Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 91 tal-Ewwel Leġislatura tal-Ġimgħa 5 ta’ Lulju, 1963
KONDOLJANZI
ONOR. DR GIORGIO BORG OLIVIER (Prim Ministru u Ministru ta’ l-Ippjanar Ekonomiku u Finanzi):Sur President, mill-bieraħ ‘l hawn il-Kamra qiegħda tiltaqa’ bin-nieqes minħabba l-mewt subitanea u ta’ qabel iż-żmien tal-ħabib tal-Kamra kollha l-Onor. George Galea li kellu popolarita’ kbira, speċjalment ġo Għawdex fejn kien anke President tal-banda La Stella. Irnexxielu jiġbed is-simpatija enormi ta’ kulħadd u kullimkien anke hawn Malta fejn kulħadd, kull min iltaqa’ miegħu, kull min sar jafu ma setax ma jgħidx x’karattru doċili u tajjeb kellu u x’manjieri ġentili. Din il-popolarita’ u din is-simpatija huma kollha dovuti għal dawn id-doti li kellu l-ħabib tagħna, l-Onor. George Galea li telaq minn analista fid-Dipartiment tal-Milk Marketing tal-Gvern biex daħal għall-politika fl-interess tal-Partit Nazzjonalista li l-prinċipji tiegħu hu dejjem ħaddan lejalment b’fermezza, pero’ b’mod illi attira l-ammirazzjoni ta’ kulħadd, Nazzjonalisti jew ma humiex, għax kien dak li ngħidulu politiku ġentili, il-politiku ġentlom, il-politiku li l-avversarji tiegħu jaraw fih avversarju lejali u għalhekk kien maħbub mill-Kamra kollha, mill-Gvern u mill-Oppożizzjoni. Jiena għan-nom tal-Gvern u l-poplu Malti bgħatt il-kondoljanza lill-familja tiegħu u nispera u nistenna li s-Sinjorija Tiegħek tibgħat ukoll il-kondoljanzi għan-nom ta’ kull singolu Membru tal-Kamra li ċertament jiena nħoss li huma lkoll addolorati daqsi, minħabba r-raġuni li semmejt li huwa kien lejali lejn kulħadd, ġentili ma’ kulħadd u min ikun hekk bilfors li wara l-mewt tiegħu jingħad fuqu diskors bħal dan li qiegħed ngħid jiena li żgur jikkondividuh il-Membri kollha tal-Kamra.
Għada hemm il-funeral tiegħu Għawdex fil-5 p.m. u naħseb li l-Kamra tkun rappreżentata tajjeb; żgur li kienet tkun ix-xewqa tiegħu li jakkompanjawh ikun hemm il-partiti kollha l-għaliex huwa kien jirrispetta l-opinjoni ta’ kulħadd. B’sinjal ta’ rispett u luttu u anke in memorja tal-ħabib tagħna, l-Onor. George Galea, jiena nipproponi li l-Kamra taġġorna l-business tagħha għal għaxar minuti.
*ONOR. DR A. BUTTIGIEG: Sur President, jiena għan-nom tal-Partit tiegħi nissieħeb ma’ l-Onor. Leader of the House fil-luttu tal-Kamra għat-telfa hekk ħesrem ta’ l-Onor. George Galea. Għan-nom tal-Partit tiegħi jiena nagħti l-għomor lil ommu, ħuh, il-familja tiegħuil-kostitwenti tiegħu u l-Partit Nazzjonalista, li minnu kien jifforma parti. Lil Ġorġ Galea aħna minn naħa tagħna ma kellniex iċ-ċans nafuh wisq, pero’ fis-sena li ilu magħna nafuh bħala bniedem fabbli, bħala ġentlom, kif għadu kif issottolinea l-Onor. Leader of the House, bniedem li ma jinsulta lil ħadd, x’aktarx fommu sieket, u dejjem b’dik id-daħka fuq fommu li kienet turi l-bonta’ ta’ qalbu (Onor. Mermbri: Hear hear) Aktar minn daqshekk ma nistax ngħid għaliex, nerġa’ ngħid, fis-sena li ilna nafuh ma stajniex ikunu nafuh aktar. Għalhekk nispiċċa billi nagħmel it-talba li jagħmel kwalunkwe nisrani għal ħuh nisrani li miet, li nitolbu ‘l Alla jaħfirlu, kif nixtiequh jaħfer lilna, u jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem. (Onor. Membri: Hear hear).
*ONOR. E. CAMILLERI: F’isem il-Leader tal-Partit tiegħi jien nissekonda – inħossni tant kommoss li kważi ma nistax nitkellem – l-Onor. Prim Ministru u l-Onor. Dr Buttigieg, li tkellem f’isem il-Partit tal-Labour. Jien kelma waħda nista’ ngħid, li l-mewt ta’ Ġorġ Galea, meta dalgħodu ittelefonali u qalli biha l-Onor. Speditu Catania, li kien jaf li aħna ħbieb ħafna, ixxukkjatni b’mod illi, li kieku kien ħija ma kontx nixxokkja ruħi daqshekk. Barra li ili naf lilĠorġ Galea u l-familja tiegħu kollha Għawdex – familja ta’ ġentlomi, ġentlom bin il-ġentlomi – wara din is-sena li ilna hawnhekk flimkien, nista’ ngħid li bil-mewt ta’ Ġorg Galea tlifna ‘the perfect gentleman’. Ġie li kelli parlati miegħu fuq plitika, u qatt ma smajtu jgħid kelma kontra wieħed minn hawn ġew, u dan juri l-karattru ħelu, ġentili u ta’ raġel li kellu Ġorg Galea. Jiena nissekonda l-Onor. Prim Ministru li l-Kamra kollha għandha tibgħat il-kondoljanza tagħha lill-familja ta’ Ġorġ Galea , u bħalma qal l-Onor. Dr Buttigieg, bħala nsara, nitolbu ‘l Alla għalih. Naħseb li ġa għandu l-mistrieħ ta’ dejjem, għaliex bniedem bħal dak ma naħsibx li mar ibati lanqas minuta waħda. Aħna l-bnedmin ilkoll fraġili, imma nies ġentlomi bħalma kien Ġorġ Galea ftit hawn, u min hu ġentlom fil-manjeri soċjali tiegħu bilfors li jkun anki nisrani tajjeb. (Onor. Membri: Hear, hear).
HON. M. STRICKLAND: On behalf of the Progressive Constitutional Party I associate myself with the Prim Minister in the sorrow he has expressed for the loss of a colleague, the hon. George Galea. Mr Galea was a young man who obeyed the dictates of his conscience to devote time to undertake civic duties so much needed, and also to stand for Parliament. His very youth makes him a great loss to the community. We will miss him here in this House and he will certainly be missed in Gozo. All we can say is that he is gone to a better life, and we hope that when the time comes we will also be able to follow him, having done our duty. (Hon. Membrs: Hear, hear).
*ONOR. DR A. TABONE: Għan-nom tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ta’ Għawdex nixtieq nesprimi d-dispjaċir profond tagħna għat-telfa bla ħsieb u qabel il-waqt tal-kollega tagħna, l-Onor. Ġorġ Galea, li sal-bieraħ kien għadu magħna qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu parlamentari, mingħajr ċertament ma għaddielu minn moħħu – la lilu u lanqas lilna – li fuq rasu kienet qed tinġabar din it-traġedja. Ġorg Galea m’għadux magħna, imma magħna għandna l-memorja sagra, biex ngħidilha hekk, tiegħu, li tibqa’ f’qalbna u f’moħħna, għaliex Ġorġ Galea ħalla warajh memorja ta’ virtujiet ċiviċi li huma aktar uniċi milli rari. Infatti fil-ħajja qasira tiegħu ddistingwa ruħu għall-umilta’ tiegħu, għall-affabilita’ tiegħu, għall-karattru tiegħu verament tad-deheb, u bħala rappreżentant tal-poplu għall-integrita’ tiegħu u l-premura li kellu biex jaqdi d-dmirijiet tiegħu b’puntwalita’ u determinazzjoni. Għalkemm aħna tlifnih minn fostna, u verament inħossu li t-telfa tiegħu hija kbira ħafna. Aħna lesti biex inbaxxu rasna għar-rieda t’Alla, u nsellmulu b’kommozzjoni u nisperaw li aħna nsegwu l-passi tiegħu għal dak li jirrigwarda dawn il-virtujiet li kienu jibbrillaw fih. Kif għidt, il-memorja tiegħu tibqa’ magħna u fostna, bħal dik ta’ Deputat ieħor Nazzjonalita li kien iġib ismu. Milli jidher il-Partit tagħna ma tantx għandu xorti ma’ dan l-isem, pero’ fl-istess ħin għandna x-xorti li jistgħu niftakru f’dawn it-tnejn minn nies, li kienu jġibu dan l-isem, b’sens ta’ riverenza u ammirazzjoni. Għan-nom tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ta’ Għawdex jien nixtieq nippreżenta l-kondoljanzi tagħna lill-mama’ tiegħu, lil-ħutu u lill-għarusa tiegħu (Onor. Membri: Hear, hear).
*ONOR. DR A. CACHIA ZAMMIT (Ministru tax-Xogħol u Għajnuna Soċjali): Inħossni fid-dover fiċ-ċirkostanzi tal-lum li bħala l-aħħar Membru ta’ dil-Kamra li kellimt lill-kollega skompars, Ġorġ Galea, inqum u ngħid l-aħħar kelmtejn biex nikkonferma dak kollu li ntqal fil-Kamra l-lejla. Jiena kont ma’ l-Onor. Ħabib tiegħi, Ġorġ Galea, xi siegħa qabel ma miet, u x-xokk li ħassejt jien, li kont nafu ħafna u li kien ħabib personali tiegħi, donni ma nistax dan il-mument nissorpassah. Nixtieq nikkorrobora dak li qal issa l-Onor. Ħabib tiegħi, Dr Tabone, li d-dmirijiet tiegħu bħala Membru ta’ dan il-Parlament, l-Onor. Ġorġ Galea kien jaqdihom mill-aħjar, dejjem b’dik id-daħka sabieħa fuq fommu, li għandi l-pjaċir ngħid ikkonservaha anki issa li m’għadux ħaj. L-aħħar kelmiet li qalli l-bieraħ meta sellimtlu – kien qed jaqbes għal wieħed mill-kostitwenti tiegħu, li ġiebu apposta minn Għawdex biex ikellimni - kienu “Tinsix taqdihuli. Tinsix tara x’tista tagħmel għal dan il-kostitwent”. Dan jikkonferma dak li ntqal fil-Kamra l-lejla, u għalhekk ħassejtni fid-dover li nirripeti dak li smajt il-bieraħ. Il-mewt tiegħu kienet xokk kbir ferm għalija, peress li sa siegħa qabel kont għadni miegħu. Nassoċjaruħi mal-kollegi tiegħi f’din il-Kamra u nixtieq li l-kondoljanzi tiegħi jitwasslu lill-familja tiegħu u lill-għarusa tiegħu; u nappella lill-kollegi tiegħi biex jiftakru fih fit-talb tagħhom, għaliex aħna nafu li allavolja l-Onor. Ġorġ Galea ħalla din id-dinja f’eta’ tant żgħira, il-ħajja għalina titbiddel u mhux titneħħa, u dak li għandna jistenniena fid-dinja l-oħra huwa dinja aħjar, ħajja isbaħ, ħajja ta’ feliċita’ perpetwa. (Onor. Membri: Hear, hear).
*ONOR. DR A. BUSUTTIL: Sur President, jiena għadni kif ġejt a cognizione tal-mewt tal-kollega tagħna l-Onor. Sur Galea u fl-assenza tal-Kap tiegħi nixtieq nassoċja ruħi għan-nom tiegħi u ta’ l-Onor. Membri l-oħra tal-Grupp tagħna ma’ dak kollu li ntqal hawnhekk kif nassoċjaw ruħna wkoll mal-proposta li saret li jintbagħtu l-kondoljanzi lill-familjari tal-Onor. Ġorġ Galea.
MR SPEAKER: Nassoċja ruħi ma’ l-espressjonijiet hekk sbieħ u sublimi li l-Onor. Membri li tkellmu għoġobhom jgħidu fuq il-kellega tiegħi u tagħna lkoll George Galea. Jiena ili nafu minn ċkunitu għaliex kont u għadni ħabib tal-familja tiegħu u nista’ ngħid li ili nafu minn mindu kellu ħames snin ‘il fuq. Veru jixraqlu George Galea li jsirlu dan it-tifħir u eloġji hekk sbieħ. George Galea kellu l-ħlewwa li jkun ħabib ta’ kulħadd u naturali jixtraqlu li jkollu r-rispett ta’ kulħadd u għalhekk jixraq lill-familja tiegħu, lill-kostitwenti tiegħu u lil pajjiżu li jkunu jafu b’ liema mod George Galea kien rispettat mhux biss f’pajjiżu imma anke f’Malta, mhux biss dawk li kienu ilhom jafuh u jirrispetawh ħafna, imma li saru jafuh f’dawn l-aħħar żmenijiet, kif tajjeb qal l-Onor. Dr Buttigieg, minn sena ‘l hawn.
Għalhekk jiena bil-pjaċir kollu nresSaq u nwassal il-kondoljanzi tiegħi u tal-Kamra lill-familja tal-mejjet George Galea.
Issa l-proposta hija li l-Kamra taġġorna għal għaxar minuti b’sens ta’ rispett u qima lejn il-mejjet ħabib tagħna George Galea. (Onor. Membri: Aye) Għalhekk issa l-Kamra taġġorna għal għaxar minuti.
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
- 05.07.1963 |