Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 606 tas-Sitt Leġislatura tat-Tnejn, 6 ta' Jannar, 1992
KONDOLJANZI
ONOR. GUIDO DE MARCO: Sur President, fil-21 ta' Diċembru, tas-sena l-oħra miet l-ex- Deputat Nazzjonalista, is-Sur Carmelo Refalo li mill-1951 sal-1971 kien Deputat elett minn Għawdex. Dan kien raġel dedikat għal dan id-distrett u barra minn hekk kien wieħed ta' kelma mirquma u kien jagħti attenzjoni kbira lill-kostitwenti tiegħu. Niftakar li meta kont għadni kemm ġejt elett fil-Parlament fl-1966 konna sifirna flimkien, il-Canada għall-Commonwealth Parliamentary Association meeting. Hemmhekk kont qed mmexxi delegazzjoni tal-parlamentari tagħna, u niftakar li meta nżilna għall-kolazzjon - naturalment kien l-għada fil- għodu - is-Sur Refalo hekk kif kien fi stat ta' trepidazzjoni kont għidtlu: X'inqalgħalek? Għaliex tinsab hekk inkwetat? Dan kien qalli li moħħu kien il-ħin kollu fit-tfal għaliex kellhom jivvjaġġjaw l-lejl kollu biex immorru jarawh. Ftit minuti wara li spiċċajna dan id-diskors, immedjatament jidħlu tnejn mit-tfal tiegħu - li kienu l-lejl kollu jivvjaġġaw biex jaslu fejn konna qegħdin - ħalli jkunu jistgħu jaraw lil missierhom. Hemmhekk stajt nara r-rabta kbira li Carmelo Refalo kellu mal-familja tiegħu.
Ftit ikun hemm okkażjonijiet, Sur President, fejn din il- Kamra tista' tikkommemora ex- Deputat li jkun għadu kemm miet, u fostna jkun hawn ukoll it-tifel tiegħu, li f'dan il- każ huwa l-Onor. Louis Refalo. Apparti l-każ ta' Anton Buttigieg, Alla jaħfirlu, li jiġi missier l-Onor. John Buttiġieġ, din mhix ħaġa li tiġri sikwit. Wieħed irid igħid hawnhekk li l-Onor. Louis Refalo kompla fit-tradizzjoni tal-papa' tiegħu billi jagħti attenzjoni kbira lill-kostitwenza li teleġġih. Jien lill- Onor. Louis Refalo, ngħaddilu l-kondoljanzi sinċieri tal- Membri ta' din il-Kamra, u aħna konvinti li hu jgħaddihom ukoll lill-familja kbira tiegħu, lil ommu u lil ħutu l-oħrajn kollha.
Jien kull darba li kont immur Għawdex dejjem kont nara lil Carmelo Refalo, speċjalment fil-Ġimgħa l-Kbira, Santa Marija u festi oħra li jiccelebraw f'Għawdex u issa żgur li nħoss in-nuqqas tal- fatt li meta mmur Għawdex ma nistax nieqaf narah aktar. Dan l-aħħar allavolja kien marid kien dejjem b'dik iċ- ċajta fuq fommu u jistaqsini dwar x'qed nagħmlu u kif aħna sejrin fix-xogħol tal-Parlament. Aħna nixtiequ nirringrazzjawh tax-xogħol li għamel kemm dam Deputat f'dan il-Parlament, u nwasslu l- kondoljanzi sinċieri tagħna lill-familja kollha tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE DEPUTY SPEAKER (onor. Manuel Borda): L-Onor. Joe Mizzi.
ONOR. JOE MIZZI: L- Oppożizzjoni tingħaqad man-naħa tal-Gvern u tesprimi s-sogħba tagħha għat-telfa li ġarrbet il-familja Refalo, speċjalment il-kollega tagħna li jinsab hawnhekk.
THE DEPUTY SPEAKER: L-Onor. Louis Refalo.
ONOR. LOUIS REFALO: Għan-nom tal-mama' tiegħi u ta' ħuti, nirringrazzja sew lin-naħa tal- Gvern, lin-naħa ta' l- Oppożizzjoni, kif ukoll lis-Sedja.
Min kien jaf sewwa lill-papa' tiegħi jaf - u dan deher anke mill-attendenza li kien hemm għall-funeral tiegħu - li kien bniedem rispettat minn kulħadd. Aħna qegħdin tmien aħwa u wara l-funeral iltqajna u qgħadna nitkellmu u wieħed minna qal: Il-papa' qalilna biex qatt ma nobogħdu lil ħadd u qatt ma xewwixna kontra xi ħadd. Anzi jiena sinċerament nista' ngħid li meta kien għaddej minn certi kriżijiet, kien miet wieħed u lili missieri kien qalli biex nara li mmur għall-funeral tiegħu.
Kif jaf il-poplu Għawdxi, huwa kien bniedem ta' rispett, u j'Alla aħna f'dan il- Parlament nitgħallmu nirrispettaw lil kulħadd, hu min hu, kif kien igħallimna missieri. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear)
THE DEPUTY SPEAKER: Jiena wkoll ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal- Kamra u nitlob lill-Aġent Skrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill- familja Refalo.
Elected on: | 18.02.1962 |
Oath of Allegiance: | 26.04.1962 |
Dissolution of Parliament: | 15.02.1966 |
Elected on: | 31.03.1966 |
Oath of Allegiance: | 25.04.1966 |
Dissolution of Parliament: | 24.04.1971 |