Tifkira
tal‑Ex Deputat Parlamentari
Joseph Brincat
fil‑Kamra tad‑Deputati
Parlament ta’ Malta
22 ta’ Marzu 1944 – 2 ta’ Awwissu 2024
MEMBRU TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
16 TA’ AWWISSU 1971 - 23 TA’ SETTEMBRU 1996
24 TA’ MEJJU 2003 - 4 TA’ FRAR 2008
Joseph Brincat
bħala
Membru tal‑Kamra tad‑Deputati
L‑Ewwel Diskors tal‑Eks Deputat Parlamentari
Joseph Brincat
fil‑Kamra tad‑Deputati
ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 3
tat‑Tnejn, 23 ta’ Awwissu 1971
IT‑TIELET LEĠIŻLATURA
INDIRIZZ B’RISPOSTA GĦAD‑DISKORS TAL‑EĊĊELLENZA TIEGĦU L‑GVERNATUR-ĠENERALI
ONOR. DR JOSEPH BRINCAT: Mr Speaker, l‑ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel hija li nikkongratula lill‑ħabib tagħna, l‑Onor. Dr Mario Felice għall‑faċilità kbira li biha tkellem, però bl‑istess faċilità għamel ħafna asserzjonijiet u ipotesijiet speċjalment fuq min żamm il‑paċi fid‑dinja.
Jiena nħoss illi ż‑żamma tal‑paċi fid‑dinja għandna nattribwixxuha lil kulħadd għaliex illum kulħadd jibża’ minn xulxin u forsi, kif qalu r-Rumani tajjeb ħafna, si vis pacem para bellum, jekk inti trid il‑paċi pprepara għall‑gwerra. Però aħna ċkejknin, ma nippretendux illi ser nirrepetu l‑istorja ta’ David u Gulija. Aħna ċ-ċkejknin, li ma nbeżżgħu lil ħadd u ma jibża’ minna ħadd, il‑ġlied għandna noqogħdu ’l barra minnu. Anzi aħna lil min narawh jiġġieled għandna, b’missjoni ta’ paċi, nipprovaw nagħmluhom ħbieb. U hawnhekk huwa importanti l‑kontribut ta’ Malta żgħira; Malta, li fiċ-ċokon tagħha, mill‑gwerer u mill‑piki tal‑pajjiżi l‑kbar, dejjem tkissret u qalgħet il‑bombi fuqha, għandha toffri l‑kontribut tagħha speċjalment f’dan il‑Baħar Mediterran, il‑baħar illi jaħsel art twelidi u art twelid kull wieħed hawn ġew, biex fih ikollu l‑paċi u l‑ħbiberija bejn il‑popli. Għax bil‑ħbiberija u bl‑għaqda bejn il‑popli illi hawn f’dan il‑baħar nistgħu nkabbru r-relazzjonijiet u l‑kummerċ. U meta nagħmlu dan inkunu qegħdin nilħqu l‑għan prinċipali tagħna.
Bħala gżira żgħira ġejna iżolati mill‑mezzi ta’ komunikazzjoni, mill‑kummerċ kbir illi jista’ jkollna ma’ pajjiżi oħrajn. Għalhekk dan għandu jkun l‑iskop prinċipali tagħna, illi mal‑pajjiżi ta’ madwarna nżommu relazzjonijiet ta’ ħbiberija, ma nidħlu qatt bejn il‑basla u qoxritha, u magħhom noħolqu sitwazzjonijiet ekonomiċi illi lilna, bħala poplu żgħir mingħajr riżorsi, jagħtuna għajxien diċenti.
Sal‑lum, Mr Speaker, dejjem ħsibna u għedna illi biex ngħixu rridu nkunu t-takkuna tal‑qawwa barranija. Dan il‑konċett huwa ħażin fih innifsu għaliex aħna għandna niżirgħu fina s-sens illi Malta tista’ tkun Maltija, illi Malta bl‑għaraq ta’ ġbinha tista’ tinbena mill‑ġdid. Dan kien l‑appell tal‑Partit tiegħi fl‑elezzjoni illi għaddiet: mhux illi se nwiegħdu ġenna tal‑art fejn ħaddieħor ma wasalx, imma li nwiegħdu illi kulħadd jerfa’ l‑piż tiegħu, jagħti s-sehem tiegħu u hekk nibnu Malta ġdida. Waħda mill‑isbaħ espressjonijiet illi ġabret il‑programm kollu kienet dik tal‑Perit Mintoff fejn qal: Meta l‑piż jerfgħu kulħadd, ma jbati ħadd. U jiena naħseb illi llum fin-nazzjon, allavolja veru li l‑amministrazzjoni tagħna ilha biss ftit żmien fil‑poter, diġà kulħadd, b’ċerta serjetà u dixxiplina, bil‑libertà u mingħajr il‑frosta illi ħaddiehor kien ibeżża’ lin-nies li se jkun hawn, qed imidd għonqu għax-xogħol. Din hija xi ħaġa illi kull wieħed minna għandu jkun kburi biha: illi f’pajjiżna mhux naraw kif l‑aħjar li ddabbar rasek imma li naraw illi għall‑inqas għall‑paga, għas-salarju illi tieħu d‑dar - forsi anke l‑onorarja ta’ Membri tal‑Parlament - inti tagħti s-sehem tiegħek u titħabat ħalli l‑pajjiż jimxi ’l quddiem. Jien verament nittama illi dan il‑Parlament ikun il‑workshop tan-nazzjon għaliex Malta għandha bżonn tinbena f’ħafna setturi.
Il‑ħabib tiegħi n-Nutar Bonello Du Puis għadu kemm qal: Din tal‑banek x’inhi, illi se jiġu taħt il‑Gvern Malti? Jiena nfakkru f’dak li ġara ftit taż‑żmien ilu, meta la hu u lanqas jien ma konna hawn, però fuq din in-naħa kien hawn il‑partit illi qiegħed miegħu llum, u dan għamel liġi biex jirrestrinġi l‑ħruġ ta’ flus minn Malta għal pajjiżi barranin. Jien ngħidlu: Meta jkollok banek illi huma kkontrollati minn barra, bil‑head offices barra minn Malta, inti x’kontroll għandek? Kif tista’ tkun taf x’korrispondenza tkun għaddejja bejn dawn il‑pajjiżi u l‑operazzjonijiet bankarji illi għandhom u allura kif tista’ tikkontrollahom?
Meta tara dawn il‑fatti tinduna illi dak illi hemm fid‑Diskors mit-Tron huwa serju, u għalhekk aħna għandna jkollna anke l‑fiduċja fina nfusna illi n-nies tagħna jkunu kapaċi jmexxu l‑operazzjonijiet bankarji mingħajr ma jkunu kkontrollati minn ebda pajjiż tad‑dinja.
Din il‑fiduċja fil‑Maltin narawha f’setturi oħra. Pereżempju, fid‑Drydocks ser jispiċċa l‑management barrani – anzi spiċċa – u floku se jidħol management Malti illi jmexxi l‑industrija tad‑Drydocks fl‑interess ta’ Malta. Jekk l‑industrija tad‑Drydocks titħalla f’idejn il‑barranin, qatt ma jista’ jkun hemm dak is-sens ta’ amor proprju fin-nies li qed imexxuha biex din id‑Drydocks iwaqqfuha fuq saqajha. Però llum meta hemm il‑wegħda – u l‑poplu jaf illi dak li twiegħed din in-naħa tagħmlu – illi d‑Drydocks tkun f’idejn il‑Maltin, il‑poplu jaf li se nipprovaw naqtgħu bi snienna u nagħmlu minn kollox biex din timxi fl‑interess tal‑Maltin.
Jien ngħid illi, għalkemm il‑bidla li kien hemm kienet bidla żgħira, anke jekk din kienet ta’ maġġoranza ta’ membru wieħed, anke jekk kienu 51% tal‑voti, però b’din il‑bidla żgħira se ssir il‑bidla l‑kbira. L‑aqwa appell illi nagħmel – nagħmlu lil‑Laburisti u nagħmlu lin-Nazzjonalisti – huwa illi minn meta xxandar ir-riżultat tal‑Ħames Distrett inqalbet faċċata ġdida, u għalhekk nitlob lin-nies tagħna u lil kulħadd biex ma jħallux illi fuq din il‑paġna ġdida jaqgħu t-tbajja’ tal‑linka. Il‑partit tiegħi, b’qawwa u perseveranza, tkellem ċar u tond fuq il‑korruzzjoni u qal illi taħt l‑amministrazzjoni l‑oħra daħlet ċertu tip ta’ korruzzjoni illi niżlet sal‑għeruq. Forsi lanqas in-nies ta’ fuq nett ma kienu jafu bil‑korruzzjoni. Din il‑korruzzjoni nfirxet kullimkien bħal marda tal‑kanċer u llum din il‑marda daħlet anke fin-nies illi ma gawdewx. Illum ċerti nies jgħidulek: Darba tgawdi naħa u darba tgawdi oħra. L‑appell tiegħi f’dan l‑ewwel diskors fil‑Parlament huwa: ejja naħdmu ħalli tgawdi Malta, ħalli tkun Malta nadifa u ħadd ma jkun jista’ jgħid illi għax issa huwa t-turn tiegħi allura ngawdi jien, anke a skapitu ta’ ħaddieħor. Irridu naħdmu biex bil‑ġustizzja soċjali kulħadd jieħu dak li ħaqqu skont il‑jeddijiet tiegħu u skont il‑mezzi tan-nazzjon. U dawn il‑mezzi tan-nazzjon hemm bżonn illi nkabbruhom.
Pereżempju, is-sitwazzjoni preżenti fejn jidħlu d‑djar hija diżastru. Aħna fil‑programm tagħna dan għidnieh u kkritikajna lill‑Gvern kemm-il darba għall‑fatt illi l‑problema tad‑djar hija akuta. Hemm kwantità ta’ nies illi, forsi b’mentalità illi ntirtet mill‑amministrazzjoni ta’ qabel, jgħidu illi għandhom bżonn jingħataw dar. Aħna minn din in-naħa diġà wegħedna - u nittama illi jkollna l‑mezzi biżżejjed biex dan nagħmluh - li se naħdmu biex il‑poplu Malti għall‑inqas ikollu fuq rasu saqaf li jixraqlu, post fejn bħala ċittadin jista’ jgħix b’mod onest.
F’setturi oħra tal‑ekonomija jidhirli illi l‑ġlieda illi għandu l‑Gvern mal‑pajjiżi barranin mhux biss bellhet lil Malta, imma anke lin-naħa tal‑Oppożizzjoni. Forsi nsejna kemm qalulna: Jekk ma ġġibux il‑flus mill‑Ingilterra, minn fejn ser iġġibu? Illum hawn l‑għajdut - u diġà qed naraw kitba anke f’gazzetti Ingliżi - illi dawn ser jagħmlulna offerti ġodda. Allura dak li kontu tgħidulna, dak li kontu tbellgħulna, illi t-trattat hu sagrosant, ma kien sagrosant xejn, imma jekk taqta’ bi snienek, jekk tiġġieled għal pajjiżek iġġib iżjed u fl‑istess ħin min jagħtik – għax tkun bargainer tajjeb – jirrispettak, ma jżebilħekx, ma jimsaħx l‑art bik imma jgħid: Hawnhekk m’iniex qed nittratta mas-seftur, imma qed nittratta ma’ bniedem ieħor li ma nistax nixħetlu bżar fl‑għajnejn, bniedem li kapaċi jitlobna l‑flus fil‑but u jkolli nagħtih il‑flus fil‑but. U jien żgur li f’din il‑ġlieda hemm is-simpatija tan-nazzjon kollu, ta’ min hu verament Malti.
Illum smajna l‑ammissjoni daparti tan-Nutar Bonello Du Puis illi ħadu gost illi l‑Gvern għall‑ewwel darba għamel Gvernatur Malti, imma ddispjaċieh illi f’fommu ngħata Diskors mit-Tron illi ma kienx jixraq l‑okkażjoni u lill‑persuna. Jien jidhirli li dik il‑persuna ntgħażlet għax hija persuna magħrufa, persuna ta’ integrità, persuna mill‑aqwa illi kellna fil‑pajjiż u ħadd ma seta’ jsib xejn ħażin fiha; hija persuna aċċettabbli għal kulħadd. Il‑prinċipji illi ssemmew f’dak id‑Diskors huma prinċipji li għandu jħosshom kull Malti. Meta l‑Gvern jgħid illi għandu ġlieda biex għal pajjiżu jġib iżjed flus, meta l‑Gvern jgħid illi jrid jaqta’ l‑korruzzjoni, meta jgħid illi jrid jagħmel liġijiet soċjali, illi jrid idaħħal aktar sehem iż‑żgħażagħ fin-nazzjon, illi jrid jibni ġenerazzjoni ġdida li tħobb Malta Maltija, jien nistaqsi lin-Nutar Bonello Du Puis kif jista’ jkun illi ddispjaċieh illi sar dak id‑Diskors mit-Tron.
Il‑poplu, kien x’kien it-twemmin tiegħu, feraħ. Fil‑pjazza nstemgħet l‑għajta ta’ “viva Malta, viva Mamo”, u kienet għajta sabiħa għaliex qabel konna kullimkien nisimgħu l‑Ingliż. Nieħdu gost għaliex għad għadna Ingliżi fostna u għaliex aħna ħbieb tal‑Ingliżi. Imma għall‑ewwel darba, mingħajr tbatija u mingħajr tqanżiħ, għall‑inqas ir-ras ta’ Malta hija Maltija. Safejn naf jien, qatt ma kien hawn kavall b’ras ta’ vopa, jew vopa b’ras ta’ kavall. U Malta hekk kienet; aħna konna l‑vopa, il‑ħuta ż‑żgħira, u biex nidhru kbar għamlulna ras ta’ kavall. Dan spiċċa. Ilum ir-ras tal‑pajjiż tagħna hija parti minna, parti minn demmna, u l‑poplu kollu jistmah mhux għax għamilnieh aħna ta’ din in-naħa, imma għax huwa demmna.
Dawn huma l‑prinċipji illi, bl‑onestà kollha, il‑partit tiegħi ġġieled għalihom fl‑elezzjoni. F’dak id‑Diskors mit-Tron il‑Partit juri ħaġa waħda: konsistenza. Jien niftakar – u dan mhu l‑ebda sigriet – illi meta kien qed jiġi fformulat l‑atteġjament lejn l‑elezzjoni, kien proprju l‑Perit Mintoff illi ta l‑linja illi nuru s-sitwazzjoni illi ninsabu fiha. Waqt il‑meetings pubbliċi din ġiet ripetuta. Il‑politika tal‑awsterità, il‑politika li lill‑poplu turih il‑fatti, dehret illi tat il‑frott tagħha, però bl‑istess konsistenza, anke wara li ntrebħet l‑elezzjoni, mingħajr ma’ dħaqna bil‑poplu, għednielu x’inhi s-sitwazzjoni finanzjarja. Illum huwa d‑dmir ta’ kull ċittadin illi lil dan il‑Gvern, fil‑missjoni tiegħu illi lil Malta jerġa’ jqajjimha fuq saqajha ... Aħna liċ-ċittadin mhux se ngħidulu biex jerfa’ l‑blat il‑kbir, imma għall‑inqas iwaddab pala ramel u pala siment, u jekk hemm il‑winch iħaddmu ftit, ħalli nkunu nistgħu ntellgħu sular ieħor, it-tielet sular, ir-raba’ sular, ħalli lil Malta nqajmuha minn fejn tinsab. U aħna, bħala deputati - nerġa’ ngħid, jien inħoss illi hawnhekk għandu jkun il‑workshop tagħna, illi fih naħdmu ħalli lil Malta nibnuha aħjar – għandna nagħtu l‑eżempju lill‑poplu kollu, biex bl‑onestà, mingħajr korruzzjoni, mingħajr favoritiżmu, imma bil‑ġustizzja soċjali, nimxu fuq il‑prinċipji soċjalisti demokratiċi, illi fl‑aħħar mill‑aħħar mhumiex ’il bogħod mill‑ewwel prinċipji illi tgħallimna meta konna tfal żgħar, il‑prinċipji tal‑Kristjaneżmu, illi tagħmel il‑ġid lil għajrek. Għaliex aħna għalhekk qegħdin, u jien inkun l‑ewwel serv umli tiegħek, Mr Speaker, u dan id-dmir nipprova naqdih. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, Hear)
Estratt mis-Seduta 262 tal-Erbatax-il Parlament tat-Tnejn 14 ta' Ottubru 2024
KONDOLJANZI
ID-DEPUTY SPEAKER (Onor. David Agius): Insellem lill-familjari tal-Avukat Joe Brincat li jinsabu preżenti fil-Kamra.
Il-Prim Ministru, jekk jogħġbu, jagħmel id-diskors tiegħu.
ONOR. ROBERT ABELA (Prim Ministru): Joe Brincat il-politiku, l-avukat, il-ġentlom u r-raġel tal-familja. Nixtieq nitkellem ftit dwaru f’dawn l-erba’ karatteristiċi jew irwoli u kwalitajiet li kellu. L-inqas waħda li naf lil Joe personalment fiha hija l-kappell politiku tiegħu, però fit-taħditiet li kien ikollna sikwit, kemm fil-kurituri tal-Qrati u mbagħad aktar ’il quddiem meta bdejt nokkupa din il-kariga, dejjem kien jitkellem b’nostalġija u bi kburija fuq il-perijodu li fih kellu fdat lilu d-dekasteru tal-ġustizzja.
Joe wettaq riformi kbar meta kien fdat b’dan id-dekasteru tant importanti għall-pajjiż. Kif nafu, il-ġustizzja tibqa’ wieħed mill-aktar dekasteri importanti. Imbagħad aktar ’il quddiem kellu karigi oħrajn fi ħdan il-Partit Laburista, inkluż deputat mexxej għal aktar minn darba. Joe kien persuna magħrufa għall-umiltà tiegħu, għall-mod kif kien jisma’ lil kulħadd u għal kif dejjem żamm saqajh mal-art. Dawk huma kollha kwalitajiet li nemmen li jibqgħu ħajjin minkejja li llum il-ġurnata Joe ħalliena.
Ċertament l-aktar li naf lil Joe huwa fil-kurituri tal-Qrati fejn għal snin ammirajtu kif kien jaħdem. Naturalment, kellna diversi skontri b’mod amikevoli kontra xulxin. Ħafna drabi konna nkunu fuq naħat opposti, niddefendu klijenti b’interessi differenti. Qasam li kien jispeċjalizza ħafna fih kien dak tal-jeddijiet fundamentali tal-bniedem. Kellu dik il-kwalità li kien kapaċi jiftaħ kawża li tkun ibbażata fuq il-jeddijiet fundamentali tal-bniedem, li joħorġu mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea li tifforma parti mil-liġijiet tagħna. Ikun kontrik, temmen li m’għandu raġun f’xejn, imma ftit ftit jibda jirnexxilu jistrada l-kawża tiegħu - u ngħid kawża tiegħu mhux bi żball, imma għaliex il-kawża tal-klijent kien jidħol fiha u jagħmilha l-kawża tiegħu - u jwassal il-boċċa fejn il-likk. Dik kienet kapaċità li kont tammira li kellu. Nemmen ħafna li l-qasam tal-jeddijiet Kostituzzjonali kien qasam li tant kien iħobb jimraħ fih, għaliex kien jivvaluta lill-bniedem. Fih kellu mibni dak is-sens ta’ ġustizzja intrinsika li kien iħoss li persuna ħaqqha l-protezzjoni tal-ogħla liġi tal-pajjiż, il-Kostituzzjoni u daqstant ieħor il-Konvenzjoni Ewropea. Għalhekk, anke jekk kien jitkellem fuq il-qasam tal-proprjetà, kien jolqot il-jeddijiet fundamentali f’materji penali. Fil-fatt, kien magħruf kemm kien penalista b’saħħtu, imma mbagħad kien jirnexxilu jgħaqqad il-materja tal-jeddijiet fundamentali mal-materja penali u joffri l-aqwa difiża lill-klijent tiegħu.
Għamilna perijodu ta’ snin twal naħdmu flimkien fil-Qorti, fejn kien ex adverso formidabbli, jiġifieri avukat li kont tiddejjaq ikun kontrik għaliex, kif għedt, kien jirnexxilu minn xejn jikkonvinċi lill-Qorti tasal fejn ikun iridha temmen hu li għandha tasal. Din kienet abilità li kellu, ovvjament frott ta’ ħafna snin ta’ esperjenza. Kellu l-esperjenza akkademika, l-għarfien akkademiku, bniedem kolt u li jirriċerka, imma mbagħad kellu ħafna għarfien tat-triq, jiġifieri l-Università tat-triq naħseb għallmitu ħafna aktar milli kienet għallmitu l-Università akkademika.
Imbagħad mill-2020 ’il quddiem, kemm-il darba kelli l-opportunità nitħaddet miegħu u bqajt nammira li kull darba li attendejt il-Qorti, daqqa f’kawżi u daqqa f’oħrajn, bqajna narawh jipprattika sal-aħħar. Minkejja li saħħtu ma bdietx tippermettilu kif kienet tippermettilu fi snin preċedenti, imma l-entużjażmu tiegħu u s-saħħa interna li kellu baqgħu dejjem hemmhekk. Kull darba li mort il-Qorti kont narah għadu għaddej bil-mod kemm jista’ jkun normali tiegħu, fejn baqa’ jemmen li s-servizz lill-klijent u lill-kawża tal-klijent kienu għalih tal-iprem konsiderazzjoni. Sa ftit xhur ilu, kien ġie jżurni anke Kastilja u tħadditna fuq diversi temi. Ta’ spiss kont nistaqsih fuq saħħtu u minkejja li fl-istat ta’ saħħa tiegħu kellu ċerti diffikultajiet, però s-saħħa morali tiegħu ma naqset qatt. Kien dak il-persuna li filwaqt li kien għaddej minn ċerta tbatija fiżika, is-saħħa psikoloġika tiegħu u l-kuraġġ li kellu ma majnaw qatt. Qatt ma naf li bgħattlu nistaqsih kif inhu u bagħat jgħid li mhuwiex tajjeb. Dejjem kellu spirtu pożittiv li mbagħad rajnieh ukoll f’dik il-parti tal-karriera tiegħu meta sar ukoll xandar. Niftakar li kellu programm fuq ir-radju f’ħinijiet antipatiċi ħafna ta’ billejl fejn kien jipprova jolqot lil min għaddej minn kwestjonijiet ta’ solitudni. F’ħinijiet ta’ billejl kien xorta waħda jagħmel kumpanija minn fuq il-mezz tar-radju permezz ta’ dak il-programm li kellu.
Il-kwalitajiet ta’ Joe huma riflessi fit-tfal tiegħu, li huma magħrufin u għalhekk m’għandix għalfejn noqgħod nagħti deskrizzjoni tagħhom. Huma tfal denji ta’ missierhom. Ċertament ngħid li l-legat li se jħalli Joe se jibqa’ ħaj minkejja li llum m’għadux fostna. Ħafna mill-kwalitajiet sbieħ li kellu jibqgħu jgħixu u jissopravvivu l-ħajja tiegħu. Insellem mill-ġdid lill-familja ta’ Joe Brincat u nagħtihom il-kondoljanzi. Nirringrazzjak.
ID-DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Issa nsejjaħ lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, kemm jien kuntent li llum għandna l-opportunità li l-qraba u l-ħbieb għeżież tal-mibki Joe Brincat qegħdin magħna. Huma testament ta’ bniedem li ħalla legat warajh fuq diversi livelli, inkluż żgur fil-familja tiegħu. Għalina li nkunu fil-politika l-familja, kif kulħadd jaf, tagħmel ħafna sagrifiċċji u min jaf kemm il-familja ta’ Joe ċċaħħdet mill-preżenza tiegħu minħabba l-impenji politiċi tiegħu.
L-ewwel diskors li għamel Joe Brincat f’dan il-Parlament iġib id-data tat-23 ta’ Awwissu, 1971. Sur President, nirringrazzjak li ġentilment għaddejtilna kopja ta’ dan id-diskors. Għaliex qed insemmi din id-data? Jien dakinhar kelli xahrejn u nofs. Qed ngħid dan mhux biex nagħmel dan id-diskors dwari, lanqas xejn, però biex innissel fina l-apprezzament li d-dinja ma tibdiex magħna u l-ġid ta’ nies kbar f’dan il-pajjiż żgur li ma bdewx magħna. Joe Brincat kien wieħed minn dik il-ġenerazzjoni ta’ politiċi u avukati - issa nidħol f’dan l-aspett ukoll - li tant ħadmu għal dan il-pajjiż. Forsi ma qbilniex fuq ħafna temi, però qbilna fuq ħafna oħrajn, fosthom l-imħabba kbira li kellu għal pajjiżna u għas-sovranità ta’ pajjiżna. Kellu mħabba kbira mhux bil-paroli imma bil-fatti lejn iż-żgħir u lejn dawk li minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ ħajjithom, huma x’inhuma, ma setgħux jimxu ’l quddiem kemm xtaqu. F’dan is-sens nidħol anke f’Joe Brincat bħala avukat.
Jekk Joe kellu mħabba kbira f’ħajtu, ovvjament wara l-għażiża martu, uliedu u l-mimmi t’għajnejh in-neputijiet, kienet il-liġi. Joe kellu relazzjoni straordinarja mal-liġi. Forsi l-pipa kienet tidħol daqsxejn in between kultant! Kien bniedem li ra l-liġi bħala għodda biex dak li jemmen fih politikament seta’ jwettqu bis-saħħa tal-għodda sabiħa tal-liġi bħala avukat. Hawnhekk nikkondividi dak li qal il-Prim Ministru dwar il-ħiliet tiegħu fil-qasam legali u għalhekk mhux se noqgħod nirrepeti. Kulma se nżid huwa dettall għalija importantissimu għaliex ikompli jikkonferma dan li qed ngħid. Min jaf kemm Joe għamel kawżi b’xejn għal numru ta’ klijenti, għaliex kien jemmen fil-prinċipju li huma jixtiequ jagħmlu pass ’il quddiem għas-sens ta’ ġustizzja. Naħseb li hemmhekk tara l-kompletezza tal-bniedem li kien ġenwin bejn dak li kien jemmen u kif kien iġib ruħu fil-ħajja ta’ kuljum.
Għalhekk nixtieq li dan il-Parlament jingħaqad f’din it-tislima lil Joe Brincat. Nagħti l-kondoljanzi lill-mara ta’ Joe Brincat li naf li qiegħda ssegwina mid-dar u l-familja kollha tiegħu. Joe Brincat kien bniedem ġenwin fis-sens li dak li kien jemmen fih kien iwettqu b’kull mezz. Nerġa’ ngħid, ma konniex naqblu fuq numru ta’ affarijiet. Min jaf kemm iddiskutejna. Qabel dħalt fil-politika, kont narah Old Bakery Street bil-pipa u bil-palju - għaliex dik ukoll hija relazzjoni oħra li kellu: il-palju – u ġieli kont nagħtih lift, inwasslu xi mkien u naqbdu nitkellmu fuq l-aspetti legali kif ukoll fuq l-aspetti politiċi. Allavolja ma kontx fil-politika konna nafu where we stand, both of us. Kellu dan is-sens ta’ rispett kbir lejn in-nies u lejn il-kollegi. Kif semmejt, meta Joe għamel l-ewwel diskors tiegħu, jien kont għadni tarbija. Meta dħalt il-Qorti fl-1995, hu kien diġà avukat stabbilit, kważi anzjan nista’ ngħid, però ma kienx iħares lejk bħala dubbiena, imma bħala kollega. Kien hemm numru ta’ avukati oħrajn li għadni nirrispettahom sal-lum għal dan, għax kienu jkunu hemmhekk ta’ wens, ta’ għajnuna u ta’ parir, anke jekk kienu jafu li inti ħdejhom m’inti xejn fejn tidħol esperjenza legali. Però kienu xorta jifhmu li xi darba huma kienu hemmhekk ukoll. Joe Brincat hekk kien. Kien ikun ta’ spalla għal ħafna avukati ġodda, inkluż għalija.
Insellem lil Joe bħala politiku, insellimlu bħala avukat, insellimlu bħala missier ta’ familja, insellimlu bħala nannu, però fuq kollox insellimlu bħala ċittadin Malti u kollega li ra li dak li jemmen fih mhux biss jitkellem dwaru, imma jgħixu fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, speċjalment bħala avukat. Nirringrazzjak.
ID-DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-ħaddiema tal-Parlament, li nirringrazzjahom minn hawn, ippreparaw ktejjeb bl-ewwel diskors.
F’isem l-Ispeaker, li bħalissa jinsab fuq xogħol tal-Inter-Parliamentary Union f’Geneva, se nwassal f’ismu il-ħsebijiet tiegħu f’din l-okkażjoni.
L-Onor. Anġlu Farrugia kiteb hekk:
“Illum, ninsabu hawn biex infakkru lil Joe Brincat, persuna li kienet magħrufa għall-prinċipji sodi tagħha u li niftakar b’rispett kbir. Ilni naf lil Joe għal snin twal, u l-memorji tiegħi miegħu huma ħafna u b’saħħithom, b’mod speċjali żmienna fil-Partit Laburista. Kien attiv, ċar u dirett, anki fil-mumenti fejn ma konniex naqblu. Spiss kien jgħidli b’mod dirett: “Anġlu, fuq din ma naqblux, imma xorta ħu paċenzja!” Kien bniedem ta’ integrità kbira, u dan ġegħelni nġib rispett lejh, anke meta l-fehmiet tagħna kienu differenti.
Joe ħadem u ġġieled dejjem għal dak li hu ġust. Huwa kien iħoss għall-persuni vulnerabbli fis-soċjetà, dawk li kellhom sfidi, u kien lest li jiġġieled għalihom. Għal dan, kont verament napprezzah; dan kien żgur jirrifletti l-qalb tajba li kellu.
Barra minn hekk, Joe kien persuna tal-familja. Niftakar telefonata partikolari, fejn kien qalli “Anġlu, tinkwieta xejn għax it-tifla tiegħek sejra tajjeb bħala Maġistrat”. Dik il-konverżazzjoni baqgħet f’moħħi, għaliex uriet kemm kien kburi u kemm kien japprezza l-familja tiegħu.
Anke fil-kamp professjonali, tgħallimt ħafna mingħand Joe. Kien avukat brillanti, speċjalment fejn tidħol id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem. L-impenn tiegħu u l-esperjenza tiegħu bħala wieħed mill-ewwel avukati li marru fi Strasburgu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jagħtu żgur mertu għal ħidmietu.
Minn qalbi, nixtieq ngħaddi l-kondoljanzi tiegħi lill-familja kollha tiegħu. Joe se jibqa’ fil-memorja tagħna mhux biss għall-kontribut politiku tiegħu imma wkoll għall-valuri u l-prinċipji li ħaddan matul ħajtu.
Nirringrazzjakom.”
ID-DEPUTY SPEAKER: Jien ukoll ningħaqad mas-sentimenti espressi minn kulħadd u qed ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex, jekk jogħġobha, twassal il-kondoljanzi lill-familja ta’ Dr Joe Brincat.
Ngħaddu issa għal aktar xogħol parlamentari.
Elected on: | 15.07.1971 |
Oath of Allegiance: | 16.08.1971 |
Dissolution of Parliament: | 13.08.1976 |
Elected on: | 25.09.1976 |
Oath of Allegiance: | 24.11.1976 |
Dissolution of Parliament: | 09.11.1981 |
Sworn in as Minister of Justice, Lands, Housing and Parliamentary Affairs - 10.07.1979 |
Dissolution of Parliament: 09.11.1981 |
Elected on: | 09.01.1982 |
Oath of Allegiance: | 15.02.1982 |
Dissolution of Parliament: | 13.02.1987 |
Elected on: | 13.05.1987 |
Oath of Allegiance: | 09.07.1987 |
Dissolution of Parliament: | 20.01.1992 |
Elected on: | 22.02.1992 |
Oath of Allegiance: | 04.04.1992 |
Dissolution of Parliament: | 23.09.1996 |
Elected on: | 12.04.2003 |
Oath of Allegiance: | 24.05.2003 |
Dissolution of Parliament: | 04.02.2008 |