Skip to main content
 
Language: mt   |  Search  |  Contact Us Parliament of Malta

 
 
 
Language: mt   |  Search  |  Contact Us
 

Mr Wistin Abela

Wistin Abela  

Commemoration (19 Oct 1933 - 20 Jan 2014)

Estratt mis-Seduta Parlamentari 112 tas-27 ta' Jannar 2014

KONDOLJANZI

MR SPEAKER: Fl-20 ta’ Jannar, 2014 tħabbret il-mewt tas-Sur Wistin Abela li kien Ministru u Membru ta’ din il-Kamra mill-1966 sal-1996, jiġifieri qed nitkellmu fuq 30 sena ta’ ħidma parlamentari minn dan l-Onor. Membru. Barra minn hekk, kien serva għal numru ta’ snin kemm bħala Segretarju Parlamentari, Ministru u anke Deputat Prim Ministru. Għalhekk, nitlob lill-Prim Ministru biex, jekk jogħġbu, jagħmel kelmtejn.

ONOR. JOSEPH MUSCAT: Sur President, b’dieqa kbira llum qegħdin ninġabru hawnhekk sabiex insellmu l-memorja tal-ex Deputat Prim Ministu Wistin Abela. F’isem din il-Kamra nixtieq inwassal il-kondoljanzi lil martu, lil uliedu u lill-kumplament tal-familja hawnhekk preżenti.

Jien, bħal ħafna oħrajn, kelli x-xorti nsir naf lis-Sur Wistin Abela għalkemm, sfortunatament, sirt nafu tard ħafna, mill-1992 lil hawn. Madankollu nemmen li l-aħħar parti tal-ħajja tas-Sur Wistin Abela kienet turija ta’ solidarjetà u ta’ mħabba mill-poplu Żejtuni kollu lejn din il-persuna. Dan jidher anke mill-fatt li wara l-kondizzjoni li kienet ħakmitu, il-ħbieb tiegħu ta’ kuljum kienu jieħdu ħsiebu u kienu jieħdu ħsieb li jiċċaqlaq għall-pjazza tar-raħal u li jibqa’ involut fil-ħajja soċjali bil-limitazzjonijiet fiżiċi kollha li kellu. Nista’ ngħid li s-Sur Abela prattikament baqa’ sal-aħħar xhur ikun irid jikkontribwixxi u jibgħat messaġġ ta’ inkoraġġiment u ta’ parteċipazzjoni. Inħalli f’idejn il-Ministru George Vella biex imexxi hu dan id-diskors ta’ radd ta’ ħajr u ta’ kondoljanzi għan-naħa tal-Gvern.

MR SPEAKER: Il-Ministru George Vella.

ONOR. GEORGE VELLA: Huwa verament pjaċir u unur tiegħi li nitkellem hawnhekk dwar xi ħadd li ta daqshekk kontribut fit-tul f’din l-istituzzjoni parlamentari u li ħadem f’daqstant ministeri differenti. Meta wieħed jara l-medda ta’ ministeri li okkupa jrid jistaqsi: Kif seta’ bniedem jagħti kontribut f’dawn il-ministeri kollha?

Madankollu jekk wieħed jara l-ewwel diskors tiegħu li ġie ppubblikat illum – u rrid ngħid li hija drawwa tajba li f’okkażjonijiet bħal dawn ikollna xi ħaġa biex niftakru lill-kollegi tagħna li kienu hawnhekk u kkontribwew u llum m’għadhomx magħna – mill-ewwel jinduna x’kien isarraf Wistin. Fil-fatt fl-ewwel diskors tiegħu tkellem fuq il-finanzi, fuq l-iżvilupp, fuq il-politika barranija, fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u saħansitra kien qal li kien hemm il-bżonn ta’ stock exchange f’pajjiżna. Dan fl-1966, fl-ewwel diskors tiegħu. Kellu ideat avant-garde ħafna u naħseb li hemm diġà kien qed juri l-fibra li kellu.

Jien mhux se nidħol fid-dettall u ngħid kemm il-Ministeru kellu. Se ngħid biss li Wistin kien bniedem li beda minn ġor-raħal, għex ġor-raħal u miet fir-raħal, u kif qal il-Prim Ministru, il-kuntatt man-nies ma naqas qatt. Kemm il-partitarji kif ukoll dawk li ma kenux partitarji kienu hemmhekk il-ħin kollu u hu kien igawdi r-rispett tagħhom. Dan nista’ nixhdu jien li għext fir-raħal taż-Żejtun.

Lil Wistin jien dejjem niftakru bħala bniedem soċjali li jgħin lill-fqir u lill-batut għax kien jagħti l-privat b’xejn. Ovvjament meta fl-1966 imbagħad daħal fil-politika beda jipprova jagħmel l-almu tiegħu. Irridu nammettu li l-politika ta’ dak iż-żmien kienet differenti milli hija llum, iċ-ċirkostanzi kienu differenti, l-isfidi kienu differenti u l-istil kien diffferenti. Għaldaqstant, wieħed irid jara l-affarijiet fi żmienhom. Jien kont iggradwajt fl-1964 u kienu avviċinawni biex noħroġ jien ukoll fuq iż-Żejtun u niftakar kien qalli: Ara fejn kelli nispiċċa jien la inti m’aċċettajtx! Minn hemmhekk il-karriera tiegħu saret pubblika u ovvjament la tkun pubbliku jkollok min jammirak, min jikkritikak, min jiżnek mod u min jiżnek mod ieħor.

Ma rridux ninsew li dan kien il-bniedem responsabbli għat-twaqqif tal-Air Malta, tas-Sea Malta, tal-Enemalta, tat-Telemalta, tat-Tug Malta, tax-Shipbuilding u tax-Xandir. Flimkien ma’ grupp magħżul ta’ persuni li kienu jifformaw parti mill-Kabinett fl-1971, mix-xejn ħolqu lill-pajjiż. Sfortunatament, illum kważi ħallewna kollha. Jekk m’iniex sejjer żball baqa’ biss Dr Joe Micallef Stafrace. Però, nikkritikaw kemm nikkritikaw l-istil u l-metodu, ir-riżultati kienu hemm u ħafna minnhom għadna ngawdu minnhom sal-lum.

Inżid ngħid li matul is-snin dejjem spikkat l-imħabba li Wistin kellu lejn iż-Żejtun u lejn il-Partit. L-imħabba li kellu lejn il-Partit kienet tisboq kollox għaliex sal-aħħar baqa’ mdawwar bir-ritratti ta’ okkażjonijiet differenti, bir-ritratti ta’ min iltaqa’ miegħu u bir-ritratti tal-ftuħ ta’ hemmhekk u l-ftuħ ta’ hawnhekk, flimkien ma’ martu Kitty li dejjem ġarr miegħu. Dejjem kien moħħu x’qed jiġri fil-Partit. Dejjem wera lealtà assoluta lejn il-leader. Kien kuntent meta kien hemm Karmenu Mifsud Bonnici, u l-istess meta kien hemm Alfred Sant u mbagħad Joseph Muscat.

Id-dwejjaq li kellu u li kien jittrażmetti lil min kien idur bih, u anke lili li kont narah regolarment, kien li hu kien moħħu ċar kristall, imma ma setax jesprimi ruħu. Dik kienet kiefra. U hawn irrid nirrakkonta aneddotu ħelu. Qabel l-elezzjoni kien beda jipprova jfehemni li aħna se nġibu 40 siġġu u kont għedtlu: Jien min jistaqsini kif inti ngħidlu li moħħok ċar kristall, però ma tistax tesprimi ruħek, imma issa se nibda ngħidilhom li qed tiżmaga! U qabad jidħak! Però huwa kkalkola li se jkollna 40 siġġu u aħna ġibna 39 siġġu, u allura ma tantx mar żmerċ! Dan qed ngħidu biex nuri kemm kienet ġo fih li jisma’, jifhem, isegwi l-aħbarijiet, jara x’inhu jiġri u jiżen kollox.

Dak li għamel sarrfu. Bħal kull politiku ieħor, Wistin ġie kkritikat, però żgur li qatt ma kien hemm kritika li jew kien korrott jew inkella li ma kienx integru fit-tmexxija tiegħu. Dan bħal kull professjonist ieħor, kulħadd jaqla’ kritika dwar x’jagħmel, imma fuq l-integrità tiegħu qatt ma kien hemm xejn. Bħalma qal il-Prim Ministru, Wistin baqa’ jinteressa ruħu u dejjem ra li jibqa’ jżomm kuntatt man-nies. Kif jaf kulħadd, anke fil-pożizzjoni li kien fiha dan l-aħħar, jekk ma joħroġx u jmur sal-każin u jagħmel kuntatt u jisma’ xi jkun għaddej ma kienx ikun hu.

Kull min hu fil-Partit jaf li hu dejjem ra kif għamel biex jattendi għall-konferenza ġenerali, u xi ħaġa li misset l-qlub ta’ ħafna nies kienet li għamel minn kollox biex ikun preżenti għall-funeral tal-ex Prim Ministru Duminku Mintoff. Jien inħossni xxurtjat li kont naf lil dan il-bniedem. Kien ta’ klassi ta’ nies li qegħdin jispiċċaw. Ikollok esperjenza tagħhom, però mbagħad jasal iż-żmien li jitilqu. Jiddispjaċini li l-aħħar ġranet tiegħu qattagħhom l-isptar għaliex kont ilni snin twal narah ġewwa daru, però m’għandix dubju li kien għall-aħjar tiegħu.

Sur President, irrid insemmi s-sagrifiċċju li jagħmlu l-familji tagħna li nkunu involuti b’dan il-mod fil-politika. Jien naf kif il-familja ta’ Wistin qattgħet ħajjitha, dejjem miftuħa għan-nies u naf is-sagrifiċċju kbir li għamlu biex daru bih fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Għaldaqstant nagħti l-kondoljanzi lil martu Kitty, lil Marjohn, lil Lycia u lil Carmelina u n-neputajiet li kellu bokka bihom. Dawn waslu biex jiggradwaw u jkunu tobba, eċċetra, għax kien il-pjaċir tiegħu jipprova jgħidli fuqhom. Minn hawnhekk nagħtihom il-kondoljanzi f’isem il-Partit. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Nistieden lill-Onor. Mario De Marco min-naħa tal-Oppożizzjoni.

ONOR MARIO DE MARCO: Sur President, ippermettili ningħaqad f’dan il-kliem ta’ tifħir għall-memorja tal-Onor. Wistin Abela jew kif inhu magħruf, is-Sur Wistin Abela. Se nibda billi nirrakkonta storja li kien jgħidli missieri u li kien qalli li kien semagħha direttament mingħand is-Sur Wistin Abela. Minkejja li, kif ngħidu fil-Qorti, detto del detto, m’għandix dubju mill-veraċità tagħha.

Darba fost l-oħrajn Wistin Abela kien ġie mistieden biex jilgħab il-boċċi mal-ex Prim Ministru Duminku Mintoff. Huwa wasal meta l-logħba kienet diġà bdiet. Mintoff staqsa lil Wistin jekk kienx jaf jilgħab u Wistin wieġeb li ftit li xejn. Mintoff qallu: Tajjeb, mela ilgħab mal-oħrajn! Bdiet il-logħba u rriżulta li Wistin kien tajjeb ħafna tant li t-tim tiegħu beda jirbaħ. Mintoff waqqaf il-logħba, dar lejn Wistin u qallu: Inti m’għedtlix li ma tafx tilgħab! Ejja mat-tim tiegħi! Din l-istorja mhux biss toħroġ il-karattru tal-Perit Mintoff però toħroġ ukoll il-karattru ta’ Wistin Abela. Kif jgħidu l-Ingliżi, dan kien unassuming, iżda s-servizz leali li ta lejn din il-Kamra u lejn dan il-pajjiż m’għandix dubju li kien wieħed kbir.

Żgur li se nibqgħu niftakruh anke għar-rwol tiegħu fit-twaqqif tan-numru ta’ kumpaniji li kienu essenzjali għat-tkabbir tal-ekonomija ta’ pajjiżna, fosthom l-Air Malta. Hu kien essenzjali għat-twaqqif tagħha u miegħu kellu lis-Sur Albert Mizzi u, jekk m’iniex sejjer żball, bħala l-ewwel segretarju eżekuttiv tal-Air Malta kellu lill-Onor. Louis Grech, illum Deputat Prim Ministru. Ħadt pjaċir naqra l-aneddoti li nkitbu dan il-weekend minn Dr Joe Micallef Stafrace u minn Dr Toni Abela. Dr Stafrace jiftakar lil Wistin bħala seminarista u persuna b’element soċjali kif qal tajjeb anke l-Onor. George Vella. Meta kien waqaf minn seminarista u daħal skrivan mat-Tarzna xorta kellu għal qalbu li jgħin lil ħaddieħor. Kien jagħti l-privat lil studenti u żgħażagħ miż-Żejtun biex jgħinhom jippreparaw jew għall-eżami tal-Liċeo jew tat-Tarzna.

Bla dubju ta’ xejn kellu din l-imħabba għad-drittijiet tal-ħaddiema u kellu rabta qawwija mal-General Workers’ Union, però kellu wkoll rabta qawwija mal-Partit Laburista. Kien President taż-Żgħażagħ Laburisti għaż-Żejtun, President taċ-Ċentru Laburista ġewwa ż-Żejtun u l-mixja tiegħu fil-politika kompliet f’din il-Kamra u f’varji Kabinetti. U allura ovvjament nixtiequ niftakruh f’dan il-lat. Iż-żmien li fih serva ta’ Ministru ma kienx wieħed faċli. Id-diskors tiegħu tal-1966 diġà kien juri li kien jiddejjaq bil-fatt li għalkemm Malta kienet indipendenti, sentejn wara l-Indipendenza kienet għadha tiġi msejħa mini-nation. Naturalment dak li għamel għamlu proprju biex ikabbar is-sens ta’ nazzjon, is-sens ta’ pajjiż. Mhix l-intenzjoni tiegħi f’dan il-mument li nqajjem is-sentiment taż-żmenijiet li serva fihom, kemm tas-snin sebgħin kif ukoll tas-snin tmenin. Ngħid biss li, minkejja kollox, Wistin Abela dejjem mexa bil-kuxjenza tiegħu biex iġib il-pajjiż ’il quddiem.

Kien interessanti wkoll dak li kiteb Dr Toni Abela, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Bil-mod uniku tiegħu, huwa kiteb hekk:

“Wistin kellu ż-żmenijiet sbieħ tiegħu, iżda kellu dawk koroh ukoll. It-tmeninijiet kienu żmenijiet li kiddewh ħafna għaliex kien raġel ta’ kuxjenza nadifa. F’dak iż-żmien ġraw ħwejjeġ li kulħadd seta’ jevitahom u Wistin, bil-mod modest tiegħu u stil kważi axxetiku tiegħu, kien joqgħod isofri fih nnifsu, iberred fejn jista’ mingħajr kemm jista’ jkun ma jweġġa’ lil ħadd.”.

Kulħadd jitgħallem minn dak li ġara. Kulħadd iħares mil-lenti tiegħu, però bħala pajjiż mxejna ’l quddiem. Bla dubju anke Wistin Abela ta l-kontribut uniku tiegħu. Nagħlaq billi f’isem din in-naħa tal-Kamra insellem lil Wistin Abela għal dak kollu li għamel għal dan il-pajjiż. Insellem ukoll lill-familja tiegħu għaliex, kif qal sewwa l-Onor. Vella, il-familja tipparteċipa f’dak li jagħmel Deputat u politiku, u mingħajr il-familja ma nistgħux inkunu hawnhekk. Għaldaqstant noffri l-kondoljanzi tiegħi daparti tal-Oppożizzjoni lill-familja tiegħu li qiegħda magħna llum. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja wkoll tingħaqad mas-sentimenti murija mill-Prim Ministru, mill-Ministru George Vella u mill-Onor. Mario de Marco. Is-Sur Wistin Abela l-ewwel darba li ltqajt miegħu kont żgħir ħafna, kien fl-aħħar tas-snin sittin meta mort ma’ missieri ż-Żejtun biex ikellmu. Niftakar klassi tfal li kien qed jagħtihom il-privat kif irrimarka l-Onor. de Marco. Jien dejjem nafu bħala persuna leali, mhux biss lejn il-familja imma bla biża’ anke lejn il-valuri li kien iħaddan. Naħseb li dan huwa eżempju ħaj ta’ persuna li verament tat servizz, taqbel u ma taqbilx miegħu, fl-interess tal-pajjiż.

Jien jiddispjaċini li ma stajtx inkun preżenti għall-funeral peress li kont qiegħed fuq xogħol barra minn Malta iżda kien hemm preżenti d-Deputy Speaker, l-Onor. Ċensu Galea. Għalhekk jien ukoll nagħti l-kondoljanzi tiegħi u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex, jekk jogħġbu, iwassal l-kondoljanzi espressi minn din il-Kamra lill-familjari tas-Sur Wistin Abela. (Onor. Membri: Hear, hear).

Electoral History

Seventh Legislature (1991 - 1996)
Elected on: 22.02.1992
Oath of Allegiance: 04.04.1992
Left: 23.09.1996