Għalhekk jidhirli li f’dan il-mument ma għandux ikun il-Gvern Malti li jagħmel stqarrija fuq ir-Rodeżja.

Fuq Għawdex: Jiena naħseb li ħadd ma jista’ jkollu dubju li l-Gvern Nazzjonalista mhux ser jieħu ħsieb Għawdex, speċjalment issa li l-Prim Ministru huwa wkoll il-Ministru għall-Affarijiet t’Għawdex. U jiena ma naħsibx li l-Onor. Perit Mintoff ma jridx li aħna l-Għawdxin ma jkollniex l-isptar tagħna.

L-Għawdxin sptar deċenti għandhom ikollhom, però, billi xi każi jibqgħu jiġu Malta għall-kura, dan ma jfissirx li Għawdex ma għandux ikollu l-isptar tiegħu kollu modern bil-comforts u s-services u l-iġene ta’ sptar ta’ kwalità li għandna f’Malta. Huwa veru li perjodikament ikun hemm bżonn ta’ viżiti tal-ispeċjalisti. Huwa veru wkoll li xi każi jkollhom jiġu Malta, però l-Onor. Kollegi tiegħi f’din il-Kamra jafu li l-każi tal-emerġenza huma każi diffiċli u għalkemm il-każi fil-maġġoranza tagħhom jistgħu jiġu ttrattati f’Għawdex, xi wħud jridu bilfors jiġu Malta. Aħna wegħedna li ntejbu s-servizz tal-ispeċjalisti għal Għawdex u f’dan il-kuntest ma nistax inħalli l-kritika tal-Onor. Perit Mintoff unchallenged li l-isptar ta’ St. Luke’s huwa third rate sempliċement għaliex xi każi jkollhom imorru barra għat-treatment. B’dan il-kriterju, allura, dawk l-isptarijiet li aħna nibagħtu fihom il-morda tagħna huwa 6th rate għax jikkuraw ħaġa waħda biss. Nassigura lill-Onor. Membri li jiena, bħala wieħed li naf, naf li St. Luke’s tagħna huma sodisfaċenti minkejja l-fatt li hemm bżonn ta’ xi miljoramenti. U liema sptar ma għandux bżonn miljoramenti? U għalhekk il-Maltin jistgħu jserrħu moħhom li f’St. Luke’s huma jiġu kkurati tajjeb.

F’Għawdex, imbagħad għandna l-problema tal-port li qed jiġi mistħarreġ sewwa u bil-ħerqa. Miegħu hija konnessa l-kwistjoni tat-trasport bejn Malta u Għawdex u l-kwistjoni tat-turiżmu f’Għawdex. Dawn huma problemi li ser jieħu ħsiebhom il-Gvern.

L-aħħar emenda tal-Onor. Kap tal-Oppożizzjoni kienet tirrigwarda l-corrupt practices u kienet tgħid li fid-Diskors tat-Tron kien hemm silenzju fuq il-corrupt practices. Dażgur li kien hemm silenzju! Mela kien hemm xi corrupt practices matul l-aħħar elezzjoni?! Mhux kulħadd jiftakar il-propaganda qarrieqa minn fuq il-ġurnali u r-Rediffusion u t-television bħalma smajna lil Dr. Buttigieg jgħid li l-kwistjoni mal-Knisja spiċċat u kulħadd jispjega l-Pastorali tal-Isqfijiet bħala waħda li ma fijiex id-dnub il-mejjet? Ma niftakruhomx dawn? Ma niftakrux liema użu sar mill-istqarrija ta’ Mons. Saydon proprju l-ewwel ġurnata tal-elezzjonijiet, kemm gazzetti u posters, anke quddiem il-polling booths, li mhux dnub mejjet tivvota għal-Labour Party? Ma niftakrux meta xi Laboristi riedu jagħmlu dimostrazzjoni f’Għawdex għal xi qassisin? Jekk kien hemm xi partit li għamel użu mir-reliġjon għal skopijiet politiċi, kien proprju l-Labour Party? U dan għax riedu jpattu għat-telfa tagħhom?! Issa nirrispondi għal xi kritika li qajjem l-Onor. Dr. Holland, li jiena nikkomplimentah għall-mod oġġettiv kif għamel il-kritika tiegħu. (Interruzzjonijiet).

Onor. G. Caruana sospiż għal 10 minuti

ONOR. DR. VINCENT TABONE: Fl-iSpeech from the Throne, rigward is-servizzi soċjali, jingħad ċar u tond illi dawn is-servizzi jridu ’l quddiem jitjiebu u li l-leġiżlazzjoni soċjali attwali tibqa’ dejjem taħt għajnejna bl-iskop li nameljorawha.

L-Onor. Dr. Holland semma’ wkoll il-kwestjoni li ħafna nies ma jafux x’inhuma d-drittijiet tagħhom taħt is-sigurtà soċjali. Dan hu minnu, imma għalkemm, bħalma jgħallmuni l-Onor. Kollegi li jappartjenu għall-professjoni legali, l-injoranza ma tiskużahiex fil-liġi, jiena nħoss li xi forma ta’ booklet, ta’ handbook, għandha tingħata l-akbar pubbliċità dwar is-servizzi soċjali kollha u l-benefiċċji li ċittadin jista’ minnhom jidderiva. Għalhekk jiena nikkunsidra favorevolment ħafna s-suġġeriment li għamel l-Onor. Membru.

Rigward ir-retraining scheme għal dawk li qegħdin jirreġistraw bħala unemployed, jiena diġà kelli opportunità nagħmel stqarrija pożittiva fuq dan il-punt u diġà ttieħdu passi għal dan il-għan.

L-Onor. Dr. Holland qalilna li għandna nieħdu aktar kura tal-bniet li jkunu emigraw, u jekk ma niżbaljax, kien qed jalludi għall-emigrazzjoni tat-tfajliet tagħna fl-Ingilterra. Jiena investigajt u ġejt infurmat li l-uffiċjali kollha tal-Malta House u Mr Wilson, dak li jieħu ħsieb ix-xogħol għal Maltin fl-Ingilterra, kontinwament jieħdu ħsieb l-emigranti tagħna hemmhekk.

ONOR. P. CARACHI: Mhux veru!

ONOR. DR. VINCENT TABONE: Jiena indagajt u rriżultali kif diġà għidt. Però jekk l-Onor. Sinjur għandu xi każi speċifiċi, jgħaddihomli u jiena ninvestigahom.

Issemmew safety laws għall-workmen, u jiena anke bħala tabib, ma nistax ma nħossx verament li dawn is-safety laws li hemm iridu jiġu mħarsa u jekk hemm bżonn riveduti kontinwament u dan nagħmlu bil-qalb kollha in kollaborazzjoni mal-Onor. Ħabib tiegħi l-Ministru tas-Saħħa.

Issemmew ukoll it-trades union laws. Għandi ngħid li dawn diġà qegħdin fi ħsiebi, anzi qegħdin taħt studju u malli jkun il-mument inressaq l-emendi opportuni quddiem il-Kamra.

Equal pay għall-irġiel u n-nisa jibqa’ l-għan tal-partit tagħna u dan il-prinċipju aħna nimplimentawh malli jkun possibbli.

Issemma’ wkoll ir-rapport tas-Select Committee fuq il-ħaddiema tal-partikolar. Jiena sa ftit ilu dan ir-rapport kont għadni ma rajtux, però llum nista’ nassigura lill-Kamra biex fl-attwazzjoni tiegħu jkun kompatibbli ma’ ħafna Wages Councils oħra li biċċa minnhom saru warajh. Kuntrarju għal dak li qal l-Onor. Dr. Holland, dan ir-rapport ma ġiex approvat mill-Kamra peress li waqa’ għaliex il-Kamra ġiet xolta wara li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Jiena nħares lejn il-ħaddiema bħala s-sinsla tal-pajjiż tagħna u rrid nikkunsidra wkoll x’jista’ jsir biex mill-Gvern Nazzjonalista ssir Charter għall-Ħaddiema bid-drittijiet tagħhom biex ħadd ma jista’ jgħid li l-Gvern Nazzjonalista mhux il-veru partit li jeħu ħsieb il-ħaddiema.

L-Onor. Dr. Holland semma’ wkoll il-free legal aid għal dawk li jidhru quddiem umpire minħabba kwestjonijiet fuq national insurance. Din il-proposta rrid ninvestigaha bl-implikazzjonijiet tagħha.

Jiena nixtieq nassigura lill-Kamra li l-Gvern Nazzjonalista għandu l-ideat, għandu n-nies u għandu volontà biex jagħmel Malta fl-iqsar żmien possibbli ekonomikament vijabbli. (Onor. Membri: Hear, hear)

Condolences (14 Mar 2012)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 459 tal-Ħdax-il Leġislatura tal-21 ta' Marzu 2012

KONDOLJANZI

ONOR. LAWRENCE GONZI (Prim Ministru): Sur President, f’temp ta’ ġimgħa prattikament pajjiżna tilef żewġ personaġġi kbar; il-President Emeritus Dr. Ċensu Tabone u l-Professur Peter Serracino Inglott. Il-pajjiż għadda minn mument ta’ riflessjoni dwar xi jfissru dawn il-personaġġi għal pajjiżna, x’kontribut taw għal pajjiżna, x’rilevanza għandhom illum ukoll għalina li nġorru l-wirt li ħallewlna warajhom.

Il-ġimgħa li għaddiet, meta jien kont Londra, daħlitli l-aħbar li miet Dr. Ċensu Tabone. Kważi ħasditni allavolja fl-età venerabbli ta’ 99 sena għax min jaf lil Dr. Tabone mill-viċin naħseb assuma li se jibqa’ dejjem magħna. F’kull anniversarju u kull okkażjoni tippretendih li jkun qiegħed magħna. Kien dejjem magħna u ppretendejna li jibqa’ magħna. Irrid ngħid li nħsadt b’dik l-aħbar li ma kontx qiegħed nistenna.

Sur President, dakinhar għalkemm il-Parlament kellu jiltaqa’ b’aġenda, b’sinjal ta’ rispett il-Kap tal-Kamra u n-naħa tal-Oppożizzjoni ftiehmu u qablu li s-seduta tiġi aġġornata. Dejjem hekk kienet il-prassi f’pajjiżna b’sinjal ta’ rispett lejn il-personaġġ li jkun ġie nieqes. Hekk sar nhar il-Erbgħa li għadda u l-Parlament dakinhar aġġorna għal ġurnata oħra, għas-seduta tal-lejla biex nagħmlu tislima formali. Hija ħaġa sabiħa li l-Parlament tagħna, kif dejjem isir, jagħmel din it-tislima lil min jew b’xi mod jew b’ieħor ikun relatat ma’ xi wieħed mid-deputati tal-Kamra, però jagħmilha aktar bil-qalb, jekk nista’ nuża din il-kelma, meta nkunu qegħdin insellmu lil xi ħadd li kellu parti kbira mill-istorja ta’ ħajtu marbuta ma’ dan il-Parlament, mal-amministrazzjoni tal-pajjiż u mal-qasam soċjali f’pajjiżna, bħalma kien Dr. Ċensu Tabone. Allura llejla l-ewwel parti ta’ din is-seduta se niddedikawha għal tislima lilu u fl-istess ħin b’apprezzament lilu u lill-familjari tiegħu li nieħu pjaċir ninnota qegħdin hawnhekk magħna fl-Strangers Gallery.

Dr. Ċensu Tabone hu wild Malti, wild il-ġżira Għawdxija, li għal snin twal kien fiċ-ċentru tal-ħidma professjonali, soċjali u politika ta’ pajjiżna. F’dawn il-ġranet ta’ sogħba tieħu pjaċir tara lil pajjiżna jingħaqad. Aħna l-Maltin esperti ta’ kif nargumentaw ma’ xulxin, u nuża din anke fid-dimensjoni ta’ Dr. Tabone għax lil Dr. Tabone kont tieħu pjaċir tarah jargumenta, u hu wkoll qisu kien jieħu pjaċir jargumenta. Kważi kultant jekk ma jkollux min qed jargumenta miegħu ma kienx ikun fin-normalità tiegħu. Din hija karatteristika tal-poplu tagħna, nieħdu pjaċir nargumentaw fuq kollox; fuq festi, fuq baned, fuq football u fuq politika, li naturalment hija l-apiċi ta’ kollox. Imma f’mument bħal dan personaġġi li kienu huma fiċ-ċentru ta’ kontroversja fl-istorja twila ta’ ħajjithom jgħaqqdu lill-pajjiż. Naħseb għexna l-ġranet li għaddew f’mument speċjali ta’ għaqda u jkun ħasra jekk inħallu din l-okkażjoni tgħaddi mingħajr ma nisiltu minnha dan il-fatt.

Veru li t-telfa ta’ missier ta’ familja, ta’ nannu u ta’ politiku hija okkażjoni ta’ dieqa, però nistgħu nkunu kburin – u jidhirli li l-familjarji ta’ Dr. Ċensu Tabone jistgħu jkunu kburin – għax fl-aħħar tal-mixja tiegħu fuq din id-dinja, għal darb’oħra, anke fl-aħħar mumenti tiegħu, anke jekk kien mimdud fit-tebut tiegħu, kien qed jgħaqqad il-pajjiż warajh. Hija ħaġa verament sabiħa li fl-aħħar ta’ ħajjitha persuna tkun tista’ tkun hi l-kawża tal-għaqda fil-pajjiż. Allura kienu ġranet sbieħ li fihom smajna kull kwalità ta’ aġġettiv sabiħ dwar il-persuna ta’ Dr. Tabone.

L-aktar żewġ aġġettivi li laqtuni u li naħseb li jgħoddu għal Dr. Tabone huma l-aġġettivi marbutin mal-integrità tiegħu f’kollox, mill-iċken ħaġa ta’ kif jieħu ħsieb arloġġ li mhux qed jaħdem sa l-iktar ħaġa serja ta’ presidenza ta’ pajjiż, l-integrità sħiħa tiegħu f’kollox u s-sens ta’ servizz altruwista ta’ dan il-personaġġ li kien ovvju tul il-karriera twila tiegħu. Jien dejjem ngħid li bħal djamant li għandu ħafna uċuh ileqqu, hekk ukoll min ikun bħal Dr. Tabone – u għandna personaġġi fl-istorja ta’ pajjiżna li jkunu qishom djamant – ikollu faċċati differenti jleqqu li joħroġ il-ġmiel tagħhom. Ejjew inkunu kburin f’dan il-pajjiż, aħna li kultant infittxu x-xagħra fl-għaġina f’xulxin u f’kollox, u niftaħru li l-wild Malti u Għawdxi kapaċi jressaq quddiemna personaġġi li huma ġganti politiċi u professjonali, li ħadmu fuq medda ta’ snin, li ddeterminaw il-futur ta’ pajjiżna u li aħna llum forsi nieħdu for granted ix-xogħol kollu tagħhom li wassal lil pajjiżna fejn wasal illum. Ejjew niftaħru li pajjiżna jwelled dawn in-nies. U hawnhekk m’iniex qed nitkellem b’kuluri politiċi imma qed nirriferi għal dawk kollha li ġejjin minn kull kamp politiku, professjonali u soċjali fl-istorja twila ta’ dan il-poplu ċkejken fid-daqs però kbir fl-ideat, fl-ispirtu tiegħu.

Qed nirrifletti sentiment li kien joħroġ bl-aktar mod qawwi mingħand Ċensu Tabone li kien dejjem jara, mhux iċ-ċokon tat-territorju Malti imma l-kobor tal-ispirtu tal-identità Maltija. Kien jitbaqbaq u jitmasħan fuq din u meta xi ħadd kien jipprova jgħidlu li xi ħaġa hija wirt tal-Kavallieri, jew wirt ta’ “dak” jew wirt tal-“ieħor” kien jitmasħan u jgħid li dak huwa tagħna, ta’ Malta u ħadd ma jeħodulna.

Fl-opinjoni tiegħi l-integrità u servizz huma żgur il-karatteristiċi ewlenin ta’ dan il-ġentlom li għex ħajja ta’ kważi 99 sena li tista’ tgħid nofshom kienu ddedikati għas-servizz pubbliku ta’ pajjiżna li tant ħalla frott li qed ingawdu aħna u qed igawdu wliedna mingħajr lanqas forsi biss nindunaw. Għalhekk tajjeb li dan il-Parlament ikollu din l-okkażjoni sabiex jieqaf u jirrifletti ħalli ngħinu lilna nfusna nindunaw li aħna għandna nagħtu rikonoxximent lil min f’ħajtu kien eżempju u mudell ta’ kif tkun ta’ servizz għal pajjiżek.

Nhar is-Sibt li għadda attendejna lkoll kemm aħna għall-funeral statali li l-Gvern Malti iddeċieda li jagħti lil Dr. Ċensu Tabone – kif jixraq f’okkażjonijiet meta jkollna personaġġi bħal dan, noffru funeral statali – b’apprezzament għall-ħidma kollha li wettaq tul ħajtu. Żgur li llkoll bqajna impressjonati bl-atmosfera, bl-ispirtu u bl-attendenza ta’ Maltin u Għawdxin li ġew minn kull naħa tal-gżejjer tagħna sabiex jagħtu dik l-aħħar tislima lil dan il-politiku li daħal ġewwa l-qlub tal-familji tagħna kollha, anke dawk li ma kenux jaqblu politikament miegħu, imma li ħaddnuh u ħaddnu dik it-tbissima ħelwa ta’ fuq wiċċu li dejjem kien iżomm. Kellu tbissima ta’ bniedem ġenwin li kważi kważi b’ħarstu kien mill-ewwel jurik moħħu kif qed jaħseb. Bil-ħarsa tiegħu u b’dik it-tbissima kien jispiċċa jagħmillek kuraġġ.

Fil-politika, kif jafu sħabi taż-żewġ naħat tal-Kamra, aħna ngħaddu minn mumenti li jkunu sbieħ u jkun hemm mumenti diffiċli – qed ngħid dan għax kelli mumenti diffiċli fil-karriera politika tiegħi anke riċenti – imma Ċensu Tabone kien dejjem hemmhekk fil-mumenti diffiċli biex jinkoraġġina, biex bi tbissima jżommna mexjin ’il quddiem, ma naqtgħux qalbna biex infittxu dejjem il-pożittiv u mhux nintilfu fin-negattiv, biex il-mentalità tagħna tkun kif nibnu u mhux kif inħottu, kif nagħrfu s-sewwa u mhux nintilfu wisq fuq in-negattiv.

Jien għedt li Ċensu Tabone kien qisu djamant b’ħafna uċuh ileqqu u se nsemmi ftit minn dawn l-uċuh differenti tal-personaġġ ta’ Ċensu Tabone. Se nkun qed insemmi xi affarijiet li intom tafuhom daqsi. Forsi hawn minnkom li tafuhom iżjed minni, imma jidhirli li għandna nsemmuhom biex jidħlu fir-records ta’ dan il-Parlament, ħalli jitniżżel fl-istorja ta’ pajjiżna li dan il-Parlament, l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, qed isellem lil xi ħadd li kważi għal 100 sena kien qiegħed fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna. L-ewwel nett żgur li – u din ħarġet bl-aktar mod ċar u jgħidha kulħadd – Ċensu Tabone ir-raġel fil-familja u l-missier tal-familja. Naħseb li lkoll kemm aħna se nibqgħu niftakru lil dan il-personaġġ għall-mod speċjali kif għex il-valur tal-familja, kif ħabb lill-familja tiegħu, kif rabba familja kbira, kif ħareġ fil-beraħ bla mistħija ta’ xejn id-dedikazzjoni totali tiegħu lejn martu Marija, lejn uliedu u lejn in-neputijiet u t-tfal tan-neputijiet, dedikazzjoni assoluta, inkondizzjonata.

Dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ xi ħadd u għedtlu li meta kont nitlaqa’ ma’ Ċensu – konna niltaqgħu flimkien fl-anniversarju taż-żwieġ tiegħu – kont inħoss li donnhom kellhom an eternal love affair, kif insejħilha jien. Ma kien jiddejjaq xejn imur fuq il-programm “Xarabank” u fuq programmi oħra tat-television u anke f’intervisti f’gazzetti, u joħroġ din fil-pubbliku għax hija ħaġa essenzjalment sabiħa u li għandna napprezzaw ilkoll kemm aħna. Min qatt jista’ jinsa dik it-tbissima fuq wiċċu kull meta kellna l-okkażjoni li nattendu jew għal xi birthday tiegħu u speċjalment għal xi anniversarju taż-żwieġ.

L-aħħar li kelli l-pjaċir u l-privileġġ li nqatta’ ftit tal-ħin miegħu kien proprju meta żort id-dar tiegħu bħala Prim Ministru u sibt lilu u lil martu Marija, u xi wħud minn uliedu, jiċċellebraw is-70 anniversarju taż-żwieġ tagħhom. Dakinhar tajtu rigal ċkejken li hu apprezza immensament imma għal darb’oħra kienet okkażjoni speċjali fiha nfisha u għamluha speċjali hu u martu Marija. Fid-dinja tal-lum irridu nitgħallmu napprezzaw iżjed xi jfisser impenn, is-sens ta’ sagrifiċċju, is-sens ta’ dedikazzjoni lejn l-aktar ħwejjeġ li huma prezzjużi u li aħna kultant, għax id-dinja tal-lum hija mgħaġġla, għaddejjin minn ħaġa għall-oħra, forsi ma nindunawx biżżejjed li l-aktar ħaġa prezzjuża hija dik il-persuna ta’ maġenbna, il-mara, il-missier, l-omm u l-ulied. Allura l-familji tagħna huma l-aktar għeżież għalina l-ewwel u qabel kollox u naħseb li jekk nagħsar lil Ċensu Tabone u nipprova noħroġ qatra ta’ sustanza minn dak kollu li huwa għamel fil-ħajja daqshekk ikkulurita tiegħu, żgur li toħroġ il-familja u d-dedikazzjoni tiegħu lejn il-familja tiegħu.


Min kien jaf lil Dr. Tabone forsi iżjed minni jaf ukoll li hu qatt ma żamm lura mid-diskors kull meta ried jagħmel punt, argument, kien x’kien. Kien iħobb jitkellem fuq kollox u kważi kollox kien isir argument għalih li mbagħad jagħmlu bil-passjoni ta’ xi ħadd li jrid jiddibatti u jrid jiddefendi l-punti li jkun qed jagħmel. Fuq kollox kien jagħmel argument ħlief fuq ħaġa waħda, il-familja tiegħu. Uliedu w martu jafu li fejn tidħol il-familja tiegħu Ċensu Tabone, ir-raġel, il-missier, in-nannu ma kienx ikollu għalfejn jiftaħ ħalqu, lanqas kelma ma kellu għalfejn ilissen għax ħarsa tiegħu kienet tkun biżżejjed biex tirrakkonta storja sabiħa li damet sejra għal 70 sena sħaħ ta’ żwieġ, proprju sal-aħħar sekondi ta’ ħajtu. Verament mudell sabiħ, u mudell sabiħ, biex inkunu ċari, anke għal min ma jkollux dan il-privileġġ u li jkun għaddej minn diffikultajiet.

Huwa mudell li għandu jispirana biex inkomplu naħdmu ħalli fejn jeżistu diffikultajiet fil-familja aħna l-politiċi, iżjed minn ħaddieħor, nippruvaw sal-massimu possibbli nifhmu, inkunu sensittivi, ngħinu safejn hu possibbli u napprezzaw li hija xi ħaġa li għandna bħala pajjiż inkomplu mmexxu ’l quddiem. Allura Ċensu Tabone ta’ 99 sena jibqa’ Ċensu Tabone rilevanti fis-sena 2012 u żgur fis-snin li ġejjin għax huwa mudell għalina lkoll fid-dinja tal-lum meta ninsabu f’ċirkostanzi differenti, fejn hemm il-periklu li nitilfu l-aktar affarijiet importanti minn taħt għajnejna.

Irrid insemmi wiċċ ieħor ta’ dan id-djamant li jleqq ukoll. Ma nistgħux ninsew li hu kien tabib tal-għajnejn magħruf sew f’Malta kif ukoll f’Għawdex u f’ħajtu kien ukoll sar magħruf sew ‘il hinn minn xtutna – dan qed ngħid fi żmenijiet mhux riċenti meta hawn l-internet, il-media u dawn l-affarijiet kollha, imma żmien ilu – peress li hu kien ikkunsidrat bħala wieħed, ma ngħidx mill-pijunieri, mill-esperti fit-trattament tal-marda tal-għajnejn magħrufa bħala t-Trachoma.

Li hu ta’ unur għal Dr. Tabone huwa li kien l-ewwel espert li l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa kienet inkarigat sabiex għan-nom tagħha jmur fil-pajjiżi l-aktar fqar tat-tielet dinja u jeżerċita l-professjoni tiegħu hemmhekk biex jeradika t-Trachoma minn dawn il-pajjiżi. Kien jistħoqqlu l-apprezzament għal din biss, aħseb u ara għall-affarijiet l-oħrajn kollha li għamel. Allura huwa rikonoxximent li jpoġġih bħala personaġġ li l-professjoni tiegħu ta’ tabib sarrafha b’mod ta’ valur, b’integrità u b’sens qawwi ta’ servizz anke lil hinn minn xtutna, fost popli oħrajn li kellhom bżonnijiet kbar, li kienu fil-periklu li din il-marda tal-għajnejn ittellef il-vista ta’ numru kbir ta’ persuni u Ċensu Tabone kien qiegħed hemm jintervjeni.

Marbut ma’ dan il-ħsieb irrid ngħid li għalkemm kien avvanzat sew fl-età tiegħu, anke meta rtira, Ċensu Tabone ma kienx abbanduna l-professjoni tiegħu. Jiġifieri ta’ 70, 75, 80 u 85 sena hu baqa’ aġġornat mal-professjoni tiegħu. Għadni niftakar qisu l-bieraħ meta sirt naf li bis-saħħa ta’ wieħed mill-irġiel tat-tfal tiegħu f’daqqa waħda skopra l-computer f’dik l-età avvanzata u skopra wkoll kif tidħol fl-internet. Meta kelli l-okkażjoni li niltaqa’ miegħu, peress li anke jien xi ftit jew wisq delittant ukoll, u staqsejtu għalfejn ta’ dik l-età għandu bżonn il-computer u l-internet qalli li permezz ta’ hekk jista’ jibqa’ aġġornat fuq il-mediċina tal-għajnejn. Il-professjoni tiegħu kienet waħda mir-raġunijiet għaliex kien skopra t-teknoloġija moderna ta’ età daqshekk avvanzata, biex jibqa’ aġġornat fil-professjoni tiegħu. Dan jurik kif ir-raġel baqa’ sal-aħħar jaffaxxina ruħu b’dak kollu li kien qed jiġri madwaru u jżomm ruħu aġġornat.

Ma nistax ma nsemmix lil Dr. Ċensu Tabone demokristjan – u demokristjan ta’ veru – li ma jiddejjaqx jgħid li jemmen f’dawn l-affarijiet, f’dawn il-prinċipji u f’dawn il-valuri u jgħixhom u kien jagħmel dan b’rispett sħiħ lejn min ma kienx. Forsi hawn għandna bżonn nitgħallmu ħafna iżjed anke f’dawn iż-żmenijiet tal-lum fejn pajjiżna mexa ’l quddiem u veru immaturajna politikament, u dan irridu napprezzawh u nirrikonoxxuh. Però l-messaġġ għandu jkun li inti jkollok il-valuri u l-prinċipji tiegħek, imma trid tirrispetta l-opinjoni ta’ min ma jkunx qed jaqbel miegħek. Anke jekk targumenta u anke jekk l-argument iġġibu ras imbras ma’ argumenti oħrajn, ma trid ittellef qatt ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna li jkollok faċċata tiegħek targumenta kontra tiegħek, fis-sens ta’ kontra l-argument aktar milli kontra l-persuna.

Naturalment l-aktar li nsellmu llejla hawnhekk huwa lil Ċensu Tabone l-politiku. Id-dedikazzjoni ta’ Ċensu Tabone biex ikun ta’ servizz għal ħaddieħor fil-ħajja soċjali tiegħu u fil-professjoni tiegħu, ġegħlitu fl-età ta’ kważi 50 sena jieħu deċiżjoni li jieħu sehem attiv fil-ħajja politika f’pajjiżna billi jimmilita fil-Partit Nazzjonalista. Hawnhekk, Sur President, nenfasizza l-kelma “Nazzjonalista” għax nixtieq noħroġha ’l barra mill-kamp tal-argument politiku, fis-sens li mhux in-Nazzjonalisti kontra l-Laburisti, imma n-namur tal-politiku, hu fuq liema naħa tal-Kamra hu, għal dak li hu tan-nazzjon li wellidna, li writna mingħand missirijietna bit-tajjeb u bid-difetti kollha tiegħu u li jagħmilna dak li aħna. Nenfasizza din il-kelma għax għal Ċensu Tabone din il-kelma toħroġ bl-aktar mod qawwi.

Fl-introduzzjoni tiegħi diġà semmejt li Ċensu Tabone kellu din il-karatteristika. Ma kienx jissaporti lil min jipprova dak li hu tagħna jagħtih lil ħaddieħor – u kien jargumenta dwar dan b’ċerta saħna – daqskemm ma kienx jissaporti li jiġi xi ħadd u jipprova jċekken il-kapaċità u l-kompetenza tal-Maltin, l-opportunità li mmorru barra minn Malta nagħmlu isem għalina nfusna u nikkompetu ma’ ħaddieħor għax m’għandna xejn inqas minn ħaddieħor. Il-kelma “Nazzjonalista” f’dan is-sens tgħodd mija fil-mija għall-mod ta’ kif Dr. Ċensu Tabone kien iħares lejn l-irwol tiegħu fil-politika, kelma li żgur hi ippersonifikata f’Ċensu Tabone. Jien nibqa’ niftakru jagħmel l-argumenti kollha li joħorġu fil-beraħ. Tant hu hekk li huwa rreġistrat fl-istorja li fil-ħajja politika tiegħu kien jistaqsi x’se tfisser il-mixja ta’ dan il-pajjiż lejn l-Ewropa u jekk aħniex se nżommu l-identità tagħna u jekk dak li hu tagħna huwiex se jibqa’ tagħna. Dak l-argument għen ħafna biex il-ħsieb politiku jiżviluppa u jimmatura biex aħna stess internament ukoll nistaqsu lilna nfusna jekk is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea aħniex se nsarrfuha f’identità b’saħħitha għal pajjiżna. Partijiet mid-dibattitu intern fil-Partit Nazzjonalista kien xprunat minn Dr. Tabone nnifsu. Kienet gustuża l-espressjoni ta’ Eddie Fenech Adami li dan l-aħħar pubblikament qal – naturalment b’riferenza lejn Ċensu Tabone – li huwa kien qisu kap tal-oppożizzjoni intern fil-partit u kien jarah utli immens għax internament irid ikollok l-argumentazzjoni li tgħin ħalli tkun tista’ tasal għal deċiżjoni wara dibattitu maturat fuq kwalunkwe tema li jkollok. Għalhekk, aħna li mmilitajna u għadna nimmilitaw fil-partit li għalih kien id-dar naturali tiegħu, nagħtuh tislima.

Naturalment din il-Kamra ma tistax tinsa l-fatt li Dr. Tabone kellu mhux biss irwol ta’ politiku fil-Parlament, imma kellu wkoll irwol fl-amministrazzjoni tal-pajjiż taħt il-Gvern ta’ Borg Olivier meta kien Ministru tax-Xogħol u taħt il-Gvern ta’ Fenech Adami meta kien Ministru responsabbli mill-Affarijiet Barranin għal perjodu relattivament qasir fil-bidu tas-Sitt Legislatura qabel ma nħatar President ta’ Malta. Ħalli norbot ftit fil-qosor mal-ewwel l-irwol tiegħu meta kien Ministru tax-Xogħol taħt il-Gvern ta’ Borg Olivier.

Nieħu pjaċir ninnota li s-Sedja qassmitilna – kif dejjem nagħmlu f’dawn l-okkażjonijiet – id-diskors li kien għamel Dr. Ċensu Tabone għamel fil-bidu tal-karriera tiegħu. Jekk wieħed iħares lejn dan id-diskors jinduna mill-ewwel x’inhi l-linja tal-ħsieb tiegħu u kemm kien jargumenta b’saħna wkoll fuq il-qasam tax-xogħol u kemm kien importanti għalih il-ħolqien tax-xogħol, kif kien jara l-affarijiet hu, speċjalment f’dawk iż-żmenijiet. Qed nirriferu hawnhekk għal ngħidu żmenijiet ir-rundown li kienu żmenijiet ta’ sfidi kbar għal pajjiżna li fihom Ċensu Tabone kellu rwol ċentrali f’dak il-mument partikolari fl-istorja ta’ pajjiżna. Imma ħalli nsemmi xi ħaġa li jien sirt naf biha fil-karriera politika tiegħi meta sirt Speaker ta’ dan il-Parlament u anke dħalt fil-qasam tad-diżabilità. Jiena dejjem insemmi l-famuża liġi tat-2% tal-1969 li għal dawk iż-żmenijiet kienet avant-garde.

Meta jien dħalt fil-qasam tad-diżabilità kont għamilt studju fejn mort lura fiż-żmien biex nara kif kienu jħarsu lejn il-qasam tad-diżabilità fis-snin sittin madwar l-Ewropa u madwar id-dinja minn fejn skoprejt li ftit kienu l-pajjiżi li kienu ħadu l-pass, dak iż-żmien avventuruż, innovattiv u kreattiv, li jgħaddu liġi fejn jgħidu li l-employers irid bilfors ikollhom mill-inqas 2% tal-impjiegi tagħhom għall-persuni b’diżabilità. Kif diġà għedt, din kienet xi ħaġa avant-garde għal dak iż-żmien li naturalment kompliet tibni mal-ħafna li sar tul l-istorja ta’ pajjiżna mill-gvernijiet ta’ qabel fir-rigward tal-persuni b’diżabilità. Kien proprju Dr. Ċensu Tabone li għadda din il-famuża liġi fl-1969 u sussegwentement il-qasam tad-diżabilità kompla jiżviluppa, il-ħsieb kompla jimmatura u l-atteġġjamenti u s-sustanza ta’ xi tfisser dik il-liġi komplejna niżviluppawhom. Illum naraw l-affarijiet ftit differenti, però l-kunċett jibqa’ wieħed ta’ rispett lejn id-dinjità tal-persuna, indipendentement minn x’diżabilità jkollha. Il-kelma “diżabilità” hija kważi kontradittorja għax illum m’għandniex naraw persuna x’ma tistax tagħmel imma x’tista’ tagħmel u minflok inżommuha f’bozza, ngħinuha tintegra ruħha fid-dinja tax-xogħol. Dawn huma kunċetti li kienu marbutin intimament mas-sinsla politika li jisimha Ċensu Tabone.

Sur President, dawn huma kollha punti importanti marbutin mal-figura ta’ Dr. Ċensu Tabone li huwa dak il-politiku li fassal politika li aħna writna u komplejna nħaddmu tul is-snin. Dr. Tabone għalaq il-kapitlu tiegħu bħala politiku u fetaħ wieħed ġdid meta fl-1989 ġie msejjaħ mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dr. Fenech Adami, biex ikun President ta’ Malta u allura jokkupa l-ogħla kariga tal-pajjiż. Fil-fatt, fost l-isbaħ memorji li għandi ta’ Dr. Tabone huwa ta’ meta sar President għax fl-1988 jien kont għadni kif bdejt nokkupa l-kariga ta’ Speaker u allura kont għadni frisk u kont għadni qed niskopri xi tfisser din il-kariga u r-responsabbiltà tagħha xi ssarraf. Waħda mill-ewwel esperjenzi li kelli kienet iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra tal-President il-ġdid għax il-ġurament jingħata mill-iSpeaker u jien kelli l-pjaċir u l-privileġġ li nagħti dan il-ġurament lil Dr. Tabone u dak huwa mument li ma ninsa qatt.

Dak iż-żmien il-protokoll kien jirrikjedi – ma nafx illum għadhiex l-istess – li l-iSpeaker imur id-dar tal-persuna konċernata, irikkeb lill-persuna fil-karozza tiegħu, jakkumpanjaha sal-Parlament fejn hemmhekk issir iċ-ċerimonja u jingħata l-ġurament. Mill-kliem li għedna tul dak il-vjaġġ, u anke wara, bqajt impressjonat kemm Dr. Tabone kien anzjuż li juri lil kulħadd li kien se jkun il-President tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Ma ninsewx li hu kien l-ewwel President li kien ġej mill-kamp politiku tal-Partit Nazzjonalista u allura kien qed jagħraf x’piż kbir kellu fuq spallejh. Ħafna nies kellhom dubju dwar kemm min jiġi mill-kamp politiku jista’ jgħaqqad lill-pajjiż. Dan kien l-istess dubju li kellu f’moħħu Dr. Tabone fl-ewwel ġranet tal-presidenza tiegħu, mhux tant li jipprova lilu nnifsu fil-kapaċità ta’ presidenza imma bħala President li jgħaqqad lin-nies u li jġib ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali. U r-rikonċiljazzjoni nazzjonali kien il-messaġġ politiku li mexa bih il-Gvern tal-1987.

Dr. Ċensu Tabone ħass piż kbir fuq spallejh meta aċċetta li jidħol għall-kariga ta’ President. Kif taf din il-Kamra, huwa beda din il-kariga b’diffikultà minħabba raġunijiet politiċi. Madankollu l-punt mhuwiex daqstant id-diffikultà imma li f’għeluq il-presidenza dik id-diffikultà kienet ġiet megħluba u Dr. Tabone kien rebaħ l-appoġġ, l-apprezzament u r-ringrazzjament taż-żewġ naħat tal-Kamra għall-mod ta’ kif qeda d-dmir tiegħu bħala President. Għal min jaħseb li min jidħol fil-politika jiċċappas – u qed nuża kelma mil-lingwaġġ populista però li jdejjaqni ħafna – din għandha sservi ta’ risposta għax Dr. Tabone f’dawk il-ħames snin ta’ presidenza wera lil kulħadd li bil-politika ma tiċċappas xejn, anzi tista’ tkun ta’ servizz għall-pajjiż. Bil-politika persuna toffri lilha nnifisha biex kull fejn hu possibbli tara lil pajjiżha jimxi ’l quddiem. Għaldaqstant naħseb li Dr. Ċensu Tabone jistħoqqlu l-isbaħ tislima minn dan il-Parlament, jekk mhux għal xi ħaġa oħra żgur għall-fatt li huwa rreġistra bl-aktar mod formali u ċar il-fatt li bniedem fil-politika li ġenwinament joffri li jkun ta’ servizz għal pajjiżu verament jagħmel differenza għall-aħjar. Issa se nitkellem dwar Dr. Tabone bħala l-anzjan irtirat.

Il-ħajja tal-politiċi tagħna ma tispiċċax mat-tmiem tal-kariga pubblika tagħhom. Wara li Dr. Tabone irtira minn President kull fejn kien possibbli u kull fejn kellu l-opportunità kompla jkun strument li jwassal messaġġ pożittiv bi tbissima lill-kontemporanji tiegħu. Pereżempju, kien jagħmel anke reklami dwar l-użu tal-kompjuters fuq it-televixin fejn kien iwassal messaġġ lill-anzjani sabiex ma jingħalqux ġo bozza u joqogħdu d-dar jaraw ix-xemx tiela’ u nieżla, iżda li hemm barra hemm dinja li anke anzjan kapaċi jiskopriha. Huwa kien l-isbaħ messaġġier għax mod ngħid dawn l-affarijiet jien u mod ieħor jgħidu anzjan lill-kontemporanji tiegħu u jurihom li la qed jagħmlu hu allura jistgħu jagħmluh huma wkoll. Niftakar ukoll xi reklami u features li fihom Dr. Tabone kien jitkellem fuq il-kamp mediku, fosthom l-isptar u s-servizzi li għandna. F’ċertu sens kważi f’dawn il-messaġġi kollha Dr. Tabone baqa’ żagħżugħ fil-ħsieb, fil-mod ta’ kif iħares lejn il-ħajja u fil-mod ta’ kif japrezza s-sabiħ tal-ħajja aktar milli jintilef fin-negattiv. Huwa veru li jeżisti n-negattiv u jkun żball jekk ma nagħtux kasu, però jekk tagħti kasu m’għandek qatt tinsa li hemm ħafna aktar li hu sabiħ. L-istess jista’ jingħad għall-mod ta’ kif għandna napprezzaw ir-relazzjoni umana ma’ tal-familja, mal-komunità ta’ madwarna u mal-pajjiż kollu minflok nispiċċaw inkunu egoċentriċi u naraw biss iċ-ċirku ristrett ta’ madwarna.

Sur President, għadni kemm semmejt il-komunità u għaldaqstant ma rridx ma nsemmix il-fatt li Dr. Tabone kien attiv ħafna fil-komunità tiegħu. Huwa kien attiv ħafna fis-soċjetajiet ta’ Tas-Sliema u fil-każini tal-baned u naħseb li l-poplu kollu, b’mod partikolari s-Slimiżi, kien jurih apprezzament għall-preżenza kostanti tiegħu. Allura ma nistgħux ma nsellmux lil dan il-personaġġ, liema tislima tippermetti lil din il-Kamra li twassal mill-ġdid il-kondoljanzi tagħha lill-familjari kollha tiegħu, speċjalment lill-martu, is-Sinjura Maria Tabone u lil uliedu u wlied uliedu li jien Jien nirringrazzja minn qalbi.

Waħda minn uliedu f’waħda mill-ġranet ta’ wara l-funeral bagħtitli email b’messaġġ sabiħ fejn qaltli ‘we shared our father with the country.’ Huma qasmu lil missierhom mal-pajjiż kollu u huwa proprju għalhekk li llejla qed nirringrazzjaw lill-familja Tabone għall-privileġġ li qsamna magħhom il-ġid li ħadem għalih Dr. Ċensu Tabone. Nirringrazzjak, Sur President. (Onor Membri: Hear, hear)

THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Ċensu Galea): Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. JOSEPH MUSCAT (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, illum qed nagħtu tislima lil persuna oħra minn ġenerazzjoni ta’ politiċi kbar f’dan il-pajjiż li meta wieħed jara l-mod ta’ kif bdiet il-karriera parlamentari tagħhom u l-mod ta’ kif qed insellmulhom illum bħala pajjiż jinduna bl-iżviluppi kbar li saru fis-soċjetà tagħna.

Dr. Ċensu Tabone kien politiku li beda l-karriera parlamentari tiegħu billi ħa l-ġurament ta’ lealtà lejn il-Majestà Tagħha Eliżabetta II bħala Reġina tar-Rejnu Unit u tal-Commonwealth inkluż ta’ Malta. Issa l-pajjiż kollu se jsellimlu bħala President Emeritu tar-Repubblika. Jien nistqarr li bqajt impressjonat bl-ewwel diskors li għamel Dr. Tabone u li jinsab fil-fuljett li tqassam waqt il-funeral statali – jien kelli biss 15-il sena meta Dr. Tabone nħatar President tar-Repubblika – għax fih rajt sens repubblikan kbir u anke għall-mod ta’ kif tkellem dwar il-Kostituzzjoni bħala dokument li wasalna għalih flimkien, iżda li hemm ħafna xi ntejbu dwaru. Ovvjament dan wieħed irid jieħdu fil-kuntest storiku ta’ dawk iż-żmenijet fejn il-Kostituzzjoni tagħna kellha forsi waħda mill-akbar taqlibiet sa minn meta ġiet approvata. Żgur li Dr. Tabone kien parti essenzjali mid-diskussjonijiet li saru li wasslu sabiex dan il-Parlament japprova l-emendi għall-Kostituzzjoni bi kważi unanimità. Dak iż-żmien ukoll kien irnexxilu jieħu pożizzjoni pjuttost riġida imma bżonjuża fl-interess nazzjonali, għax irrikonoxxa dak li kellu bżonn pajjiżna.

Ovvjament għal din in-naħa tal-Kamra, u anke għal oħrajn li tkellimt magħhom kemm preżenti kif ukoll irtirati, Dr. Tabone kien avversarju formidabbli fid-dibattiti. Id-diskors tiegħu – li llum għandna quddiemna grazzi għall-inizjattiva tajba ħafna li ħadet is-Sedja biex tirpproduċilna dawn id-diskorsi kull darba li jkollna okkażjonijiet bħal dawn – li semma wkoll il-Prim Ministru, juri animu pjuttost imqalqal. Irrid ngħid ukoll li kien hemm deċiżjonijiet li ttieħdu jew kienu xprunati minn Dr. Tabone, speċjalment fl-ewwel parti tal-karriera politika tiegħu f’kariga eżekuttiva fis-snin sittin, dwar il-liġijiet tax-xogħol, li din in-naħa ma setgħet qatt taqbel magħhom. Min-naħa l-oħra naħseb li kien hemm bilanċ, speċjalment fit-tieni parti tal-karriera politika tiegħu u b’mod partikolari meta kien President tar-Repubblika, għax bla dubju ta’ xejn kien, bħalma kienet kull persuna li okkupat il-kariga ta’ President tar-Repubblika u bħalma kien Dr. Pawlu Xuereb meta kien Aġent President tar-Repubblika, fil-fehma tiegħi, kapaċi jqum għall-okkażjoni u jħares lejn l-interess nazzjonali u l-għaqda nazzjonali.

Jien qrajt b’interess u kważi b’nofs tbissima kummenti li għamlu tliet ex-prim ministri dwar Dr. Tabone u żgur li ma kenux mifthema bejniethom. Il-President Emeritu Dr. Eddie Fenech Adami qal li f’ċerti waqtiet hu qisu kien iħoss lil Dr. Tabone bħala l-kap tal-oppożizzjoni intern tiegħu. Fil-fatt din hija rimarka li kien għamilha wkoll il-Prim Ministru u Dr. Borg Olivier li sa fejn naf jien kien l-ewwel persuna li ħareġ b’dik il-frażi meta laqqa’ lil Dr. Tabone ma’ xi dinjitarji barranin. Għaldaqstant ftit qabel ma beda l-funeral, b’nofs ċajta lil Dr. Fenech Adami staqsejtu: Imma kemm kienet iebsa l-Oppożizzjoni?! Qalli li xi kultant kien ikollu jgħid il-pożizzjoni tiegħu bil-maqlub biex huwa jaqbel miegħu u jiġi li bħal speċi jkun ċedielu.

Imbagħad hemm ukoll il-kummenti ta’ Dr. Karmenu Mifsud Bonnici li ħa pożizzjoni iebsa, biex ma ngħidtx dommatika, fil-konfront ta’ Dr. Tabone meta kien ingħata l-ħatra ta’ President tar-Repubblika. Naħseb li l-kummenti ta’ Dr. Mifsud Bonnici jixhdu r-rispett personali li qatt ma naqas. Dawn kienu deċiżjonijiet politiċi li l-istorja tagħmel ġudizzju dwarhom imma li żgur qatt ma saru b’animożità. Dr. Mifsud Bonnici tkellem b’mod ċar ħafna dwar kif – xi ħaġa li jien ma kontx naf – hu kien konsulent tal-Medical Association of Malta (MAM) fi żmien it-twaqqif tagħha, liema assoċjazzjoni kellha lil Dr. Tabone bħala wieħed mill-fondaturi, u dwar kif imbagħad sabu ruħhom fuq żewġ naħat totalment differenti.

It-tielet sett ta’ kummenti huma tal-Onor. Alfred Sant li qal li ħafna drabi fl-iskambji li kien ikollu ma’ Dr. Tabone kienu jkunu skambji fejn jaqblu li ma jaqblux. Naħseb li dawn huma sitwazzjonijiet li juru l-mod ta’ kif qed timmatura d-demokrazija tagħna u kif Dr. Tabone jista’ jkun ta’ ispirazzjoni. Jiddispjaċini li ma nistax nitkellem mil-lat personali dwaru għax ilqtajt miegħu darba biss u allura ma nħossx li għandi b’xi mod jew ieħor nagħti ġudizzju mil-lat personali, imma bħala ċittadin nista’ ngħid li lil Dr. Tabone kont narah bħala persuna li wieħed jista’ jidentifika ruħu magħha minkejja li ma kienx jappartjeni lin-naħa tal-ispektrum politiku li jien dejjem assoċjajt ruħi miegħu.

Fl-aħħar nett nixtieq inrodd ħajr lis-Sinjura Tabone. Fil-verità jien ftit li xejn nemozzjona ruħi meta nara personaġġi pubbliċi għax xi kultant ċerti avvenimenti pubbliċi jkun fihom ċerta drammatiċità li kultant ixxaqleb lejn it-teatrin, però fil-funeral statali ta’ Dr. Tabone assolutament ma rajna l-ebda tip ta’ teatrin; rajna familja miġbura u nazzjon miġbur.

Għaldaqstant nixtieq insellem lis-Sinjura Tabone għax onestament ikkommovejt ruħi meta fuq it-televixin rajta tbus u tagħti l-aħħar tislima lir-raġel tagħha. Naħseb li dan kien wieħed mill-aktar mumenti romantiċi, fis-sens wiesa tal-kelma, li qatt rajt f’ħajti. Sur President, naħseb li lis-Sinjura Tabone dan il-pajjiż irid isellmilha mhux biss bħala l-armla ta’ Dr. Tabone imma wkoll bħala persuna li ddedikat u qiegħda tkompli tiddedika ruħha mhux biss għall-familja numeruża tagħha – li llejla jinsabu fl-iStrangers’ Gallery – imma wkoll għal pajjiżna. Għalhekk, filwaqt li nirringrazzjaha, inwassal lilha u lill-kumplament tal-familja tagħha l-kondoljanzi minn din in-naħa tal-Kamra. Nirringrazzjak, Sur President. (Onor Membri: Hear, hear)

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Jalla d-diskorsi tal-Prim Ministru kif ukoll tal-Kap tal-Oppożizzjoni jservu sabiex aħna, il-Membri ta’ dan il-Parlament, nitgħallmu ħafna minn dak li għallimna l-President Emeritu Ċensu Tabone.

Is-Sedja tingħaqad ukoll mas-sentimenti murija mill-Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex, jekk jogħġbu, iwassal il-kondoljanzi espressi fil-Kamra b’mod formali lill-familjari ta’ Dr. Tabone, minkejja li l-parti l-kbira tagħhom qiegħda hawnhekk. Nirringrazzjakom.

Electoral History

Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 31.03.1966
Oath of Allegiance: 25.04.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Positions
Sworn in as Minister of Labour, Employment and Welfare - 07.04.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971
Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 25.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987

Appointed President of Malta

- 16.03.1989
Positions
Sworn in as Minister of Foreign Affairs - 14.05.1987
Ceased: 16.03.1989