Skip to main content
Parliament of Malta
Language: mt   |  Search  |  Contact Us

Language: mt   |  Search  |  Contact Us

Notary Philip Saliba

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ PHILIP SALIBA FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

 

26 ta' Settembru 2011

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn id-19 ta’ Diċembru 1953 u t-18 ta’ Diċembru 1954
u bejn it-22 ta’ Frar 1962 u l-24 ta’ April 1971

Philip Saliba

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA’ PHILIP SALIBA FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 15 TAT-22 TA’ MARZU 1954 ASSEMBLEA LEĠISLATTIVA

 

ONOR. PHILIP SALIBA: Mr Speaker, xtaqt insemmi xi ħaġa fuq il-proġett ta’ Putirjal. Nafu li sejra tiġi vvotata s-somma ta’ £50,000 oħra biex issir il-fontana f’dan il-post u biex tiġi żviluppata dik l-area. Jiena din naqbel magħha ħafna għaliex din hija waħda mill-isbaħ areas ta’ Malta. Qiegħda fil-għajn fejn l-iktar li tista’ tkun u hija gawduta kemm mill-poplu u kemm mit-turisti. Naqbel ukoll li għandu jitkompla l-proġett oriġinali ta’ dik l-area ta’ Kingsgate. Huwa veru li fil-preżent hemm bżonn ta’ ekonomija però sakemm il-proġett ma jiġix komplut għal kollox b’dawk is-subways, il-poplu ma jistax igawdi l-frott kollu ta’ dak il-proġett. Nafu li meta jiġu ċertu festi u jkun hemm ir-rush tan-nies fil-Belt, naraw li dan mhux suffiċjenti u għalhekk jekk il-proġett ma jitkomplix, il-flus li jkunu ntnefqu, ikunu kważi għalxejn għaliex ma jagħtux il-frott 100%. Nafu li l-proġett oriġinali għadu ma ġiex komplut minħabba l-ekonomija u jiena naqbel li mal-ewwel okkażjoni, dak il-proġett għandu jitkompla kollu kemm hu biex il-flus li diġà ntnefqu ma jkunux ta’ xejn.

Naqbel ukoll li l-Palazz għandu bżonn tiswijiet kbar u naqbel li jekk jista’ jkun, ikun hemm grupp ta’ nies li jieħdu ħsiebu s-sena kollha bħal ma hemm fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, għaliex ħafna partijiet tiegħu qegħdin fi stat ta’ dilapidazzjoni. Jekk tara l-faċċata ta’ barra, tgħid li verament hemm bżonn isir xi ħaġa. Dan il-vot ta’ flus hu neċessarju. Jekk jista’ jkun hemm grupp ta’ nies illi s-sena kollha...

ONOR. DOM MINTOFF: Hekk hemm!

ONOR. PHILIP SALIBA: Peress illi fil-gwerra l-ħsara żdiedet, aktar u aktar sar hemm bżonn ta’ ċerta kura. Hemm ħafna bżonn biex il-ħsara ma tkompliex tikber.

Nixtieq issa nagħmel osservazzjoni fuq National Road biex in-naħa ta’ ma’ ġenb il-Blata l-Bajda titwessa’ u tiġi bħan-naħa l-oħra, għax hemm parti minnha kerha ħafna u hemm ħafna ġebel tas-sejjieħ. Għallinqas ikollna mill-Blata l-Bajda ‘l fuq, toroq passabbli illi jekk ma jikkompetux għal kollox mat-toroq ta’ barra, almenu jkunu toroq sbieħ.

Niġi issa għall-housing. Nixtieq illi l-gvern joqgħod ftit attent dwar l-intrapriża li sejjer jieħu illi se tagħmel il-bini. Jiena naqbel illi l-gvern għandu bżonn jieħu dan il-pass però hawn irridu naraw żewġ affarijiet. L-ewwelnett ma rridux nagħmlu kompetizzjoni sa barra lill-industrija privata u hemm żewġ fatturi illi għandna noħduhom in konsiderazzjoni. Hemm £1,200,000 ivvotati open credits tal-war damage illi għadhom ma ntużawx u jekk nieħu £1,000 bħala medja għal kull dar, ifisser li żgur hemm 1,200 djar illi jridu jinbnew.

Irridu wkoll nieħdu in konsiderazzjoni l-fatt illi hawn min isostni illi l-poplazzjoni ideali ta’ dawn il-gżejjer għandha tkun qrib il-250,000 filwaqt li l-popolazzjoni preżenti hija ta’ 310,000. Allura hemm bżonn surplus ta’ 60,000 illi bilfors joħolqu problema ta’ housing, però f’din il-kwestjoni għandna nieħdu in konsiderazzjoni li ma nipprovdux djar għal 60,000 ruħ illi aħna qed inqushom bħala żejda u qed nippruvaw inġegħluhom jemigraw għax inkella jista’ jagħti l-każ illi għada pitgħada tinħoloq problema oħra kuntrarja. Irrid ngħid illi bil-£1,200,000 tal-war damage b’kollox, m’għandniex ninsew dawk is-60,000 ruħ żejda illi għada pitgħada rridu nġegħluhom jemigraw, u jekk hemm bżonn, issir statistika bien inkunu nafu kemm hemm bżonn djar u nkunu nafu l-gvern safejn għandu jasal.

Dan qed ngħidu biex il-gvern joqgħod attent ħalli ma nagħmlux kompetizzjoni esaġerata mal-industrija privata tal-bini. Jista’ jiġri illi meta jitla’ l-bini kollu tal-War Damage u l-bini l-ieħor li jitla’, u meta inkunu nistgħu nibagħtu sewwa n-nies biex jemigraw, ikun hemm xi rifless ħażin fuq l-industrija lokali tal-bini.

Issemmiet id-dominion status u l-integrazzjoni mal-offerta tal-Colonial Office. Naraw illi kemm dik il-parti tal-Kamra u kemm din il-parti tal-gvern, fil-prinċipju u fl-iskop illi rridu nilħqu, it-tnejn naqblu. Aħna ngħidu li dan m’għandux ifisser biss tibdil ta’ isem, jekk fuq il-bieb nagħmlux pjanċa illi fuqha jkollha Home Office, jew Commonwealth Relations Office. Sa hawn naqblu. Forsi ma naqblux fuq il-linja illi għandna nieħdu. Aħna forsi nsostnu – jiena naqbel mal-prinċipju wkoll – illi għandu jkollna dominion status b’ċertu ftehim mal-Gvern Ingliż. Huma jsostnu li għandu jkun hemm l-integrazzjoni. Jiġifieri naqblu illi għandu jkollna kostituzzjoni aħjar.

Jiena jidhirli illi allura għandu jsir xi ħaġa kemm minn din in-naħa u kemm minn dik in-naħa, illi fuqha fil-prinċipju nkunu unanimi biex hekk inkunu nafu x’għandha tkun it-talba tagħna lill-Ministru tal-Kolonji. Forsi huma lesti illi jaslu sa ċertu punt u aħna nkunu f’pożizzjoni illi nipperswaduhom jaslu safejn nixtiequ aħna.

Punt ieħor kien fejn intqal illi l-Kostituzzjoni kienet intilfet minħabba l-italjanità u mhux italjanità ta’ din in-naħa. Din kienet skuża. Kienet ħaġa li jridu jgħidu hekk. Mhux sewwa li nirrepetu skużi li jagħmel il-Ministru tal-Kolonji biex jasal għall-iskopijiet tiegħu. Anki jekk ikunu veri, aħseb u ara meta mhux veru! Tant hu hekk illi fil-preżent ma hemm ebda dubju, ebda skuża tal-italjanità u mhux italjanità u b’danakollu, meta dehrilhom, għamlu emenda għall-Artiklu 59 tal-Kostituzzjoni u b’din l-emenda kważi qalulna: “Mill-kostituzzjoni m’għandkom xejn” u ma qagħdux isibu skuża ta’ italjanità u mhux italjanità. Sempliċement kienet ħaġa konvenjenti u għamluha!

ONOR. CASSAR: Sabu l-iskuża tal-budget!

ONOR. PHILIP SALIBA: Dr. Cassar jaqbel li kienet skuża. Aħna, sew din in-naħa u kemm dik in-naħa, qatt m’għandna naqbdu u nużaw skuża illi jkun uża l-Ministru tal-Kolonji. Anki jekk ikunu veru m’għandniex naqblu magħhom, aħseb u ara meta ma jkunux.

Nieqaf hawn ħalli nagħti ċans li jitkellmu Membri oħra. Grazzi.

Condolences (26 Sep 2011)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 389 tal-5 ta' Ottubru 2011

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin): Grazzi Sur President.

Fis-26 ta’ Settembru 2011, tħabbret il-mewt tan-Nutar Philip Saliba fl-età sabiħa ta’ 89 sena. Lin-Nutar Saliba kien jafu kważi kulħadd, kemm jekk inti minn Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll min mhuwiex minn Ħaż-Żebbuġ. Kellu karriera politika twila. Ikkontesta l-ewwel darba fl-1951 u kien membru tal-leġislaturi kollha mill-1952, li jmorru lura għaż-żmien tal-coalitions ukoll ta’ Borg Olivier u Boffa, sal-leġislatura li ntemmet fl-1971. Kien ukoll deputy speaker għal disa’ snin sħaħ bejn l-1962 u l-1971. Din hi kariga importanti, rikonoxxuta fil-Kostituzzjoni, ħafna drabi uġigħ ta’ ras daqs dik tal-ispeaker għaliex irid imexxi l-istadju ta’ kumitat ta’ kull liġi. Dak iż-żmien il-liġijiet kollha kienu jgħaddu mill-istadju ta’ kumitat tal-Kamra.

Sur President, kien ukoll wieħed mid-deputati, li sfortunatament dejjem qed jonqsu, li vvota fil-leġiżlatura tal-1962 favur l-Indipendenza ta’ pajjiżna. Fil-Partit Nazzjonalista kien okkupa diversi karigi, inkluż editur tal-gazzetta tal-partit “Il-Poplu”. Kien ukoll assistent teżorier tal-Partit Nazzjonalista. Għal żmien twil, kemm meta kien fil-Parlament, kif ukoll barra mill-Parlament, kien membru tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Fatt interessanti kien meta fl-1969 kien miet id-Deputat Nazzjonalista George Caruana, deputat minn Raħal Ġdid, u l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, li jidhirli li kien iltaqa’ f’Lujlu 1969, kellu jiddiskuti l-co-option ta’ min se jieħu postu. F’dik is-seduta ngħidilha storika, kien intgħażel proprju Dr Eddie Fenech Adami u l-mozzjoni għall-co-option fl-eżekuttiv tal-partit kien ressaqha proprju n-Nutar Philip Saliba.

Ħafna nies attendew għall-funeral tiegħu li sar fid-29 ta’ Settembru, fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħaż-Żebbuġ. Iċ-ċelebrant semma l-kwalitajiet sbieħ tan-nutar Saliba, li kien jafhom kulħadd, però tajjeb li nirrepetuhom hawnhekk. Iċ-ċelebrant semma diversi drabi l-kelma “doċili”, jiġifieri ħelu fi kliemu u ħelu fl-azzjonijiet tiegħu. Jiena, li ilni fil-politika issa ftit taż-żmien, qatt ma naf li xi ħadd igerger kontra n-Nutar Philip Saliba. Kontrija u kontra nies oħra xi kultant nisimgħu lil xi ħadd igerger, imma kemm ilni fil-partit jien qatt ma naf li smajt lil xi ħadd igerger kontra n-Nutar Philip Saliba. Kien ukoll raġel. Qed nużaha mhux f’sens sessista imma raġel fis-sens ta’ irġulija. Meta jagħtik kelma, dik il-kelma jżommha u ma jingannax bin-nies.

Lill-membri tal-familja tiegħu hawnhekk preżenti ngħidilhom: X’hawn isbaħ milli jmut xi ħadd qrib tiegħek u mhux jgħidu kemm kien sinjur jew kemm għandu proprjetà, imma li dik il-persuna kienet ġentlom. Naħseb li dan hu l-isbaħ kompliment li wieħed jista’ jagħmel lil xi ħadd li jiġi minnek meta jiġi nieqes. Inti jkollok dak id-dwejjaq minħabba l-fatt li xi ħadd li tkun għext miegħu għal żmien twil, jew missierek, jiġi nieqes, imma għall-inqas tisma’ lil min jgħid li dak kien raġel. Naħseb li l-irġulija tan-Nutar Philip Saliba ma jista’ jikkontestaha ħadd.

Kien ukoll persuna leali, mhux fis-sens li tagħmel dak li jgħidulek, mhux f’sens ta’ serviliżmu, imma f’sens ta’ lealtà lejn il-pajjiż l-ewwel ħaġa imma anke lejn il-partit. Fil-fatt il-Partit Nazzjonalista fdah b’diversi karigi u hu, mingħajr tgergir, dejjem aċċetta li jagħmel ix-xogħol li fdalu il-partit. Għalkemm ma noqgħodx Ħaż-Żebbuġ jien kont nafu, bħalma naf ħafna nies oħrajn ta’ ċerta età. Anke l-mara tiegħi kienet u għadha ħabiba tat-tfal tiegħu. Jiena niftakru jirrakkonta għax kellu sens qawwi ta’ storja kemm tal-pajjiż, imma anke sens ta’ storja tal-Partit Nazzjonalista. Huwa għex 89 sena u allura għex l-istorja tal-partit, partikolarment mill-gwerra ’l hawn. Għex minuta b’minuta l-akkwist tal-Indipendenza, is-snin fil-gvern u l-ġlidiet kostituzzjonali. Kien jirrakkonta b’dik il-kalma tiegħu. Rari rajtu jirrabja jew jgħolli leħnu. Kien tip ta’ perunsa li meta jibda jirrakkonta tibqa’ tisimgħu. Hawn nies li għandhom il-kapaċità li jitkellmu b’tant kalma u serjetà li inti, kemm jekk trid u kemm ma jekk ma tridx, tibqa’ tismagħhom għax tieħu gost tismagħhom. Naħseb li n-Nutar Saliba kien wieħed minn dawn.

L-isbaħ momument u l-isbaħ plakka li nistgħu nagħmlulu hija proprju li niftakruh fil-virtujiet u l-kwalitajiet sbieħ tiegħu, u li nikkommemorawh billi mhux biss infakkru f’dawn il-virtujiet biss imma nipprovaw nimitawhom ukoll. Allura naħseb li f’dan il-mument ta’ niket tajjeb li s-Sedja tibgħat il-kondoljanzi tagħha kif tagħmel is-soltu, l-ewwel ħaġa lis-Sinjura tiegħu, Marie Louse, li għexet dawn is-snin kollha miegħu bħala l-mara tiegħu, imma wkoll lil uliedu, lil Dr Jeanette, lil Hilda, lil Margaret, lil Anna u lil Henri. Grazzi ħafna.

MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): Grazzi. L-Onor. Anġlu Farrugia.

ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, jien ningħaqad fil-ħsebijiet li għamel il-Viċi Prim Ministru f’dak li jirrigwarda l-ex-membru parlamentari li ħalliena, n-Nutar Philip Saliba.

Jien ma kontx nafu bħalma kien jafu l-Onor. Tonio Borg. Sirt nafu permezz tat-tfal tiegħu għaliex waħda mit-tfal, Hilda, niltaqa’ magħha fil-qorti. Henri huwa ħabib tagħna ukoll u Jeanette għandha l-professjoni ta’ nutar. Apparti li kien politiku, kellu wkoll il-professjoni ta’ nutar u min ħadem miegħu jgħid li kien persuna serja ħafna fix-xogħol tiegħu u skrupluż, għax biex tkun ċert trid tkun skrupluż. Kien ukoll simpatiku. Min kien jafu mill-qrib fir-raħal ta’ Ħaż-Żebbuġ jista’ jgħidlek kemm kien simpatiku. Dawk li għandhom il-ħwienet jgħidulek li sa ftit ġranet qabel ma miet kien dejjem man-nies.

Ovvjament, jien ma dħaltx fl-istorja tal-partit, imma l-fatt li fl-1969 kien ressaq dik il-mozzjoni biex jirrakkmanda li Dr Eddie Fenech Adami jiġi co-opted juri li kellu foresight. Hawnhekk forsi wieħed jara l-karattru tiegħu, kemm kien jaħseb fit-tul. F’okkażjonijiet bħal dawn noħorġu dejjem il-maiden speech ta’ kull parlamentari u ta’ dan jien nirringrazzja lill-iSpeaker. Għalkemm kien jiġi elett minn dak id-distrett, meta taqra d-diskors tinduna li kien persuna nazzjonali. Aħna qegħdin hawnhekk biex nirrappreżentaw lill-pajjiż. Per eżempju fil-maiden speech tiegħu tkellem fuq il-proġett ta’ Bieb il-Belt. Illum nitkellmu fuq Putirjal, imma dak iż-żmien kienu qed jagħmlu funtana. Dakinhar tkellem ukoll fuq il-Kostituzzjoni għax il-Ministru tal-Kolonji Ingliż kien qed ikaxkar saqajh biex ikollna kostituzzjoni, u hu attakkah. Kien hemm rimarki ta’ qbil ukoll tal-Perit Mintoff u Ġużè Cassar li kienu fid-dibattitu. Wieħed jista’ jara l-kobor ta’ persuna li kienet qed tagħmel xogħolha b’dinjità u dan għandu jkun ta’ eżempju għal ħaddieħor.

Fil-karriera tiegħu serva wkoll ta’ deputy speaker, kariga li dak iż-żmien forsi iktar mil-lum kienet daqsxejn taħraq, speċjalment fi żmien meta kien hemm il-proċess tal-indipendenza. Fil-ħamsinijiet kien hawn perjodu fejn il-Parlament kien jiffunzjona b’koalizzjoni ta’ żewġ jew tliet partiti, imbagħad ġew il-partiti ż-żgħar fis-sittinijiet. In-nutar Saliba għadda minn dan kollu.

Il-priedka tal-funeral, li kienet ħelwa fil-mod kif iddeskrivih, għandha tkun ta’ rigal għal persuna li għex il-ħajja tiegħu sa età venerabbli. Jien ukoll ningħaqad mal-Gvern biex nagħti l-kondoljanzi lil martu, Marie Louise, u lit-tfal tiegħu Henri, Jeanette u lill-familja kollha. Nirringrazzjak.

MR SPEAKER: Grazzi. Naħseb li huwa sabiħ li jkun hemm sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. In-Nutar Philip Saliba ta servizz twil ħafna lil dan il-pajjiż. Qed nara li l-maiden speech tiegħu kienet sena qabel ma twelidt jien, imma sadanittant, għal nies tal-ġenerazzjoni tiegħi li għażlu li jidħlu fil-politika, huwa xorta waħda kien a household name. Minkejja li kien bniedem soft spoken, naħseb li anke fil-maiden speech tiegħu wera li ma kienx soft meta jiġi biex jagħmel l-argument politiku u ta servizz bil-qalb lil pajjiżna. Beda f’perjodu meta pajjiżna kien kolonja, kellu x-xorti li jara lil pajjiżna isir indipendenti u jservi f’parlament kompletament sovran. Naħseb li huwa ġust, huwa f’postu li nagħmlu din il-kommemorazzjoni f’dan il-Parlament fejn qed nilqgħu fostna wkoll lis-Sinjura Saliba, lit-tfal tiegħu u anke lit-tfal tat-tfal. Naħseb li dan juri l-kontinwità u l-importanza li napprezzaw xi jfisser li tagħti servizz lil pajjiżek. In-Nutar Saliba kien żgur eżempju tant tajjeb ta’ dan.

Għalhekk, ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex, jekk jogħġobha, twassal il-kondoljanzi lill-familja tan-nutar Saliba.

Electoral History

First Legislature (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.02.1962
Oath of Allegiance: 26.04.1962
Dissolution of Parliament: 15.02.1966
Second Legislature (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 31.03.1966
Oath of Allegiance: 25.04.1966
Dissolution of Parliament: 24.04.1971