TIFKIRA TA’ ANTHONY ZAMMIT FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA
26 ta' Ġunju 1950 - 4 ta' Novembru 2017
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-12 ta' Marzu 2008 u s-7 ta' Jannar 2013
Anthony Zammit
L‑Ewwel Diskors ta’ Anthony Zammit fil‑Kamra tad‑Deputati Parlament ta’ Malta
ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 2 TAT‑12 TA’ MEJJU 2008 Il-ĦDAX-IL LEĠIŻLATURA
AĠĠORNAMENT
ONOR. ANTHONY ZAMMIT: Mr Speaker, inħossni onorat li f'din il-leġiżlatura se nkun jiena li nitkellem fl-ewwel aġġornament f'din il-Kamra. Għalija din kienet bħal doċċa kiesħa għax peress li għadni ġdid ma nistax ngħid li jien daqshekk intiż fil-proċeduri ta' din il-Kamra. Fil-fatt staqsejt fuqiex nista’ nitkellem u qaluli li f’dan il-ħin nista' nitkellem fuq kollox. Għalhekk irrid nibda biex nirringrazzja lil dawk kollha li vvotawli u tawni l-possibbiltà li nirrappreżentahom f'din il-Kamra. Nirringrazzja lill-kostitwenti tal-ħames distrett, li jinkludi ż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba, Ħal Safi, Ħal Kirkop, Marsaxlokk u Birżebbuġa, li għalkemm ma ġejtx elett minnu, I gave a good show. Nirringrazzja mbagħad lill-votanti kollha li eleġġewni mis-seba' distrett li hu kompost minn Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat, il-Baħrija u l-postijiet tal-madwar, fosthom Raba' Nemel, li huwa interessanti immens, Ħad-Dingli, l-Imġarr u l-Imtarfa. Jien ħriġt kuntent ħafna u nirringrazzja lil dawn il-persuni kollha għax nemmen li r-rispett, rispett iġib. Fil-professjoni medika tiegħi dejjem irrispettajt lil kulħadd u dak ir-rispett reġa' ġie lura għandi.
Peress li hawn ilsna li qegħdin ixerrdu ċerti għajdut dwari huwa importanti li niċċara xi affarijiet. Irrid ngħid li jiena se nibqa' fil-professjoni medika tiegħi, jiġifieri se nibqa' nagħmel ix-xogħol tiegħi ta’ kirurgu u se nibqa' wkoll noqgħod Ħaż-Żebbuġ. Qed ngħid dan għax hawn min qiegħed ixerred ix-xniegħa li jiena se nitlaq minn Ħaż-Żebbuġ u se mmur nerġa' noqgħod Tas-Sliema fejn twelidt. Dan huwa għajdut biss. Meta lili jistaqsuni minn fejn jien, ngħidilhom li twelidt Tas-Sliema, ommi hija mill-Belt b'demm Żebbuġi u missieri huwa minn Bormla. Allura nista' ngħid li jiena kważi minn kull parti ta' Malta. Nixtieq nifraħ liż-Żebbuġin kollha għax illum, 12 ta' Mejju, għandna l-festa tal-kbir San Filep u nispera li l-marċ idum ma jidħol għax nixtieq nieħu sehem fih. Nixtieq li anke l-kollega tiegħi tal-faċċata l-oħra, li huwa wkoll Żebbuġi, jiġi miegħi ħalli nieħdu gost flimkien f'dan il-marċ.
Ninsab ferħan li f'dan il-parlament il-professjoni medika għandha rappreżentanza qawwija. Fil-fatt, 18% tal-membri parlamentari huma tobba u jipprofessjonaw il-professjoni medika. Din hija ħaġa tajba ħafna anke minħabba l-fatt li filwaqt li l-avukati jaħsbu b'moħħhom, it-tobba jaħsbu b'moħħhom u b'qalbhom ukoll. Dik hija d-differenza bejn l-avukat u t-tabib. U dik hija xi ħaġa importanti għall-membri parlamentari. Tajjeb li ngħid ukoll li minbarra l-Onor. George Vella u l-Onor. Adrian Vassallo, ħafna mit-tobba li hawn f'din il-Kamra għaddew minn taħti, jafu x'inhu l-karattru tiegħi, jafu kemm hu importanti l-pazjent għalija u jafu wkoll li wieħed mill-prinċipji tiegħi hu li fejn tidħol is-saħħa m'hemmx kuluri. Dik hija xi ħaġa li dejjem sostnejt u nibqa' nsostni. Minn hawnhekk qed noffri l-għajnuna u l-esperjenza tiegħi fis-settur tas-saħħa u l-kritika tiegħi se tkun b'saħħitha u kostruttiva għax nemmen li għandna naħdmu flimkien biex il-pazjent jiġi minn ta' quddiem. Għalhekk jiddispjaċini li filwaqt li dan il-gvern tela' bl-għajta "Flimkien kollox possibbli", kif nemmen jien ukoll, imbagħad jittieħdu ċerti deċiżjonijiet mingħajr ma saret diskussjoni dwarhom. Ejja naħdmu flimkien sabiex inġibu lil pajjiżna 'l quddiem. Ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk. Dal dire al fare c'è un gran mare. Jien lest li nagħmel kollox u nagħti l-għajnuna tiegħi.
Jiena ċert li dan il-gvern se jkollu d-diffikultajiet biex jirranġa n-nuqqasijiet tal-gvern ta' qablu fis-settur tas-saħħa. Jiddispjaċini ngħid li f'dawn l-aħħar għaxar snin parti mill-gvern, li kellha tieħu ċerti deċiżjonijiet dwar is-settur tas-saħħa, raqdet. Veru li għandna sptar sabiħ u impressjonanti, imma xi ngħidu għas-servizz li qed jingħata fih? Jiddispjaċini ngħid dawn l-affarijiet imma taħsbu li hija ħaġa tajba li xi ħadd għandu jdum jistenna sena sabiex jarah speċjalista tal-uroloġija?! Persuna marida, dak il-ħin ikollha bżonn l-għajnuna. Taħsbu li hija xi ħaġa tajba li persuna li għandha bżonn tagħmel X-ray tal-musrana għandha ddum tistenna erba' xhur?! Kif diġa' għedt, il-pazjent, fil-ħin li jkun marid ikollu bżonn l-għajnuna. Taħsbu li hija xi ħaġa tajba li persuna li fil-familja tagħha għandha min hu marid bil-cancer tas-sider għandha ddum tistenna sitt xhur biex isirilha l-mammogram, u jekk hemm bżonn li jsirilha ultrasound tistenna erba' xhur oħra?! Ma naħsibx li dan huwa tajjeb. Għaldaqstant jien lest li ngħin u noffri l-għajnuna tiegħi biex dawn l-affarijiet jitranġaw. Pereżempju, għaliex persuna li għandha 75 sena għandha tistenna ħames snin biex issirilha l-operazzjoni tal-katarretta jew biex jinbidlilha l-ġog tal-hip jew tal-irkoppa?! Dan il-gvern qatt studja l-possibbiltà li dawn l-operazzjonijiet isiru f'Għawdex, fejn għandna ophthalmologist u orthopaedic surgeon tajbin ħafna? Dawn żgur jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-waiting list li għandna fl-Isptar Mater Dei. Imbagħad wara kollox, jekk il-pazjenti jitilgħu Għawdex se nżidu wkoll l-ekonomija Għawdxija għax dawn se jitilgħu l-familjari magħhom u se jkollhom bżonn jieklu u post fejn jorqdu. Għaldaqstant nemmen li għandna nistudjaw din il-possibbiltà.
Ħaġa oħra li nixtieq nitkellem dwarha hija l-kura primarja. Sfortunatament il-gvern li kellna qabel ħalla l-kura primarja tispiċċa fix-xejn jew kważi fix-xejn u ma jistax ikun li aħna ma nerġgħux insaħħuha jekk irridu nnaqqsu l-workload minn fuq l-Isptar Mater Dei. Niftakar li meta kont żgħir u xi ħadd kien ikollu attakk tal-marrara kien jiġi l-general practitioner jarah id-dar u jagħtih it-treatment neċessarju. Dan lanqas kien jidħollu f’rasu li seta' jintbagħat l-isptar, anzi dak iż-żmien kważi kien ikun diżunur li xi ħadd jintbagħat l-isptar għal ħaġa bħal din. Illum, meta xi ħadd ikun ibati minn din il-kundizzjoni, it-tabib mill-ewwel jibagħtu l-isptar. Għandna bżonn nedukaw lill-poplu li l-isptar huwa xi ħaġa li għandna nibżgħu għalih u li m'għandniex għal xejn b'xejn nitfgħu l-pazjenti ġewwa fih.
Biex insaħħu l-kura primarja hemm bżonn li dan il-gvern jistudja l-possibbiltà li ndaħħlu fiha wkoll il-GPs tad-distretti. Għaliex m’għandhomx il-GPs jagħtu kas il-kura primarja tan-nies tad-distretti tagħhom? Naħseb huwa faċli u possibbli li jsiru ċerti ultrasounds u ċerti X-rays fil-polyclinics tagħna. Barra minn hekk irridu nedukaw lill-poplu u nuruh li se jkun hemm kooperazzjoni bejn il-gvern u t-tobba li huma tal-fiduċja tagħhom. Però rridu naħdmu flimkien għax inkella żgur m’aħniex se naslu. Sur President, nixtieq li dan il-gvern jagħmel studju ħalli naraw kemm nies marru fil-casualty department ta' l-isptar meta dawn setgħu jiġu ttrattati fil-kura primarja. Għax m’għandux isir studju biex naraw jekk it-tali kura kellhiex tingħata fil-poliklinika minflok ġewwa l-isptar?
L-ewwel nett naraw x'workload ikollhom il-polyclinics u fl-istess ħin nedukaw lill-poplu billi ngħidulu li seta' nqeda hemmhekk. Jiena ma nemminx li fil-polyclinics imorru nies li m’għandhomx x’jagħmlu jew għax sempliċement ma jkunux jistgħu jorqdu. Għalhekk għandna bżonnhom il-polyclinics għax jekk bniedem għal xi ħaġa jew oħra ma jkunx qed iħossu f’sikktu u dawn ikunu magħluqin, bilfors jispiċċa jmur l-isptar. B'dan il-mod qed jiżdied il-workload fil-casualty u qiegħed isir it-tgergir. Għalhekk meta inti tmur fl-emerġenza tal-isptar għandek mill-inqas sitta jew seba' sigħat tistenna sakemm jiġi jarak tabib. Kif jista’ jkun li l-pazjenti joqogħdu jistennew dan il-ħin kollu?! F'dak it-tul ta’ ħin kollu mara tilħaq twelled u xi ħadd li jkollu attakk f’qalbu jilħaq imut! Ejja naraw flimkien kif nistgħu nirranġawhom dawn l-affarijiet. Jiena lest li ngħin u għalhekk ngħid li flimkien kollox possibbli.
Ħaġa oħra li xtaqt nitkellem dwarha hi n-nuqqas ta' tobba u nurses ġewwa l-isptar. Jidhirli li meta aħna qegħdin ngħinu student biex isir tabib inkunu qegħdin nagħmlu investiment li se jgħinna fil-futur. Issa jekk dawn malli jsiru tobba m’għandhomx a structured post-graduate training se jitilqu minn Malta. Jiena nemmen ħafna fit-tobba u fin-nurses Maltin. Ħafna minna, meta morna barra għamilna suċċess u għamilna isem u unur għal pajjiżna. Għaliex m’għandniex nagħtuhom dawn l-istructured post-graduate programmes ħalli nibdew inlaħħqu l-ispeċjalisti tagħna hawn Malta? Veru li Malta hija żgħira, veru li għandna bżonn l-għajnuna minn pajjiżi oħra ħalli jkollna a sort of an exchange, imma dawn l-affarijiet nistgħu nistudjawhom ħalli naraw x’nistgħu nagħmlu.
Issa li qegħdin fl-Unjoni Ewropea ejja nħallu ftit il-kolonjaliżmu Ingliż. Ejja niftħu għat-tobba tagħna u nieħdu mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dak kollu li huma jistgħu jagħtuna. Jiena ma mortx l-Ingilterra biex nagħmel il-post-graduate tiegħi. Naħseb li kont wieħed mill-uniċi nies li mort il-Ġermanja u nista' ngħid li hemmhekk kelli post-graduate training sensazzjonali. Għalhekk jien intiż f'ħafna diviżjonijiet tal-kirurġija. Mela ejja ma naħsbux biss fl-Ingilterra. Jekk nibqgħu b’din il-mentalità, li se jiġri hu li aktar 'il quddiem - u l-qanpiena diġà qed iċċempel - dawn se jippruvaw jisfruttawna. Se jkun hawn ċerti kulleġġi li se jiġu hawn Malta biss biex jagħmlu l-flus minn fuqna. Ma naħsibx li din hija xi ħaġa sew. Almenu ejja mmorru in partnership magħhom, imma nippruvaw nimbuttaw liż-żgħażagħ tagħna għax dawn qed jitilqu għax jinsabu frustrati. Għalhekk jiena jiddispjaċini meta nara dawn l-affarijiet isiru.
Jiena ħadt gost ħafna nisma' li dan il-gvern se jara jekk hemmx il-possibbiltà li jagħmel riċiklaġġ tal-ilma li jiġi mix-showers li jintużaw fl-Isptar Mater Dei. Imma mill-banda l-oħra x'inhi r-raġuni li l-ilma li jibgħatilna l-Mulej, jiġifieri dak li jaqa' fuq il-bejt, qegħdin nitilfuh?! Jiena smajt li l-ġibjun li għandna hemmhekk fil-fatt huwa żgħir u għaldaqstant l-ilma qiegħed jintilef. Dan il-gvern qatt studja l-possibbiltà illi l-bejt tal-Isptar Mater Dei jintuża biex nieħdu ċertu ammont ta' enerġija minn solar heating jew solar energy? Ara x’ammont ta’ surface area għandek hemmhekk! Wasalna fis-sitwazzjoni li kull qatra hija importanti u kull qatra tgħodd.
Mr Speaker, jiena lest li ngħin u kważi kważi aħna minn din in-naħa se nkunu l-mutur ta’ dan il-gvern. Se noħorġu b'ideat innovattivi u naħseb li fl-aħħar mill-aħħar il-poplu jinduna x’inhi d-differenza bejn il-gvern u l-oppożizzjoni. L-oppożizzjoni forsi hija iżgħar fl-età u iktar innovattiva u dan il-gvern huwa kontinwazzjoni ta’ gvernijiet nazzjonalisti preċedenti. Grazzi.
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 51 tat-Tlettax-il Leġislatura tat-13 ta' Novembru 2017
KONDOLJANZI
L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Ngħaddu għall-kondoljanzi tal-Prof. Anthony Zammit, li kien Membru Parlamentari bejn l-2008 u l-2013. Kif inhi konswetudni ta’ din il-Kamra, qed nippubblikaw ktejjeb bl-ewwel diskors li kien għamel fil-Parlament nhar it-12 ta’ Mejju, 2008.
Filwaqt li nsellem lill-familjari tal-mibki Anthony Zammit, insejjaħ lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne biex jagħmel kelmtejn b’risq il-memorja tiegħu.
ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Sur President, il-Prof. Anthony Zammit ħalliena fl-4 ta’ Novembru fl-età ta’ 67 sena. Bħal-lum ġimgħa kellna l-ewwel seduta wara l-mewt tiegħu u dakinhar diġà kont ressaqt il-kondoljanzi ta’ din in-naħa tal-Kamra u kienu ngħaqdu miegħi l-Oppożizzjoni u l-familjari u l-ħbieb tal-Prof. Zammit. Madanakollu konna ftehemna li llum nagħmlu din il-kommemorazzjoni biex infakkru l-memorja tiegħu.
Jien lil Anthony nafu b’mod personali għax għamilt snin twal naħdem miegħu. Fil-fatt, nista’ nirrakkonta numru ta’ stejjer, għalkemm forsi mhux il-mument li nirrakkontahom kollha hawnhekk. Pereżempju meta kont student tal-ħames sena fl-aħħar nofs tas-snin tmenin, – dak iż-żmien konna għadna bl-istrike tat-tobba li kien beda fl-1977 u baqa’ għaddej sal-1987 – f’Malta kien għad hawn ħafna tobba barranin, inkluż speċjalisti u kirurgi, u niftakar li kienu ġew ikellmuna żewġ kirurgi barranin li kienu qed joffru servizz f’pajjiżna u magħhom kienu ġabu l-assistenti tagħhom. Wieħed minnhom kien Dr Dennis Gatt, li kien studja u tħarreġ l-Ingilterra u nsellimlu minn hawnhekk, u l-ieħor kien il-Prof. Anthony Zammit li kien studja u tħarreġ f’Dusseldorf. Fil-fatt, Anthony kien jitkellem tajjeb ħafna bil-Ġermaniż għax għamel għaxar snin jaħdem hemm u l-għaxqa tiegħu kienet meta kien ikollna xi student jew studenta Ġermaniża u joqgħod jitkellem magħhom bil-Ġermaniż biex jimpressjonana!
Allura lil Anthony niftakru meta ġie lura Malta. Hu u Dr Dennis Gatt kienu żewġ Senior Assistants ta’ dawn iż-żewġ konsulenti barranin. Is-sena ta’ wara nqalbu, jiġifieri l-konsulenti barranin saru Senior Assistants u l-Prof. Anthony Zammit u Dr Dennis Gatt saru konsulenti.
Jien, meta sirt tabib, l-ewwel xogħol li kelli kien ma’ Anthony, li kien għadu kemm isir konsulent. Jiġifieri jien kont wieħed mill-ewwel housemen li ħadmu miegħu. Huwa kien għaraf fija l-potenzjal ta’ kirurgu u filwaqt li houseman normalment jibqa’ jara l-pazjenti fil-wards, Anthony kien jeħodni t-theatre miegħu. Ovvjament kont naħdem taħt is-sorveljanza tiegħu però ftit wara li sirt tabib, bdejt nagħmel xi operazzjonijiet żgħar u għaldaqstant daħlet fija l-imħabba lejn il-kirurġija, tant li biż-żmien sirt kirurgu. Ta’ dan nibqa’ grat lejn Anthony.
Anthony Zammit kien sar tabib fl-1973 u allura kien laħaq ta’ età żgħira. Huwa kien wieħed mill-aqwa tobba fl-Ewropa. Anke fil-Ġermanja għamel isem tajjeb għalih innifsu.
Fl-opinjoni tiegħi, Anthony kellu difett wieħed, dak li kien chain-smoker. Niftakar li xi 30 sena ilu, meta konna għadna naħdmu fl-Isptar San Luqa, it-tobba kienu jpejpu fil-clinics u mhux l-ewwel darba li kont inkun qed nara xi pazjent fl-Outpatients u mmur għandu għal xi parir u kont insibu jpejjep bil-pazjent quddiemu! Niftakar li kellu metodu ta’ kif jaqbad is-sigarett b’subgħajn ta’ kirurgu! Illum naturalment dik m’għadhiex issir.
Anthony Zammit ma kienx biss chain-smoker imma kien ukoll workaholic. Kien jibda fis-7.00 a.m. jagħmel il-ward rounds u jdum jaħdem sa tard billejl. Aħna jekk ma konniex inkunu hemmhekk għaxar minuti qabel konna naqilgħu ċamata. U meta kien iqaxxar xagħru crew cut għid li kien se jagħmel xi ġimgħa xogħol sfrenat!
Anthony kien ukoll persuna qalbha tajba immens. Fil-fatt, fi żmien il-Milied kien iġib il-kejkijiet u jqassamhom mal-isptar kollu. Nifakar li għal lejlet il-Milied tal-1988 kien qalilna biex nagħmlu riċeviment żgħir bejn it-tobba li jkunu on call però nzerta nqalgħet emerġenza matul il-ġurnata u niftakar jien u hu għamilna operazzjoni ta’ sitt sigħat u bqajna sejrin sal-10.00 p.m. Jien kien mingħalija li se mmur id-dar wara però kien qalli li kellu l-karozza mimlija affarijiet u minflok ma mmorru d-dar, immorru nqassmuhom lit-tobba li kienu xogħol. Jiġifieri kien bniedem b’enerġija ma tispiċċa qatt u kellu qalbu tajba ħafna. Fil-fatt, anke l-pazjenti kienu jħobbuh għax kien iqatta’ ħafna ħin magħhom u joqgħod jispjegalhom. Jekk forsi mat-tobba ma kienx ikollu ħafna ħin x’jaħli, lill-pazjenti kien jiddedikalhom ħafna ħin u ta’ dan il-pazjenti kienu verament grati lejh.
Lil Anthony Zammit nafu wkoll bħala pazjent, l-ewwel meta kellu inċident u kiser l-għaksa – niftakar kien dam xi tliet xhur ibati biha, apparti li għamel xi xahar minnhom l-isptar – imbagħad meta qabditu l-marda li fl-aħħar qatlitu. Huwa kien jaf x’għandu, u kien jaf li kienet marda terminali, però kien pazjent ideali daqskemm kien tabib ideali. Baqa’ jaħdem sakemm felaħ u l-akbar dispjaċir li kellu meta marad ma kienx li se jmut ta’ età żgħira imma li ma setax jibqa’ jagħti servizz lill-pazjenti. Naħseb li din hija xi ħaġa li bħala tobba, għandna nammirawha. Barra minn hekk, naħseb li l-pazjenti kollha jirringrazzjawh talli ddedika ħajtu għalihom u baqa’ jaħdem magħhom sal-aħħar ġranet li baqa’ b’saħħtu.
Minbarra li kien tabib, kirurgu u persuna affidabbli ħafna, Anthony kien ukoll politiku. Meta kont houseman miegħu bejn l-1987 u l-1988 darba kien qalilna li qed jaħsibha joħroġx għall-politika u aħna l-ewwel mistoqsija tagħna kienet: Ma’ liema partit? Dan għaliex il-familja tiegħu ma kenitx tidentifika ruħha ma’ partit wieħed u niftakar li kien qalilna li għadu qed jaħsibha. Imbagħad eventwalment għamel l-għażla t-tajba u ħareġ mal-Partit Laburista! L-ewwel darba li ħareġ kien fl-2003 però mbagħad tela’ fl-2008.
Bħala politiku wkoll kien għamel xogħol kbir. Huwa kien joint shadow minister tas-saħħa u sussegwentement tal-affarijiet tal-anzjani u dejjem ta l-kontribut tiegħu ġo dan il-Parlament. Fil-fatt, naħseb li anke hawnhekk jibqa’ mfakkar għall-affarijiet li għamel. Qatt ma kien fil-Parlament meta konna fil-gvern imma anke mill-oppożizzjoni ta kontribut għad-dibattitu ġewwa pajjiżna.
Sur President, nagħlaq billi ngħid li Anthony Zammit ħalla memorji sbieħ fil-professjoni medika u mal-familjari tiegħu. Qaluli li anke f’Ħaż-Żebbuġ kien maħbub ħafna, imma jien ċert li ħalla l-isbaħ memorji u l-akbar gratitudni fl-eluf ta’ pazjenti li salva u fl-eluf l-oħra li sabbar. Ċert li l-memorja tiegħu se tibqa’ ħajja mhux biss f’din il-Kamra, imma ma’ Malta u Għawdex kollu. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. L-Onor. Godfrey Farrugia.
ONOR. GODFREY FARRUGIA: Sur President, jien ma ħdimtx ma’ Anthony Zammit bħala tabib. Fil-fatt, jien ilħaqt qabel id-Deputat Prim Ministru, però nista ngħid li huwa kien ġentlom.
Il-Prof. Zammit, apparti li kien kollega fil-professjoni kien ġie joqgħod Ħaż-Żebbuġ f’Misraħ San Filep. Ninnota li fl-ewwel diskors tiegħu, li sar nhar it-12 ta’ Mejju li huwa l-jum liturġiku ta’ San Filep, huwa qal li l-professjoni tiegħu mhux se jitlaqha, minkejja l-impenji tiegħu fil-Parlament, u daqstant ieħor ma kienx se jitlaq lir-raħal li kien addotta, ċjoè Ħaż-Żebbuġ.
Il-ġirien tiegħu kienu s-St Philip’s Bar u l-każin tal-Banda San Filep u dawn kienu ż-żewġ postijiet li l-aktar li kien jiffrekwenta f’Ħaż-Żebbuġ. Fil-fatt, fil-ħin liberu tiegħu hemmhekk kont issibu. Kull nhar ta’ Ħadd kien jiltaqa’ ma’ mejda ħbieb u kien iqatta’ l-jum tiegħu hemmhekk, l-aktar fil-każin tal-Banda San Filep. Dan apparti d-diskursati twal u l-ikliet li kien jispiċċa jagħmel mal-pazjenti fil-privat.
Il-Prof. Zammit jekk kont tiltaqa’ miegħu fit-triq, għid li se jkellmek, int min int, fqir jew għani u anke jekk ma jkollokx l-istess fehma tiegħu. Din kienet xi ħaġa li tolqtok mill-ewwel.
Bħala kollega tiegħu fil-professjoni, naf li l-Prof. Zammit kien isebbaħ fl-ispiżerija. Naf ukoll li kien jaħdem l-isptar mit-Tnejn sal-Ħadd u jekk il-Ħadd filgħodu ma jmurx jara l-pazjenti li jkollu fis-sala, imqar għal ftit ħin, kien iħossu qed jonqos. Huwa dejjem kien ikun miftuħ biex jitkellem ma’ kulħadd u min jaf kemm kelli diskursati miegħu dwar pazjenti u l-familji tagħhom li jkunu taħt il-kura tiegħu.
Xi ħaġa li dejjem kienet tolqotni, speċjalment meta kont immur nagħmel il-konsulti miegħu, hija li kien iħobb juża l-kelma ‘ħanini’. Din kienet fi lsienu u mingħajr ma trid, din il-kelma kienet iġġegħlek tħossok komdu miegħu. Huwa tant kien jgħidha b’mod ġentili li għalkemm kellu statura ħafna akbar minn ta’ kwalunkwe pazjent, kienet toħroġ il-ġentilezza tiegħu.
Il-Prof. Zammit ġie joqgħod Ħaż-Żebbuġ u se jibqa’ joqgħod Ħaż-Żebbuġ għax se jibqa’ joqgħod fil-qlub tal-poplu Żebbuġi. Għalhekk, f’isem it-tobba u l-pazjenti Maltin u Għawdxin kollha, insellimlu u nirringrazzjah ta’ dak kollu li għamel magħna. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. L-Onor. Mario de Marco.
ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, issa drajna li meta nagħmlu kommemorazzjoni ta’ eks deputat li jkun ħalliena, nippubblikaw il-maiden speech tiegħu, jiġifieri l-ewwel diskors li jkun għamel fil-Parlament. Ir-realtà hi li minn dak id-diskors wieħed jitgħallem ħafna dwar il-karattru tal-persuna.
L-esperjenza tiegħi tal-Prof. Anthony Zammit mhijiex bħal tal-kelliema ta’ qabli għax ovvjament jien avukat u mhux tabib bħalhom, però kelli l-opportunità li nservi fl-istess leġiżlatura tiegħu bejn l-2008 u l-2013. Hemmhekk diġà kont bdejt nara l-imħabba li kellu għall-post minn fejn ġie elett. Jekk wieħed jara l-maiden speech tiegħu mbagħad, l-ewwel parti hija riflessjoni tar-rivalità li kienet teżisti fil-lokalità minn fejn ġie elett. Huwa ġie elett mis-Seba’ Distrett Elettorali, prinċipalment minn Ħaż-Żebbuġ, u dakinhar ħass il-bżonn li fil-maiden speech tiegħu jippreċiża dan li ġej:
“Minkejja l-għajdut li qed jgħidu dwari, jien m’iniex se nerġa’ mmur ngħix Tas-Sliema. Jien se nibqa’ ngħix ġewwa Ħaż-Żebbuġ.”.
Nittama li l-Onor. Godfrey Farrugia ma kienx wieħed minn dawk li għal skopijiet ta’ rivalità politika, bdew jgħidu li l-Prof. Zammit sejjer jgħix f’Tas-Sliema u mhux se jibqa’ Ħaż-Żebbuġ! Ovvjament qiegħed niċċajta għax l-Onor. Farrugia dejjem wera kolleġjalità u rispett lejn kulħadd. Madanakollu minħabba dawn ir-rivalitajiet ħelwien bejn kollegi politiċi, il-Prof. Zammit ħass il-bżonn li fl-ewwel diskors tiegħu jiċċara li huwa jgħix f’Ħaż-Żebbuġ u se jibqa’ jgħix Ħaż-Żebbuġ, kif fil-fatt għamel sal-aħħar ġranet ta’ ħajtu.
Dakinhar però kien ħass ukoll il-bżonn li jgħid li huwa persuna li ġejja minn Malta kollha għax huwa twieled Tas-Sliema, mar jgħix Ħaż-Żebbuġ, ommu Beltija – bir-raġun, kien kburi li ommu Beltija! – però għandha demm Żebbuġi, u missieru minn Bormla. Għalhekk, huwa verament kien jirrappreżenta lil Malta kollha.
Ħaġa oħra interessanti li toħroġ mill-maiden speech tal-Prof. Zammit hija li dak iż-żmien huwa kien ikkalkula li r-rappreżentanza medika fil-Parlament kienet ta’ 18%. Jiġifieri skont hu, 18% tad-deputati kienu ġejjin mill-professjoni medika. Huwa ħassu kburi b’dan l-istat ta’ fatt u fl-istess ħin kien indirizza lil Dr George Vella u lil Dr Adrian Vassallo u qalilhom li l-avukati jaħsbu b’moħħhom – dik il-ħabta l-persentaġġ tal-avukati ma nafx jekk kienx 20% jew 15% – mentri t-tobba jaħsbu b’moħħhom u b’qalbhom. Hemmhekk wieħed jara l-imħabba li kellu għall-professjoni u għall-kollegi tiegħu.
Il-qofol tad-diskors tiegħu però kien dwar il-kura medika f’Malta, b’mod partikolari fl-Isptar Mater Dei. Fil-fatt, mhux talli beda jindika xi nuqqasijiet li ħass li forsi seta’ kien hemm fil-kura tal-Isptar Mater Dei imma beda wkoll iressaq proposti biex nindirizzaw dawn in-nuqqasijiet. Pereżempju staqsa għalfejn ċerti operazzjonijiet ma jibdewx isiru fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huwa ħass li wieħed seta’ jindirizza l-kwestjoni tal-waiting list billi ċerti operazzjonijiet jibdew isiru f’Għawdex minflok fl-Isptar Mater Dei. Imbagħad tkellem dwar l-importanza tal-kura primarja u l-polyclinics, tema importanti li għandna bżonn nindirizzawha aktar.
Tkellem ukoll dwar it-taħriġ u qal: Jien għandi għal qalbi ħafna t-taħriġ li għandna bżonn nagħtu lit-tobba u l-infermiera. Ftaħar ukoll bil-fatt li l-post-graduate training huwa m’għamlux l-Ingilterra, kif jagħmlu l-maġġoranza tat-tobba Maltin, imma għamlu l-Ġermanja. Kien kburi ħafna b’dan, kif anke qal il-Ministru Chris Fearne. Il-punt hu li huwa xtaq li jkollna a structured post-graduate training għat-tobba u l-infermiera kollha biex inkomplu nispeċjalizzaw il-kura tas-saħħa tagħna.
Apparti t-tema tas-saħħa, l-ewwel diskors tal-Prof. Zammit fih ukoll aspett ambjentali. Dan għaliex huwa kien tkellem dwar l-importanza li l-ilma li jintuża fl-Isptar Mater Dei jiġi riċiklat u dwar l-importanza li tintuża s-solar energy u jkun hemm is-solar heating fl-istess sptar.
Fl-istess diskors wieħed jara wkoll l-aspett uman tal-Prof. Zammit. Dakinhar inzerta kien it-12 ta’ Mejju u allura f’Ħaż-Żebbuġ kellhom il-festa ta’ San Filep. Il-Prof. Zammit kellu għal qalbu ħafna l-festi u fil-fatt dakinhar kien qal li mhux se jdum jitkellem ħafna għax ried imur jiċċelebra l-festa u jipparteċipa mal-kostitwenti tiegħu fil-marċ ta’ San Filep!
Sur President, naħseb li dak li għedt huwa riflessjoni tal-karattru tal-Prof. Anthony Zammit. Huwa kien persuna speċjalizzata fil-professjoni medika, ħabb lil pajjiżu, ħabb lir-raħal tiegħu u ħabb lin-nies. Apparti l-pazjenti huwa ried ikun f’kuntatt man-nies tal-lokalità tiegħu. Nafu li apparti l-mediċina kellu wkoll għal qalbu l-antikitajiet, il-pittura u l-letteratura. Jiġifieri kien persuna kolta u istruwita u jalla jkollna ħafna aktar nies bħalu, nies li filwaqt li jkunu speċjalizzaw u jkunu suċċess fix-xogħol tagħhom, xorta waħda jħossu li għandhom jikkontribwixxu u jarrikkixxu lill-Parlament Malti. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra. Ovvjament jien niftakru sew lill-Prof. Anthony Zammit fil-Parlament. Dak iż-żmien jien kont Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u nista’ ngħid li minn meta ddeċieda li jikkontesta l-elezzjoni, dejjem baqa’ leali lejn il-Partit Laburista.
Il-Prof. Zammit kellu karattru sod ħafna però kien ukoll ġentlom. Kien iħobbu kulħadd għax kien qalbu tajba u kien dejjem lest li jgħin. Jien kont pazjent tiegħu u kien operani b’suċċess u niftakar li wara ċertu żmien kien ġie jistaqsini kif jien. Jiġifieri kellu dak l-interess lejn il-pazjent, kif anke qalu l-Onorevoli Membri.
Niftakar ukoll li meta kien ikollna xi dokument bil-Ġermaniż fil-Parlament, konna mmorru ħdejh u kien jagħtina traduzzjoni preċiża dak il-ħin stess. Dak iż-żmien jien ma kontx naf li kien daqshekk istruwit fil-Ġermaniż imma eventwalment sirt naf li kien għamel madwar għaxar snin fil-Ġermanja u kien anke jagħti l-lectures hemmhekk. Kien jagħti wkoll lectures f’universitajiet oħrajn, inkluż universitajiet fl-Ingilterra.
Pajjiżna tilef persuna li kellha standing qawwi. Jiddispjaċini li ma kontx preżenti għall-funeral għax kont qiegħed in-naħa l-oħra tad-dinja għall-konferenza tal-Commonwealth. Minn hawnhekk insellem lill-familjari tiegħu u ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi tagħna lill-familjari tal-Prof. Anthony Zammit. Nirringrazzjakom.
Elected on: | 12.03.2008 |
Oath of Allegiance: | 10.05.2008 |
Dissolution of Parliament: | 07.01.2013 |