Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Dr Mario Felice

Back to List

Commemoration Booklet

Tifkira ta' Mario Felice fil-Kamra tad-Deputati Parlament ta' Malta

9 ta' Awwissu 1930 - 1 ta' Jannar 2011

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn is-17 ta' Ġunju 1971 u d-9 ta’ Novembru 1981

Mario Felice

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA’ MARIO FELICE FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 3 TAT-TNEJN, 23 TA’ AWWISSU 1971 IT-TIELET LEĠISLATURA


ONOR. MARIO FELICE: Mr Speaker, dan huwa l-maiden speech tiegħi f’din il-Kamra u verament ma nħossnix eċċitat għaliex mdorri nitkellem ħafna, però nħossni onorat għaliex fil-kapaċità tiegħi bħala ċittadin Malti kien l-ewwel darba li kelli l-privileġġ li nindirizza l-Parlament ta’ pajjiżi li jiena tant nirrispetta.

Qabel ma nidħol fil-mertu tad-diskussjoni li għandna dawn il-ġranet, jiena nixtieq nikkongratula l-Onor. Sur Dalli għad-diskors li għamel - jiena ma naqbilx miegħu - però għamel sforz sinċier u ġenwin biex jiddefendi l-politika tal-Gvern tiegħu u għal dan nammirah. Jiena naf personalment lilu u l-papà tiegħu, Alla jaħfirlu, ex-membru ta’ dan il-Parlament u għalhekk jiena għandi l-ikbar rispett personali lejh u agħtuni dritt verament ħalli ngħidlu prosit u nikkongratulah.

Ma jistax jonqos, m’iniex cicero pro domo sua, għaliex ser ikolli niddefendi lil missieri u mhux lili nnifsi. Nispera li, almenu f’din l-ewwel taħdita tiegħi, ikolli l-privileġġ li ma jkollix bżonn niddefendi lili nnifsi. Però huwa xieraq, billi d-diskors, biex ngħid hekk, beda biex isemmi l-aħħar Ministru tal-Finanzi, u li ħalla d-deficit, li ħalla d-dejn, is-slogan tal-Partit li fil-fatt rebaħ l-Elezzjoni kien li għandna Gvern fallut, jien għalhekk nixtieq nagħmel riflessjonijiet u rimarki żgħar fuq dak li ntqal. Bi prudenza assoluta m’iniex ser nipprova jien, taħt iċ-ċirkostanzi tal-mument fejn kulħadd jaf li l-Prim Ministru qed jittratta ma’ diversi pajjiżi barranin biex iġib iktar għajnuna għal Malta - ħaġa li napprezzawha lkoll - nidħol fid-dettalji ta’ kif beda l-iSpeech from the Throne ħalli nara mhux biss humiex veri imma anke humiex veri għaliex huma kif inhuma. Però, ma jistax jonqos li jien ma ngħidx, fost affa¬rijiet oħrajn dawn ir-rimarki. Fost l-oħrajn semmew id-diżastru li wirtu wara l-Gvern Nazzjonalista, id-debitu nazzjonali. Ippermettili, Mr Speaker, għaliex nibża’ li fuq dan il-punt hawn ċerta injoranza. Id-debitu nazzjonali mhux faqar tal-Gvern. Jiena dilettant tal-ekonomija però meta tkun dilettant ta’ suġġett għal ħafna snin u ssir tħobbu, issir tifhem ftit fih. Id-debitu nazzjonali ma kienx ħaġa oħra ħlief mezz intern. U allura wieħed għandu jiddistingwi bejn debitu stranjieri li jisilfuk pajjiżi oħrajn dejjem b'xi strings magħhom u d-debitu li jagħtik il-poplu tiegħek. Aħna għandna l-privileġġ hawn Malta, Mr Speaker, li kien hawn biżżejjed nies li bil-ħidma u bl-attenzjoni tagħhom ġemmgħu l-flus, u meta l-Gvern tagħhom tal-mument - ikun min ikun il-Gvern - talabhom biex jinvestu miegħu għall-ġid u għall-progress tal-ekonomija ta’ pajjiżna, dawn in-nies irrispondew u minflok flushom tawhom lill-pajjiżi u l-Gvernijiet barranin biex iħaddmuhom huma fl-interess ta’ pajjiżi barranin, dawn in-nies bl-iktar mod għaqli u serju investu parti mill-flus li jkunu ġemmgħu għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżhom. Dan ngħidulu dejn? Dan ngħidulu dejn nazzjonali?

Malta hija wieħed mill-ftit pajjiżi li għadha kif ħadet l-Indipendenza li l-poplu tagħha kien fi stat li jista’ hu jgħin u jikkontribwixxi direttament biex jislef u jkabbar l-ekonomija nazzjonali tiegħu. Per eżempju, din mhix ħaġa li jistgħu jagħmlu ħafna u ħafna pajjiżi oħrajn li ħadu l-indipendenza wara l-gwerra. Jien nispera li l-Gvern li tela’ issa - fil-futur u mhux fil-futur bogħod ħafna - jadatta l-istess sistema fl-interess tal-iżvilupp ta’ ekonomija nazzjonali li meta jkun il-każ, meta verament ikollu proġetti li għalihom għandu bżonn il-flus, dawn il-flus, l-ewwel li jfittixhom f’pajjiżu u mhux f’sorsi barranin. U l-poplu dejjem jirrispondi meta bis-serjetà tgħidlu għalfejn tridhom. Dik hija l-veru indipendenza politika. Dik hija l-veru indipendenza ekonomika u mhux li tmur tibki u tesplora min minnhom ser jagħtik, x’ser jagħtik, meta ser jagħtik u liema kondizzjonijiet ser jagħmillek biex jagħtihomlok. Jiġifieri billi l-Gvern tagħna għandu debitu nazzjonali meta tipparagunah mal-pajjiżi sinjuri - għax kif għidt huma l-pajjiżi sinjuri biss li għandhom debitu nazzjonali li ħaduhom minn djun interni u mhux minn gvernijiet stranjieri - meta tipparagunah, per eżempju ma’ tal-Amerka, l-iktar pajjiż sinjur fid-dinja, jiġi li aħna għandna wieħed minn sitta per kapita. Fejn hi din il-kriżi tad-debitu nazzjonali? Anzi, nispera f’ġieħ l-iżvilupp sinċier u serju tal-ekonomija ta’ pajjiżna, li kwalunkwe Gvern li jkollna fil-futur meta verament ikollu proġett li għandu bżonn jirreżja kapital l-ewwel li jipprova jirreżjah huwa man-nies tiegħu maċ-ċittadini tiegħu, mal-Maltin. Meta Gvern jagħmel dan ikun qed iġib iktar stabbilità f’pajjiżu għax meta minflok elf għandek mitt elf ruħ li għandu investiment dirett f’pajjiżu dan għandu x’jgħożż għax għandu veru parti mir-riskju ekonomiku politiku. Barra minn dan, tkun orgoljuża li l-iżvilupp qed tagħmlu int stess. U din żgur ma nistgħux ngħidulha, hi x’inhi, xi forma ta’ indipendenza fuq sovvenzjonijiet u għajnuni effimeri, jew kondizzjonati ta’ gvernijiet oħrajn.

Jien inħoss li l-akkuża ma kenitx sinċiera, sakemm ma kenitx ġejja minn injoranza li l-Gvern huwa mdejjen f’dan is-sens. Anzi, jien kburi li l-Gvern Nazzjonalista beda għall-ewwel darba jikkrea opportunitajiet għaċ-ċittadini Maltin, li għall-ewwel darba minflok jixtruhom Defence Bonds tal-Gvern Ingliż, jew ta’ xi Gvern ieħor, jinvestuhom f’pajjiżhom. X’hemm ħażin f’dan? Din, anzi, hija ħaġa tajba ħafna, u iktar hija tajba meta tikkonsidra r-ratio, il-proporzjon li qiegħed mal-Gross National Product. Dan dejjem nieżel. Jiġifieri fejn hu l-faqar? Mhux biss, imma meta tikkonsidra fuq ir-rapport tas-Central Bank, li almenu sal-lum kienet istituzzjoni verament imparzjali u obbjettiva, meta tara li r-riżorsi esteri biex nagħmlu tajjeb għal-Lira Maltija huma bbundanti, huma ħafna iktar għoljin mil- limitu li timponi l-istess liġi tas-Central Bank, fejn hi l-Lira Maltija qiegħda ħażina? Fejn hu dan id-dejn li kolpixxa l-ekonomija nazzjonali b’mod li umiljana quddiem il-barranin? Anzi, aħna għandna munita li hija bbakkjata b’riżorsi stranjieri mill-iktar mod formidabbli. Veru li l-Gvern wiret problemi, però din hija ħajja normali ta’ kwalunkwe Gvern. Alla ħares ma jkunx hemm problemi, għax inkella m’hemmx ħajja. Il-ħajja fiha nfisha tiġġenera problemi li b’sinċerità u b’għaqal wieħed jipprova jsolvihom. Però li l-Gvern jibda bl-iSpeech from the Throne, u din tkompliet anki llum, li jakkuża u jsemmi d-debitu nazzjonali, jien jidhirli illi dan id-debitu nazzjonali ħadd ma għandu għalfejn jistħi bih, għax din hija l-iktar ħaġa normali. U nirrepeti, biex ikun iktar ċar u enfatiku fuq dan il-punt, li huma proprju l-gvernijiet biss sinjuri, il-gvernijiet biss li għandhom x’jagħmlu tajjeb, li għandhom debiti nazzjonali, li huma djun, li huma ġabru internament u mhux minn pajjiżi stranjieri. Għax id-distinzjoni bejn dejn li tiġbor mingħand il-poplu tiegħek, bejn investiment dirett tal-poplu tiegħek, u dejn ma’ gvern stranjier, jien jidhirli li din id-differenza hija fondamentali u jekk ma tagħmilhiex, jew m’intix qed tifhem x’inhi n-natura ta’ dejn pubbliku, jew qiegħed tisposta u tisnatura l-istess natura verament ekonomika tiegħu.

It-tieni punt huwa illi dan id-dejn mhux biss bl-ebda mod fil-balance of payments ma affettwa l-valur u l-integrità tal-munita tagħna, anzi qatt ma kien hawn żmien meta l-Lira Maltija fis-swieq internazzjonali, bil-backing li għandha skond il-liġi tas-Central Bank, ma kienet qawwija daqshekk. Jiġifieri dan id-dejn jien ma nsibux.

Riflessjoni oħra dwar id-dejn, li toħroġ anki from the Speech of the Throne hija din. Jekk il-Gvern preżenti ser jagħmel xi proġetti jew ikompli bis-sistema tal-Gvern l-ieħor li jgħin il-proġetti tiegħu, jew b’għajnuna minn barra jew b’dejn lokali, u la waħda u lanqas l-oħra ma ried jagħmel, allura bil¬fors tipprevedi minn qabel li ser ikollok deficit. Jiena m’iniex qed nesiġi u lanqas irrid li jkolli spjegazzjoni għar-raġuni li għidt meta bdejt, għal issa ma nitlobx din l-ispjegazzjoni, din tiġi waħeda, u jien ċert li l-Gvern, malli jkun il-mument opportun, jispjega kif u għaliex huwa wasal għal dawk iċ-ċifri. Jiena sempliċement irrid niddefendi l-operat tal-Gvern preċedenti fejn meta ġie akkużat li għamel dejn, meta ġie akkużat li b’xi mod jew ieħor dan id-dejn fixkel il-valur tal-Lira Maltija, din mhix kwestjoni ta’ opinjoni fejn nistgħu ma naqblux u delikat ferm li kull Ministru tal-Finanzi jsib ruħu fih meta l-munita ta’ pajjiżu, bla ebda tort tiegħu xejn, tkun qiegħda tiġi bilfors attakkata u influwenzata minn kriżijiet verament kbar internazzjonali li għalihom pajjiżna ma għandu ebda kontroll u ma jista’ jkollu assolutament ebda kontroll.

Jien nixtieq li fil-maiden speech tiegħi anke jkolli l-privileġġ u l-unur li nitkellem mhux b’mod partiġġjan, nerġa’ ngħid, ma kelli ebda intenzjoni li nagħmel diskors favur jew kontra, hawn suġġetti li nippretendi li niddeletta u nifhem ftit fihom u għalhekk inħoss id-dover tiegħi, una volta li l-poplu tellgħani, li bl-iktar mod onest nagħti l-kontribut tiegħi fuq¬hom.

Wieħed mis-suġġetti illi jien nippretendi umilment illi naf xi ħaġa żgħira fuqu joħroġ direttament mill-kumment li għamel il-Gvernatur Ġenerali waqt li kien qed jaqra l-iSpeech from the Throne fejn qal hekk:

"Il-Gvern Ingliż għoġbu wkoll li jara kemm il-pajjiżi l-oħra tan-NATO lesti biex jikkontribwixxu għal kera xierqa ta’ dawn il-faċilitajiet. In-negozjati għadhom sejrin.".

Qabel xejn, fi premessa, jien nawgura sinċerament bħala Malti, mhux bħala Membru tal-Oppożizzjoni, li l-Prim Ministru jsib xortih u bil-għaqal u l-ħidma tiegħu, nispera verament għall-ġid ikbar ta’ Malta li dawn in-negozjati jispiċċaw b’wiċċ il-ġid.

X’inhuma l-argumenti li joħorġu minn dan il-kumment li għamel il-Gvernatur Ġenerali waqt li kien qed jaqra l-iSpeech from the Throne? L-ewwelnett biex ma niġix akkużat b’riflessjonijiet anakronistiċi u li llum huma superati mill-eventi immedjatament li dħalna f’din il-Kamra, wara li smajna l-iSpeech from the Throne, aħna sibna lill-Onor. Prim Ministru jgħidilna li huwa jixtieq jippreżenta lill-Kamra bi statement - ħaġa li aħna naturalment konna kuntenti ngħidulu jagħmilha - u ppreżentalna statement li verament ma qabilx ma’ dak li kien għadu kif qal l-Eċċelenza Tiegħu l-Gvernatur proprju ftit minuti qabel, għax verament in-negozjati għadhom sejrin. Però l-Prim Ministru, għar-raġunijiet li hu jafhom aħjar minni u għalhekk jiena nbaxxi rasi fuqhom, għalkemm kien ilu mill-14 ta’ Lulju 1971 li huwa bagħat ittra lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO fejn qallu li mhux intenzjonat - ħaġa li għandu d-dritt li jagħmel - li jkompli jagħti lill-Headquarters tan-NATO f’Malta l-faċilitajiet li kellhom qabel, aħna nsibu li għalkemm kien għadda biex ngħid hekk xahar, din ħadd ma kien jaf biha u sar jaf biha kulħadd biss wara l-iSpeech from the Throne u wara li dħalna f’din il-Kamra.

Nammira lill-Prim Ministru meta qal li din l-informazzjoni l-ewwel ried jagħtiha lill-Parlament, nirringrazzjah li kien tant ġeneruż li ħaġa simili jgħidha fil-Parlament, però jiena, jekk esprimejt ruħi ċar, soġġett għall-korrezzjoni ta’ min għandu iktar esperjenza minni, jesprimi ruħu iktar ċar minni f’iktar okkażjonijiet f’dan il-Parlament. Jiena qed ngħid illi hawnhekk qal ħaġa preċiża ħafna, però mbagħad qal oħra fl-istatement li għamel fil-Parlament li din tissuperaha għax kif ngħidu, event jissupera lill-ieħor. Meta għandek ordni, ordni ta’ żmien, ordni ta’ eventi li ħadu parti fi żmien dan l-istatement jissupera. Nispjega kif. L-ewwelnett, filwaqt li nikkonċedi lill-Prim Ministru li jaf iżjed minni għaliex għamel din il-manuvra, jiddispjaċini ngħid illi ma nħossx li seta’ kien fl-aħjar interess tal-għajnuna li llum huwa, ġustament, qed jitlob mid-diversi pajjiżi tan-NATO biex jikkontribwixxu għall-kera xierqa tal-faċilitajiet li ser ikollhom Malta, illi huwa, fl-14 ta’ Lulju, għar-raġuni li l-Gvern Ingliż - ħażin ħafna, veru ħażin ħafna, kif qal hu - dam biex itih risposta għat-talbiet tiegħu, allura, peress allavolja li dawn id-diskussjonijiet mal-Gvern Ingliż twalu, imma b’mod ġenwin għadhom sejrin, peress li l-Gvern Ingliż allura tawwal dawn il-konversazzjonijiet, dawn in-negozjati, dawn id-diskussjonijiet, il-Prim Ministru qalilna, fl-istatement tiegħu - naħseb li għalkemm qalu bl-Ingliż qed nifhmu ċar bil-Malti – illi l-proviżjonijiet u l-arranġamenti temporanji li għandhom in-NATO, huwa sejjer jitterminahomlhom minnufih, salv arranġamenti ulterjuri tal-metodu kif dan isir. Jiġifieri l-ewwelnett jiena ma nħossx - u umilment ngħid - illi seta’ kien fl-aħjar interess ta’ din l-għajnuna li huwa ġustament qed jipprova jġib għal Malta mid-diversi pajjiżi tan-NATO, li jġib din ir-raġuni. Ir-raġuni naturali jaf hu aħjar minni għaliex ġiebha, u forsi jkollu ċans anke jirrispondi fuqha kif naħseb li jagħmel, għaliex proprju għażel l-okkażjoni għax l-Ingliżi damu biex jagħtuh risposta għalkemm huwa qal li n-negozjati għadhom sejrin ġenwinament ma’ l-Ingliżi, allura huwa jitterminalhom li jibqgħu l-Headquarters Malta. Bl-Ingliż qal:

"This decision does not imply a refusal by the Government of Malta to consider making arrangements with individual members of NATO.".

U hawn dina torbotna proprju bl-iktar mod preċiż ma’ l-istatement li huwa qal fl-iSpeech from the Throne. Dan l-istatement li, per essenza u per natura joħroġ u jorbot ruħu, jiġifieri żgur qiegħed in order ma’ l-istatement li għamel il-Prim Ministru, fih kważi ġġustifika, jew għen, jew għamel apoliġja għall-mod kif il-Gvern ta’ qabel ġie maltrattat min-NATO bħala organizzazzjoni u mhux mid-diversi membri tagħha. Jista’ jkun - ma ngħidx le - li għandu raġun. Jiena ngħid li ħafna affarijiet li ħarġu għall-ewwel darba f’dan l-istatement, jien li nħobb nistudja ħafna l-politika internazzjonali, speċjalment dik tal-Ewropa, ma kontx naf bihom kollha. Però joħroġ fatt wieħed li huwa importanti ferm: li bħala Gvern - kif qal hu għall-ewwel darba uffiċjalment - bħala Gvern Soċjalista Demok¬ratiku Malti, konformi mas-Soċjaliżmu Demokratiku Ewropej, bl-ebda mod il-Prim Ministru - u hawn ma nistax naqbel miegħu - ma qal li għal xi raġuni jew oħra huwa kontra n-NATO. Dan huwa ma qalux. Infatti, tant ma qalux li sab raġuni għax bagħathom. Kieku ma jaqbilx magħhom ma kienx jistħi u ma kienx jibża’ jgħidilhom: "Jien ma naqbilx mal-mod tagħkom; ma naqbilx mal-mod kif intom qegħdin tiddefendu lill-Ewropa kontra r-Russja; ma naqbilx mal-mod kif minħabba din id-difiża li intom tagħmlu lill-Ewropa, l-Ewropa żviluppat ruħha, allura intom morruli ‘l barra minn Malta". Din ħaġa li kellu d-dritt jagħmilha - jien ma kontx naqbel miegħu - però hu ma għamilhiex. Allura, konformi mal-politika u mad-dottrina proprja komuni fl-Ewropa kollha tal-partiti Soċjalisti Demokratiċi kollha, hu ma qal xejn kontra n-NATO. U din naturali, ma jistax jgħidha. U l-Gvern Ġermaniż tal-lum ta’ Willie Brandt, kulħadd jaf li sar famuż bħala Major ta’ Berlin fil-ġlieda tiegħu kontra r-Russja. Dan bħala ħabib antik tal-Perit Mintoff, kif jista’ jkun li l-Perit Mintoff ikun kontra n-NATO. Il-Perit Mintoff daqsna lkoll japprezza l-validità ta’ organizzazzjoni difensiva, ta’ organizzazzjoni li malli tgħidilha: "Oħroġ minn pajjiżi", lanqas tiddiskuti. Kważi anzi nħoss li għaġlet wisq, kważi kien hemm suppervja biex toħroġ din. Però din żgur, indipendentement mill-Warsaw Pact Countries, per eżempju, u dawn prinċipali fosthom hija r-Russja, kif fl-oħrajn hija l-Amerka, ma għamlux hekk fl-Ungerija, ma għamlux hekk fiċ-Ċekoslovakkja, u ma nafx għadx jagħmlu fir-Rumanija. Jiġifieri ċert li l-Partit Soċjalista Demokratiku Malti japprezza intima¬ment b’mod pubbliku l-validità ta’ din l-organizzazzjoni. U hawnhekk jien intih is-support tiegħi u naqbel miegħu. Huwa ma qabilx għar-raġunijiet li ta - li jien umilment ngħid li ma naqbilx magħhom anzi ngħid li ma humiex validi - l-għaliex bagħatha barra minn Malta. Waħda, għax la huwa jaqbel mas-sistema tad-difiża tal-Ewropa, taċ-ċiviltà u tat-tradizzjonijiet demokratiċi u tal-libertà tal-bniedem, ċert li huma ġelużi għalihom daqs kemm aħna aħna, u allura ma kienx hemm raġuni li jgħaġġel daqshekk. In-NATO f’Malta kienet ilha hawn tmintax-il sena. Kellu dritt jibgħatha, però kieku ħalliha, x’kien isir f’Malta? L-ewwelnett, huwa qal li n-NATO qatt ma kienet tat garanzija li sejra tiddefendi lil pajjiżna.

Nikkwota minn artikolu tal-Perit Mintoff. Jiena għandi vizzju naqta’ l-artikoli tal-gazzetti; għandi mijiet id-dar u fosthom sibt dan. U din ngħidha f’ġieħ il-Perit Mintoff u f’ġieħ il-Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa kiteb artikolu fit-Times ta’ Londra - għaliex fil-gazzetti Ingliżi hemm libertà tal-istampa - fl-14 ta’ Frar, 1970 li semmih 'Malta’s relations with NATO - Security in the Mediterranean', fejn huwa qal hekk:

"Even the Government now in Office in Malta" - qed jgħid għal Gvern Nazzjonalista - "could not commit the Island to the role of mind handmaiden of the Western Forces and NATO seems satisfied with the open-ended commitment which presumably binds its members to defend Malta if attacked without in any way implying reciprocity on the part of the Maltese Government.".

Mela filwaqt li verament il-Gvern ta’ qabel ma riedx li jimplika ruħu man-NATO għax in-NATO hija organizzazzjoni ta’ difiża, però għandha l-obbligu u d-dover ta’ ħaġa kolletti¬va, filwaqt li l-Gvern ta’ qabel ma riedx - u din qalha anke l-Perit Mintoff - jiġi implikat fi gwerra, per eżempju internazzjonali, għax xi pajjiż tan-NATO jiġi aggredit. Filwaqt li gawdejna ċerti van¬taġġi li ma niġux implikati fi gwerra mingħajr ma rridu, hu, il-Perit Mintoff stess, ammetta li l-Gvern ta’ qabel dan m’għamlux.

Hawnhekk ma kienx ċar fuq il-fatt meta qal illi n-NATO jista’ jkun illi jidħol biex jiddefendina f’dak il-każ ta’ aggressjoni. Ma rridx nespandi fit-tul u ndejjaq il-Kamra. Kif kulħadd jaf, hemm it-Trattat tad-Difiża mal-Ingilterra li aħna għamilna proprju dakinhar tal-Indipendenza u f’dan it-Trattat hemm liema huma l-forzi armati li jistgħu joqogħdu hawn Malta. Bil-kunsens tal-Gvern Ingliż u tal-Gvern Malti jista’ jkollhom forzi hawn. U dan il-kunsens il-Gvern Malti qabel kien tah; u issa irtirah. Min fejn joħroġ? Jiġifieri jiena ma naħsibx li kienet skoperta kbira ħafna tal-Gvern fejn qal illi n-NATO qatt ma kien iggarantixxa d-difiża ta’ Malta f’każ ta’ aggressjoni. Għax din bħall-affarijiet l-oħrajn, bħal garanziji kollha, they cut both ways. Aħna ma ridniex li nkunu implikati direttament. Jekk, per eżempju, ir-Russja taqla’ kriżi fuq in-Norveġja, aħna f’Malta konna nkunu direttament implikati. Għaliex aħna għandna nkunu direttament implikati? Il-Gvern ta’ qabel dan ma riedux u ma għamlux proprju għal din ir-raġuni. Min-naħa l-oħra n-NATO lanqas kien ikun direttament obbligat li jiddefendi lil Malta f’każ ta’ aggressjoni. L-ewwelnett, liema hi din l-aggressjoni li aħna stajna nimmaġinaw li Malta jkollha? Jien għad irrid insaqsi lil xi ħadd biex igħidli. Meta Malta baqa’ n-NATO mhux biss biex iżomm kontinwità fir-rabta ta’ Malta ma’ l-Ewropa ċivili, demokratika u libera, imma ma’ l-Ewropa tal-Common Market li anke l-Gvern preżenti qed jagħmel trattativi magħha u jgħid li sejjer tajjeb ħafna. Kulħadd jaf il-pajjiżi tal-Common Market, tibda prinċipalment mill-Ġermanja, pajjiż li qed jissemma’ ħafna, pajjiż akkanit favur in-NATO. Biex proprju jżomm dan, mingħajr ma nidħlu f’implikazzjonijiet u f’responsabilitajiet, anzi nieħdu vantaġġi biss - u 'l quddiem ngħid x’inhuma - il-Gvern ta’ qabel, b’għaqal kbir, baqa’ jużufruwixxi minn status quo li ma jorbtux. Tant hu hekk li kif seta’ dan il-Gvern jibgħatu stajna, meta riedna, kieku kien hemm il-Gvern Nazzjonalista, jibgħathom ukoll, għax dawn joħorġu malajr, ħarġu minn kullimkien malajr. Il-Gvern ta’ qabel ried proprju li jżomm rabta ċoff. L-unika ħaġa li l-Gvern ta’ qabel kien għadu ma rnexxielux jagħmel kienet proprju dik li jġib iktar għajnuna għall-użu li għandhom tal-Headquarters f’Malta. L-ewwel niddistingwu li n-NATO f’Malta la għandhom bażi u anqas kmand, imma għandhom Headquarters subordinata għal dak ta’ Napli. Jiġifieri dan ma jagħtih ebda drittijiet territorjali, jew extra-territorjali, qiegħed hawnhekk sempliċement bħala Headquarters ta’ komunikazzjoni, ma jista’ jimplika lil Malta fl-ebda gwerra. L-ewwelnett nistgħu nieħdu vantaġġi diretti għall-flus li jonfqu dawn in-nies u l-ftit nies li jimpjegaw huma kollha Maltin. U t-tieni, iżżomm status li inti verament tifforma parti, mingħajr ma tidħol għall-ebda responsabilità, jew piż, ta’ dik l-Ewropa libera u demokratika li, kif inħoss jien, dan il-Gvern qed jagħmel kulma jista’, prinċipalment bir-relazzjonijiet li jistabbilixxi mal-Ingilterra, membru prominenti u importanti tan-NATO u mal-Ġermanja tal-West, membru ieħor importanti u prominenti tan-NATO. Jiġifieri jien inħoss li din ir-rabta ċoff li kellna man-NATO ma setgħet qatt tinvolvi lil Malta fl-ebda traġedja, fl-ebda kriżi, fl-ebda responsabilità. Kienet biss tagħti status lil Malta fil-politika internazzjonali u fil-politika Ewropea bħala pajjiż ... (Interruzzjonijiet) Jien l-ewwel ħaġa li għidt hija, xtaqt li ma niġix interrott biex ma jkollix għalfejn niddefendi ruħi.

Jien m’iniex spokesman tan-NATO. In-NATO qatt ma tani xejn, jien lin-NATO qatt ma tlabtu xejn u qatt ma kelli bżonnu. L-uniku ħaġa, ħassejt li Malta jista’ jkollha ftit bżonn lin-NATO. Din biss hija r-raġuni li fuqha qed nitkellem. Jien min-NATO qatt ma ħadt xejn - qed nagħmel statement kategoriku - u qatt ma tlabtu xejn.

In-NATO hija parti mill-politika internazzjonali, parti mill-politika estera tal-Ewropa li għalija, bħala Malti, u iktar u iktar issa bħala deputat f’dan il-Parlament, hu obbligu tiegħi li anke issa wara li n-NATO telaq minn Malta - li għalija hija ħaġa inċidentali, la ser nibkiha u lanqas ma jien ser nagħmel xejn, qed sempliċement nikkummenta, nipprova bl-iktar mod obbjettiv u ġust illi, fl-opinjoni tiegħi, forsi għandi żball u ħaddieħor jikkonvinċini li għandi żball, ma kienx fl-ikbar interess, waħda tal-ekonomija ta’ Malta u t-tieni li torbot lil Malta proprju mal-pajjiżi sinjuri Ewropej, mal-pajjiżi tal-Common Market li żżommna iktar lejhom fl-interess ġenerali ta’ pajjiżna. Din ir-raġuni. Jien ma jiena imqabbad biex nitkellem favur ħadd u lanqas kontra ħadd. In-NATO għandi xorti ngħid li hija suġġett importanti ħafna, suġġett li għal 22 sena żamm lill-Ewropa libera. L-Ewropa, wara li sar in-NATO, ma tilfet lanqas pulzier u nerġa’ nirrepeti l-gvernijiet u l-partiti kollha fl-Ewropa, li huma Soċjalisti u Demokratiċi bħal dawk ta’ hemm, kollha jżommu favur in-NATO. Nispera li min għamel din l-osservazzjoni mhux għax hu kontra tal-pajjiżi li hu affiljat magħhom, mhux għax hu kontra l-prinċipji li tiddefendi n-NATO ta’ libertà u ta’ ġustizzja fl-Ewropa, imma proprju biex jagħmel l-osservazzjoni.

Jien għalhekk inħoss, Mr Speaker, illi l-punti saljenti li taw interess lili u li ħarġu mill-iSpeech from the Throne kienu dawn. Però, bħala ħaġa korollari, ħaġa li bilfors tkun anke importanti għall-politika, fl-iSpeech from the Throne huwa semma’ l-metodi differenti u l-priorities ġodda u l-mod kif huwa sejjer jaffronta r-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ barra, ma jistax wieħed jonqos illi ma jgħidx xi ħaġa fuq in-newtra¬lità. Jidher ċar li dan il-Gvern li għandna llum mhux favur in-newtralità. Kieku kien favur in-newtralità, l-ewwelnett ma kienx sejjer, bl-ebda mod, jipprova jgħin l-ekonomija tagħna - ħaġa sewwa li qed jagħmel – b’għajnuna tal-pajjiżi tan-NATO u t-tieni, lanqas kien jipprova jerġa’ bil-forom li jrid hu, meta jrid hu, kif irid hu u jekk irid hu jagħmel xi forma ta’ defence agreement ma’ l-Ingilterra li permess tiegħu l-Ingilterra żżomm istallazzjonijiet jew forzi militari f’Malta. Jiġifieri għal mument, il-kelma, l-għajta, li fl-Ewropa u fid-dinja ta’ llum ma tfisser xejn li proprju tibgħatna qabel l-ewwel gwerra kbira, l-għajta tan-newtralità ġustament il-Gvern Laburista, il-Partit Laburista malli sar Gvern, induna li din mhix attwabbli, induna li din ma tistax issir, f’ġieħ l-interess internazzjonali ta’ Malta u f’ġieħ l-ekonomija ta’ pajjiżna fl-istat li qiegħda fih illum u fl-istat li tkun fih għal ċertu żmien li ġej. Jiġifieri l-ewwel gost kbir tiegħi huwa illi l-Gvern Laburista għamel politika ċara llum, illi huwa mhux newtralista. Min ma jifhimx jaħseb li għax iħares lejn xi pajjiżi oħrajn biex iġib flus għal Malta dan huwa newtrali. M’għandux ikun newtrali. Tista’ tmur tara logħba football u inti ma jinteressakx min jitlef jew min jirbaħ? Immaġina fil-politika internazzjonali li pajjiżek li hu tant għażiż għalik u jieħu parti bilfors integrali. Dwar in-newtrali¬tà ħafna jgħidu għax aħna nixtiequ - jien l-ewwel wieħed - li l-Forzi Russi li ġew fil-Mediterran f’dawn l-aħħar snin, u anke s-Sixth Fleet Amerikana, kollha jmorru mill-Mediterran u jħallu l-Mediterran baħar liberu, baħar ta’ paċi kif jixtiequ jagħmlu l-Labour Party. Jien l-ewwel wieħed nissottoskrivi jekk jagħmlu arbural għal dan. Min hu kontra dan? Jiena favur in-NATO, qed ngħid, però mhux bilfors li jkollhom il-Headquarters hawn. Jiena favur in-NATO bħala Istituzzjoni biex tiddefendi l-Ewropa, iċ-ċiviltà, it-tradizzjonijiet u l-mod ta’ ħajja, l-istandard of living għoli fl-Ewropa. Għalhekk jien favur in-NATO. Jiġifieri jkollhomx il-headquarters hawn jew le, nirrepeti, huwa inċidentali. Però l-punt huwa dan, min jitkellem illum fuq newtralità huwa inkonxju, biex ma ngħidx li huwa proprju irresponsabbli, mhux qed isegwi verament x’inhu jsir fid-dinja. Qegħdin isiru t-taħditiet tas-SALT. Min hu kontra d-disarmament? Ħadd ma hu kontra d-disarmament. Kulħadd jaf li dan huwa dulur u pjaga kbira li ġiet fuq id-dinja llum. Aħna, dan il-Parlament, żgur unanimi favur id-disarmament, naturalment, bil-kondizzjonijiet li dan ikun ġenwien, u mhux bħal dak li għamlet l-Amerka li malli spiċċat il-gwerra hija telqet lejn l-Amerka u r-Russi okkupaw nofs l-Ewropa. Però relattivament għal dan, nikkwota ħabib tagħna, li huwa mhux inqas mill-Foreign Minister tat-Tunisija Mohammed Masmondi, li fis-"Survival" li hija l-gazzetta uffiċjali tal-Institute for Strategic Studies ta’ Londra, rivista awtorevoli ferm, f’Diċembru tal-1970 qal hekk: -

"I cannot really see what miracle could make the two greatest powers in the world agree to abandon a sea in which they have invested so much from the stategic point of view".

Dan qed igħidu Ministru Għarbi mit-Tunisija: 

"... At the present moment and in our lifetime this hypothesis, namely, of making the Mediterranean basin neutral by demanding the evacuation of all foreign fleets that are now there ....."

jiġifieri l-flotta Russa u l-flotta Amerikana

"... seems to me totally unrealistic".

Jiġifieri huwa pjaċir tiegħi, għalkemm kontra qalbi għax nara l-parti l-oħra hija realista u qed tivvaluta verament it-tendenzi u l-problemi internazzjonali bl-iktar mod obbjettiv l-interess ta’ Malta.

Il-problema tan-newtralità huwa problema kbir, huwa problema internazzjonali għax il-pajjiżi kollha jixtiequ li jispiċċaw il-gwerer. Min mhux kontra l-gwerer? Min ma jridx jagħmel Malta ċentru tal-paċi? Dan min qalu? Nixtieq nara min qalu. Kulħadd irid il-paċi. Kulħadd irid fiċ-ċokon tiegħu jikkontribwixxi għal din il-paċi. U proprju kien in-NATO fl-Ewropa li żamm il-paċi fl-Ewropa, u anke forsi fid-dinja. U għalhekk wieħed ma għandux ikun kontra din l-organizzazzjoni. Però, in-newtralità taħt iċ-ċirkostanzi kif inhi llum, taħt l-aggressjoni psikoloġika u organizzata tal-politika imperjalista komunista hija ħaġa li jibżgħu minnha ħafna l-ħbieb tagħna kollha tan-North Africa. U f’din naqbel magħhom. Infatti, ħafna komunisti fil-Libja u fl-Eġittu qegħdin il-ħabs proprju kontra din l-aggressjoni, dan l-espansjoniżmu ġdid. Katerina l-Kbira mietet però illum hemm reġġenti oħrajn, ir-Russja, li huma jridu jokkupaw lid-dinja u jridu jneħħulha l-libertà, ħaġa li żgur il-parti l-oħra tal-Gvern jiġġieled daqsna għaliha. U huwa proprju minħabba f’hekk li n-newtralità għalkemm hija ħaġa li kulħadd jixtieqha però fl-istat attwali tal-bilanċ tal-forzi din mhix attwabbli. U għalhekk huwa gost tagħna li naraw realiżmu kbir għax kulħadd jaf li meta minn Oppożizzjoni u minn partit fil-pjazzez issir Gvern - u dan ngħidu verament bl-ikbar serjetà u b’rispett - bilfors tassumi ċertu responsabilitajiet. Mhux jiġifieri qabel kont tiġbed, mhux jiġifieri qabel ma kontx tgħid il-verità, però, tibda tagħmel bħal ħaddieħor, għaliex inti tibda tinduna li verament hu mod tħares lejn il-problemi min-naħa l-ħażina tal-kwestjoni u mod ikollok problema li trid issolvih. U għalhekk, il-Gvern preżenti ma qal xejn, bl-ebda mod, li huwa kontra l-Alleanza Atlantika bħala Alleanza li qiegħda tiddefendi l-libertà u ċ-ċiviltà Ewropea. Din ħarġet ċara from the Speech from the Throne. Mhux biss ma ssemmiet ebda forma ta’ newtralità anzi, hemm in-negozjati li hu għandu mal-Gvern Ingliż, mal-Gvern Tedesk u anke mal-gvernijiet oħrajn. Jiena nawguralu bl-ikbar sinċerità, għall-ġid tal-poplu Malti, li dawn in-negozjati jispiċċaw mill-aktar fis għax fl-intervall Malta għaddejja minn kriżi ta’ sospensjoni u ta’ ansjetà, nawguralu mill-aktar fis li jsolvihom fl-akbar interess tal-poplu Malti u ta’ Malta.

Naturalment dan ikollna ċans niddiskutuh u naraw min jaqbel u min ma jaqbilx. Però fl-intervall ma nistax ngħid li ma napprezzax, minn dak li naqra u minn dak il-ftit li naf, illi l-Gvern illi hemm illum, almenu bilfors inħossni, bħala Malti, li rrid nikkritikah b’buona fede u b’lealtà lejn pajjiżu, żgur, fil-mod tiegħu qed jagħmel mill-aħjar li jista’. Nistgħu aħna ma naqblux miegħu, jista’ jkun li dan mhux l-aħjar mod, però nikkritikah bil-buona fede billi ngħid li huwa żgur, kif jara l-kwestjoni hu, kif iħares lejhom hu, huwa qed jittakkiljahom bl-aħjar mod fl-interess kif jara hu tal-poplu Malti. U iktar u iktar naqbel ma’ dan meta nara illi huwa ma kkundanna bl-ebda mod in-NATO, imma kienet mossa teknika biss li huwa bagħat in-NATO barra minn Malta, li jien ma naqbilx magħha. U anke naraha ċara fit-trattattiva li hemm għax huwa qal li jagħtiha prijorità li jerġa’ jorbot lil Malta – għandu jkun f’xi speech qal – anke għal għoxrin sena, mal-Ingilterra. Dan ma hemm xejn ħażin fih. Aħna ma għandna xejn kontra l-Ingliżi, sakemm iħallsu.

Il-Gvern Nazzjonalista kien l-ewwel Gvern - qabel ma twelidt jien - li kien jiġġieled biex jieħu l-libertà mingħand l-Ingilterra u iktar flus. Infatti, aħna konna niċċelebraw, Mr Speaker, is-Sette Giungo u huma kienu jiċċelebraw l-Empire Day. Il-Gvern Nazzjonalista kien dejjem jiġġieled għad-drittijiet ta’ pajjiżu. L-Indipendenza ġabha hu u issa qed tgawdiha anke l-parti l-oħra.

Jiena nawgura u nispera li l-parti l-oħra tagħmel użu tajjeb, fl-interess tal-poplu, kif jiena ċert li hi tipprova tagħmel, minn din l-Indipendenza, minn dan l-istrument kbir, strument ta’ forza kbira, però strument ta’ periklu kbir jekk inti ma tużahx tajjeb, fl-ikbar interess tal-poplu Malti. Jien għalhekk filwaqt li għandi bilfors sens ta’ kritika kostruttiva u objettiva ta’ diversi affarijiet li ntqalu fl-iSpeech from the Throne, però hemm konfort li fl-iSpeech from the Throne hemm illi ċerti alleanzi, ċerti lealtajiet tradizzjonali li għandu jkollha Malta lejn l-Ewropa, lejn l-Ewropa libera u demokratika, lejn l-Ewropa li hija kontra l-aggressjoni u l-imperjaliżmu Russu - u ċert li l-Partit Soċjalist Malti daqsna huwa kontra din il-forma ta’ imperjaliżmu Russu - ser jinżamm.

Jiena ċert għalhekk illi hemm skop, hemm lok li jkollna okkażjonijiet meta verament dan il-Parlament, fuq kwestjonijiet verament nazzjonali, jista’ jingħaqad id f’id u f’din allura wieħed jipprova jevita l-personalitajiet. Dan billi lili tgħidli li għandi n-nuċċali jiena ngħidlek li int bla nuċċali, jiġifieri b’hekk m’aħna ser nieħdu xejn. Jiġu okkażjonijiet meta ż-żewġ partiti, meta ż-żewġ naħat tal-Kamra, fl-interess ta’ Malta, fl-interess tal-ekonomija, ikollhom iċ-ċans, l-opportunità, id-dritt u l-obbligu li jagħtu l-kontribut tagħhom kif jiena, bl-iktar mod umli u żgħir, ippruvajt nagħmel għall-ewwel darba llum. Jien ċert li jekk il-Gvern isejħilna, jagħtina l-opportunità u jagħtina l-okkażjoni biex aħna wkoll, mhux biex nuru kemm nafu, imma biex nagħtu l-opinjoni tagħna fl-interess ta’ soluzzjoni ta’ problema Maltija. Jiena ċert, Mr Speaker, li mhux jien biss, imma l-Membri kollha tal-Oppożizzjoni għal darba oħra jkollhom iċ-ċans li bil-parir tagħhom, bl-opinjoni tagħhom, bl-inizjattiva tagħhom jgħinu mill-aħjar li jistgħu biex il-Gvern isolvi l-problemi kbar li Malta għaddejja minnhom, verament fl-ikbar interess ta’ Malta li verament, mhux għalihom biss, imma għalina wkoll, Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox. Grazzi, Mr Speaker, (Onor. Membri: Hear, hear)

Condolences (1 Jan 2011)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 301 tal-Ħdax-il Leġislatura tat-Tnejn 17 ta' Jannar 2011

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin): Sur President, proprju fil-bidu tas-sena tħabbret il-mewt ta’ Mario Felice li ġej minn familja li kienet fil-politika wkoll. Missieru, li kien ministru fil-Kabinett Nazzjonalista ta’ Ġorġ Borg Olivier, kien ilu deputat għal ħafna snin u meta spiċċa missieru fl-1971 u l-Partit Nazzjonalista mar fl-oppożizzjoni, iben Giovanni Felice, jiġifieri Mario Felice, laħaq deputat. Ilkoll kemm aħna – għall-inqas ħafna minna – niftakruh sew. Tant kien bravu u intelliġenti li kien jaħseb aktar malajr milli jitkellem u allura kellu opinjoni fuq kollox u kien jiddomina fi kwalunkwe dibattitu. Fil-fatt fid-diskors li tqassam tal-maiden speech tiegħu li sar fl-1971 dan jammettih hu stess għax beda d-diskors tiegħu hekk:

“Sur President, dan huwa l-maiden speech tiegħi f’din il-Kamra u verament ma nħossnix eċitat għax imdorri nitkellem ħafna.”.

Mario Felice kien oratur. Jien niftakru fil-meetings tal-elezzjoni tal-1976 u f’wieħed partikolari ġewwa Ħaż-Żebbuġ, meta kelli 19-il sena, niftakru jsaħħar il-folla bl-intelliġenza tiegħu u bil-mod kif kien jispjega affarijiet diffiċli b’mod sempliċi. Xi kultant aħna l-politiċi naqgħu fi żball oppost, imma hu kellu l-kwalità li jispjega affarijiet li jidhru kkumplikati b’mod kemm jista’ jkun sempliċi. Għamel 10 snin deputat, kien shadow minister tal-finanzi u kien jagħti kontribut kbir fid-dibattiti li għandhom x’jaqsmu mal-finanzi f’dan il-parlament. Kif qal fil-maiden speech tiegħu, u kif anke kien hemm fir-rapporti li dehru fil-gazzetti meta tħabbret il-mewt tiegħu, huwa kien sostenitur kbir tan-North Atlantic Treaty Organisation (NATO) u ma kienx jiddejjaq jgħid dan. Fil-fatt kien President tal-Malta Branch li għandha x’taqsam man-NATO u kien jagħti r-raġunijiet għaliex huwa sostenitur kbir ta’ din l-alleanza militari.

Kien ukoll l-ewwel Malti membru tal-International Institute of Strategic Studies f’Londra, jiġifieri kien magħruf mhux biss f’Malta imma anke barra minn Malta. Meta ma baqax f’dan il-parlament dejjem offra s-servizzi tiegħu – kien min kien fil-gvern u kienet x’kienet l-amministrazzjoni – sabiex dak li jaf, jużah għall-ġid tal-pajjiż. Fil-fatt meta twaqqfu l-ewwel istituzzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-servizzi finanzjarji kien chairman tal-Malta International Business Authority, imbagħad chairman tal-Malta Financial Services Centre sal-1995 kif ukoll chairman tal-Kumitat fuq il-Prodotti Finanzjarji u Strutturi li għandhom x’jaqsmu mas-Servizzi. Għalhekk nixtieq li, filwaqt li anke jien nesprimi l-kondoljanzi lill-membri tal-familja tiegħu, nitlob lis-Sedja sabiex tordna lill-iSkrivan tal-Kamra tibgħat il-kondoljanzi ta’ din il-Kamra lill-membri tal-familja tiegħu.

MR SPEAKER (Onoe. Michael Frendo): Grazzi. L-Onor. Farrugia.

ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, għalkemm ma kontx fil-parlament meta kien deputat hu, jiena kelli x-xorti li niltaqa’ mal-mibki Mario Felice. Kien bniedem li kien ifittxek hu jekk ried ikellmek u kien iżommok meta jkellmek fuq kwalunkwe ħaġa li jkun qed jitkellem fuqha. Kont tħoss li dak li qed jgħid qed jgħidu b’ċerta onestà għax kien jemmen f’dak li qed jagħmel. Din tħossha anke mill-maiden speech tiegħu. Fil-fatt il-maiden speech tiegħu huwa wieħed twil u hemmhekk tinduna kemm kien jitkellem b’mod mgħaġġel u rapidu kif qal il-Ministru Tonio Borg. Jien informat li meta kien jitkellem hawnhekk fis-snin sebgħin, dak iż-żmien kien hemm min bix-shorthand ma jlaħħaqx ma’ dak li jkun qed jgħid. Però xi ħaġa li tolqtok fih kienet li kien joqgħod lura milli jkun partiġġjan fi kliemu u dan kien jgħidu huwa stess. Fil-fatt anke fil-maiden speech tiegħu kien qal hekk:

“Jien nixtieq li fil-maiden speech tiegħi jkolli l-privileġġ u l-unur li nitkellem mhux b’mod partiġġjan u nipprova nżomm dan għax jiena nemmen...”.

U hawnhekk joħroġ il-karattru tiegħu.

Jien minn hawnhekk insellimlu waqt li niftakar li fl-1998, meta konna fil-gvern u kellna l-problema interna fil-Partit Laburista, kien offra s-servizzi tiegħu biex jagħti dak li jista’ fl-interess nazzjonali. Minn hawnhekk nieħu l-okkażjoni sabiex insellimlu u nagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu. Nirringrazzjak, Sur President. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja wkoll tingħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra dwar il-kummenti li saru. Mario Felice kien ukoll wieħed mill-politiċi ewlenin fl-istorja politika Maltija u li ta wkoll kontribut qawwi mhux biss lil dan il-parlament imma wkoll lill-pajjiżna. Għalhekk xieraq li nitlob lill-iSkrivan tal-Kamra sabiex twassal dawn is-sentimenti lill-familjari u lill-qraba tiegħu.

Electoral History

Third Legislature (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 17.06.1971
Oath of Allegiance: 16.08.1971
Dissolution of Parliament: 13.08.1976
Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 25.09.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981