Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Karl Gouder

Back to List
Karl Gouder  

Commemoration Booklet

 

Tifkira ta'

Karl Gouder

fil‑Kamra tad‑Deputati

Parlament ta’ Malta

 

15 ta’ Mejju 1979 – 10 ta’ Settembru 2024

 

Membru tal‑Kamra tad‑Deputati

 

29 ta’ April 2010 - 7 ta’ Jannar 2013

6 ta’ April 2016 - 20 ta’ Frar 2022

 

Karl Gouder


Ġurament ta’ Lealtà

 

 


L‑Ewwel Diskors tal‑Eks Deputat Parlamentari

Karl Gouder

fil‑Kamra tad‑Deputati

 

 

ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 225 

It-Tnejn, 24 ta’ Mejju 2010

 

Il‑ĦDAX-IL LEĠIŻLATURA

 

AĠĠORNAMENT

 

L‑ISPEAKER (Onor. Michael Frendo):  Grazzi. Aktar rimarki? L‑Onor. Karl Gouder.  Peress li dan huwa l‑ewwel diskors tiegħek f’dan il‑parlament, nawguralek kif inhu dovut. 

 

ONOR. KARL GOUDER: Grazzi, Sur President. L‑ewwel nett nitolbok tippermettili biex fl‑ewwel diskors li qed nagħmel f’din il‑Kamra nirringrazzja lil sħabi l‑membri taż‑żewġ naħat tal‑Kamra, li b’mod unanimu aċċettaw il‑co-option tiegħi f’dan il‑Kamra. Inħoss li għalkemm hu ta’ privileġġ kbir li tkun membru f’dan il‑parlament, aktar minn privileġġ, iżda, dan jirrikjedi ħafna xogħol u ħafna responsabbiltà. Aħna qegħdin hawn ġew biex nieħdu deċiżjonijiet li fl‑aħħar mill‑aħħar se jaffettwaw il‑ħajja ta’ kull Malti u Għawdxi.

 

Ippermettili nifraħ lilek ukoll, Sur President, għaliex ftit minuti wara li jien ġejt co-opted f’dan il‑parlament, inti wkoll inħtart bħala Speaker ta’ din il‑Kamra. Kif diġà urejt f’dawn l‑erba’ ġimgħat li assolutament ma kenux faċli għalik, int ukoll bħal dawk ta’ qablek, se tkun persuna denja ta’ din ir‑responsabbiltà kbira li l‑pajjiż afdalek terfa’ fuq spallejk. Minn hawn nifraħlek u nawguralek ħafna xogħol fejjiedi biex ilkoll kemm aħna naraw parlament b’membri denji tax-xogħol u r‑responsabbiltà tagħna fl‑ogħla istituzzjoni tal‑pajjiż.

 

Jien dħalt f’dan il‑parlament biex nimla s‑siġġu battal tiegħek. Kif għedtlek dakinhar tal‑ġurament u nerġa’ ngħidlek illum, jien inħoss fuqi mhux biss ir‑responsabbiltà li ngħatat lili bħala membru ta’ din il‑Kamra, iżda aktar minn hekk ir‑responsabbiltà kbira li għandi biex nimla l‑vojt kbir li inti ħallejt fuq din in-naħa tal‑Kamra. Għandi żarbun kbir x’nimla. L‑esperjenza tas‑snin twal tiegħek isservi f’din il‑Kamra, b’responsabbiltajiet differenti kemm bħala backbencher, kemm mis‑siġġijiet tal‑oppożizzjoni, kemm bħala segretarju parlamentari u bħala ministru, żgur se jfissru li jien għandi ħafna x’nitgħallem sakemm nibda nipprova nikkontribwixxi kif kont tagħmel int.  Li nwiegħed lilek partikolarment u lil sħabi membri taż‑żewġ naħat tal‑Kamra hu li jien se nġib miegħi enerġija żagħżugħa, enerġija li hi għatxana li titgħallem ħafna u titgħallem malajr, enerġija li biha jien ukoll inkun nista’ nagħti l‑kontribut tiegħi fid‑deċiżjonijiet li jaffettwaw il‑ħajja tal‑Maltin u l‑Għawdxin kollha.

 

Sur President, jiena dejjem emmint li l‑politika hija l‑aktar għodda b’saħħitha li għandu l‑bniedem u li jista’ jużaha sabiex itejjeb il‑ħajja tan-nies ta’ madwaru. Illum din l‑għodda ngħatat lili wkoll u nassigurak li se nużaha bl‑aħjar mod possibbli, kif nifhem li huwa sewwa skont il‑kuxjenza tiegħi sabiex verament inkun kapaċi nagħti kontribut biex il‑ħajja tagħna lkoll tibqa’ timxi ’l quddiem. Meta ftit tas‑snin ilu bdejt naħseb bejni u bejn ruħi b’ċerta serjetà għandix niddedika parti minn ħajti għall‑politika jew le, u b’mod partikolari fil‑ġimgħat li għaddew hekk kif ġejt co-opted f’din il‑Kamra, qgħadt naħseb ftit u staqsejt lili nnifsi:  Xi tfisser għalija l‑politika u x’kontribut nista’ nagħti fiha?

 

Jien verament nemmen li l‑politika hija l‑aktar għodda b’saħħitha, li aħna lkoll nistgħu nużaw sabiex intejbu l‑ħajja tan-nies ta’ madwarna. Hija għodda b’saħħitha ħafna li bħal sikkina taqta’ miż‑żewġ naħat u jekk ma tkunx f’idejn nies li verament jafu jużawha tajjeb, allura dan jista’ jkollu effett ikrah ħafna fuq is‑soċjetà tagħna.  Nifhem li l‑ewwel u qabel kollox il‑politika hija responsabbiltà, hija għodda tant b’saħħitha li jekk ma tagħrafx tużaha sew jista’ jkollha effetti negattivi ħafna kemm fuqek kif ukoll fuq dawk ta’ madwarek. Allura r‑rispett lejn il‑politika u l‑għarfien ta’ kif tużaha għall‑ġid żgur li se jkunu kruċjali fil‑mixja tiegħi f’din il‑missjoni.  Ma nistax nitkellem fuq dan u ma nitkellimx fuq l‑importanza li nħarsu lejn il‑politika bħala servizz. 

 

Sur President, żewġ politiċi lokali li ħallew effett kbir u li ppruvajt nitgħallem ħafna minnhom bħala żagħżugħ huma l‑President Emeritu Eddie Fenech Adami u l‑President Emeritu Guido de Marco. Dr Eddie Fenech Adami dejjem jibqa’ mfakkar għal ħafna affarijiet iżda b’mod partikolari għall‑fatt li hu dejjem ra l‑politika bħala servizz. Il‑kliem li kien ilissen kemm-il darba kienu  “Nixtieq inservi” u allura l‑politika trid tkun ta’ servizz għal dawk ta’ madwarek. Forsi din il‑filosofija, li l‑politika hija servizz, kienet dejjem tattirani minħabba l‑fatt li meta jien kont żgħir imrobbi fil‑Kulleġġ San Alwiġi, l‑għan prinċipali tal‑Ġiżwiti dejjem kien li jiffurmawna bħala persuni għall‑oħrajn.  U hija dik il‑forma ta’ edukazzjoni li jien ħadt, fejn għaraft li fil‑ħajja m’hemmx isbaħ milli tkun ta’ servizz għal dawk ta’ madwarek. Xejn ma jagħtik sodisfazzjon aktar milli tara lil xi ħadd fil‑bżonn u int tkun tista’ tagħmel xi ħaġa biex lil dik il‑persuna tgħinha. Irridu nifhmu li fil‑ħajja kulħadd għandu t-tajjeb u l‑ħażin tiegħu u kulħadd qed iġorr xi forma ta’ salib u problema, allura sta għalina li l‑ewwel u qabel kollox noffru ruħna sabiex inħaffu t-toqol tas‑salib ta’ dawk ta’ madwarna, kemm dawk li għandna grazzja magħhom kif ukoll forsi dawk li għandna inqas grazzja magħhom. Intenni li nixtieq li fil‑mixja politika tiegħi nħares lejn il‑politika bħala servizz.

 

Semmejt u sellimt qabel lil Prof. Guido de Marco, persuna oħra ġgant fil‑politika Maltija u barranija li kienet tħares lejn il‑politika kważi mill‑istess angolu. Niftakar li madwar 15-il sena ilu kont iltqajt miegħu għall‑ewwel darba meta kien għadu jokkupa l‑kariga ta’ Viċi Prim Ministru u b’xi mod sar jaf li jien kont interessat fil‑politika.  Prof. de Marco kien dejjem jgħid illi li tagħżel li tkun avukat, tabib, accountant jew inġinier, hija professjoni, li tagħżel li tkun qassis hija vokazzjoni, iżda li tagħżel li tkun politiku hija missjoni. Dawn huma kliem li jien qatt ma se ninsa u allura jien ukoll irrid inħares lejn il‑politika bħala missjoni li ġiet fdata lili u li rrid naqdi b’intelliġenza, umiltà u enerġija.

 

Sur President, qed ngħixu fi żmien interessanti ħafna. Qed ngħixu fi żmien fejn qed naraw il‑bidla bejn il‑ġenerazzjonijiet, qed naraw pajjiż li qed jinfetaħ aktar għal kulħadd, qed naraw bidla minn ġenerazzjoni li ħejjiet it-triq għall‑ġenerazzjoni ta’ wara, minn sptar antik għal sptar state of the art, li lestiet il‑ġenerazzjoni t’issa għall‑ġenerazzjoni l‑ġdida, minn tarzna b’orjentament politiku għal tarzna b’orjentament ekonomiku u minn ekonomija tat-tessuti għal ekonomija li toffri valur miżjud aktar għoli. Għexna ġenerazzjoni li qed tħejji pajjiż għal dak li jmiss u issa rrid inkun jien li nagħti l‑kontribut tiegħi f’din il‑ġenerazzjoni l‑ġdida. Qed ngħixu żmenijiet ta’ bidla interessanti ħafna u jien ukoll irrid nagħti l‑kontribut għal din il‑bidla.

 

Sur President, ippermettili naqsam miegħek ftit ideat ta’ kif inħares lejn is‑soċjetà Maltija u x’naħseb li għandna nagħmlu sabiex din is‑soċjetà tagħna tkompli timxi ’l quddiem, tkompli tiżviluppa b’mod u manjiera li kull membru ta’ din is‑soċjetà jħoss li l‑kwalità tal‑ħajja tiegħu qiegħda l‑ħin kollu titjieb. M’hemmx dubju li fi kwalunkwe soċjetà, tagħna mhux eskluża, ix-xogħol u allura l‑ekonomija huma l‑bażi ta’ kollox. Nistgħu nitkellmu fuq kull ħaġa li nistgħu u għandna nagħmlu, iżda jekk m’għandniex ekonomija b’saħħitha nistgħu nitkellmu kemm irridu għax żgur ma nkunu kapaċi nagħmlu xejn. Irridu nkomplu naħdmu sabiex ikollna ekonomija miftuħa li tikkompeti mal‑bqija tad‑dinja. Irridu nagħmlu l‑almu kollu tagħna sabiex inkomplu niżviluppaw pajjiż li jattira l‑investiment barrani, investiment li joffri valur miżjud u allura li jagħti return tajjeb lill‑investituri sabiex dawn ikomplu jżidu l‑investiment tagħhom f’pajjiżna. Ħadd ma jinvesti f’Malta għax jarana ħelwin għax aħna żgħar.  Min jinvesti f’pajjiżna, jinvesti għax jifhem li jista’ jieħu return akbar fuq l‑investiment tiegħu f’Malta milli jekk jinvesti f’pajjiżi oħrajn. Allura hemm bżonn li ninvestu kemm nifilħu fl‑infrastruttura ekonomika. Hemm bżonn li ninvestu fl‑era diġitali, hemm bżonn li ninvestu fin-nies tagħna u b’mod partikolari nikkreaw ambjent ta’ imprenditorija, fejn il‑Maltin u l‑Għawdxin kollha jkollhom il‑fakultà li jiftħu l‑kumpaniji tagħhom, li jinvestu flushom u allura huma wkoll jikkreaw aktar postijiet tax-xogħol. Ix-xogħol għas‑soċjetà tagħna huwa bħal ġebla tax-xewka li fuqha mbagħad nibnu l‑bqija tal‑politika tagħna.

 

Wara x-xogħol, fuq naħa jew oħra ta’ din il‑ġebla tax-xewka, insibu ż‑żewġ oqsma li huma ferm u ferm importanti għas‑soċjetà tagħna. Qed nirriferi għall‑edukazzjoni u għas‑saħħa u nibda billi nitkellem fuq is‑suġġett li hu wisq għal qalbi, l‑edukazzjoni. 

 

Meta tħares madwarek u toqgħod taħseb ftit fuq dan il‑pajjiż li m’għandu l‑ebda riżorsi minerali, pajjiż żgħir, blata żgħira f’nofs il‑Mediterran, kważi kważi ġebla, u tara l‑mod kif ngħixu, tinduna li dan il‑pajjiż huwa pajjiż miraklu. Kull wieħed u waħda mill‑400,000 persuna li jiffurmaw lil pajjiżna, dejjem fehmu li biex naslu rridu naħdmu u naħdmu ħafna peress li l‑uniku riżors li għandna huwa dak uman.  Allura m’hemmx dubju li rridu noħorġu l‑aħjar minn kull persuna u biex nagħmlu hekk irid ikollna sistema edukattiva li tara li kull bniedem ikun kapaċi jiżviluppa skont l‑aħjar abilitajiet tiegħu. Hemm bżonn li l‑edukazzjoni tibqa’ dik l‑għodda li tgħin lit-tfal u liż‑żgħażagħ tagħna b’mod partikolari jifhmu li l‑futur tagħhom hu sabiħ u eċitanti. Is‑sistema edukattiva tagħna trid tkun waħda li tnissel fit-tfal tagħna entużjażmu fil‑ħajja, li tnissel fihom il‑fiduċja li huma kapaċi jegħlbu kull sfida, li huma kapaċi jaslu għal kwalunkwe għan u ħolm li huma għandhom. Irridu nfiehmu lit-tfal u liż‑żgħażagħ tagħna li pajjiżna huwa pajjiż tal‑opportunitajiet, fejn jitwettqu t-tamiet u fejn jekk int trid, tista’ tilħaq xi ħaġa fil‑ħajja.  Din tista’ tagħmilha basta taħdem ħafna għaliha, taħdem bil‑għaqal u b’intelliġenza u tkun lest li tagħmel sagrifiċċji biex tilħaqha. Jekk tagħmel dan f’pajjiżna m’hawn xejn li jfixkel biex inti tilħaq il‑milja tiegħek. Fil‑qasam tal‑edukazzjoni allura rridu naħdmu fuq żewġ binarji, però qabel ma nitkellem fuq dawn iż‑żewġ binarji ejjew nifhmu sew is‑sistema edukattiva vasta li għandna f’pajjiżna fejn tfal minn etajiet żgħar ħafna qed jattendu childcare centres u kindergartens, u allura jibdew jiffurmaw il‑mod kif għandhom jgħixu fil‑komunitajiet tagħhom.

 

L‑iskejjel primarji u dawk sekondarji bir‑riformi li rajna fis‑snin li għaddew, fosthom ir‑riformi tal‑kulleġġi u dan l‑aħħar ir‑riformi ta’ kif it-tfal qed jgħaddu mill‑primarja għas‑sekondarja, qegħdin dejjem jgħinu lit-tfal tagħna sabiex jieħdu l‑aħjar mis‑sistema edukattiva ta’ pajjiżna.  Fil‑qasam post-sekondarju u terzjarju qed naraw liż‑żgħażagħ tagħna jingħataw opportunitajiet kbar sabiex ikunu jistgħu jimirħu f’dawk in-niċeċ li jħossu li huma jistgħu jkunu l‑aktar komdi fihom.

Irridu nifhmu li f’pajjiżna għandna erba’ tipi ta’ universitajiet. L‑ewwel hemm l‑università tradizzjonali kif nafuha aħna, li matul is‑snin li għaddew żviluppat u kibret b’mod fenomenali sabiex illum toffri mijiet ta’ korsijiet li minnhom jistgħu jagħżlu ż‑żgħażagħ tagħna. Imma ma nistgħux nitkellmu fuq l‑edukazzjoni terzjarja u ma nsemmux l‑MCAST. F’pajjiżna kellna lakuna għaliex żgħażagħ li ħassew li għal xi raġuni ma kenux kapaċi jidħlu l‑università, kienu jħossuhom inutli u kienu qed jaqtgħu qalbhom milli jagħmlu suċċess f’ħajjithom. L‑MCAST mela lakuna kbira u llum iż‑żgħażagħ qed jifhmu li biex tagħmel suċċess mhux bilfors trid tmur l‑Università Tal‑Qroqq iżda hemm opportunitajiet kbar oħra u daqstant eċitanti f’istituzzjoni oħra li jisimha MCAST. Illum nafu l‑livell ta’ żgħażagħ li qed joħorġu mill‑MCAST u nafu wkoll b’opportunitajiet kbar li qed jistennew liż‑żgħażagħ li qed jiggradwaw minn din l‑istituzzjoni, opportunitajiet li qed isarrfu f’karrieri brillanti f’kumpaniji bħal‑Lufthansa Technik u SR Teknik,  biex insemmi tnejn biss.

 

Irridu nifhmu wkoll li f’dawn l‑aħħar 20 sena ħafna u ħafna żgħażagħ għażlu li jimirħu fil‑qasam li probabbilment huwa l‑aktar wieħed importanti għalina, il‑qasam tat-turiżmu.  Anke hawnhekk għandna l‑ITS li m’hemmx għalfejn nitkellmu wisq dwaru għax kulħadd jaf il‑livell għoli ta’ żgħażagħ li qed jiggradwaw minn din l‑istituzzjoni u l‑karrieri brillanti li ħafna minn dawn iż‑żgħażagħ u wħud minnhom mhux daqshekk żgħażagħ, qegħdin isegwu. Ma nistgħux iżda ninsew istituzzjoni oħra li hija l‑ETC.  F’pajjiżna għad hawn numru ta’ persuni li għal xi raġuni jew oħra, ħafna drabi mhux tort tagħhom, iħossu li ma jistgħux jikkompetu fid‑dinja tax-xogħol tal‑lum.  U allura huwa hawn fejn tidħol l‑ETC li liż‑żgħażagħ u l‑adulti tagħtihom l‑iskills sabiex iħossuhom komdi jikkompetu.  Irridu nkomplu ninvestu kemm nifilħu f’din l‑istituzzjoni sabiex f’pajjiżna verament ma jkun hawn ħadd li jibqa’ lura.

 

Sur President, ippermettili issa nitkellem fuq dawk iż‑żewġ binarji tal‑edukazzjoni li semmejt qabel. Dawn huma l‑edukazzjoni kurrikulari u - importanti daqsha - l‑edukazzjoni ekstrakurrikulari. Kif ilna nagħmlu, irridu nkomplu ninvestu fil‑professjoni tal‑għalliema tagħna ħalli l‑istudenti jkomplu jimirħu u jmorru tajjeb fis‑suġġetti li aħna mdorrijin bihom u fis‑suġġetti li jitgħallmu fil‑korsijiet varji li jagħżlu matul il‑ħajja edukattiva tagħhom. Imma rridu nifhmu li daqskemm huwa importanti li l‑istudenti jistudjaw u jmorru tajjeb f’dawn is‑suġġetti, daqstant ieħor huwa importanti li jieħdu sehem f’attivitajiet ekstrakurrikulari. Irridu nagħmlu minn kollox biex l‑ewwel nett inħeġġu lit-tfal u liż‑żgħażagħ tagħna jieħdu sehem attiv f’attivitajiet barra mill‑edukazzjoni formali u fl‑istess ħin irridu ninvestu f’dawk il‑ħafna u ħafna organizzazzjonijiet, li l‑maġġoranza tagħhom huma volontarji, sabiex ikomplu jagħtu l‑formazzjoni lit-tfal u liż‑żgħażagħ tagħna.

 

Hawnhekk ippermettili nsellem lil numru ta’ organizzazzjonijiet li jien kont attiv fihom kemm fit-tfulija tiegħi kif ukoll fiż‑żgħożija. Ikolli nammetti li għalkemm kont immur relattivament mhux ħażin fl‑iskola, l‑isbaħ parti tal‑ħajja edukattiva tiegħi kienet meta kont nieħu sehem f’organizzazzjonijiet volontarji li meta llum inħares lura napprezza x’effett pożittiv kellhom fuqi.  Meta jiena kont nattendi l‑iskola sekondarja għaddejt snin twal fil‑moviment tal‑iScouts, moviment li jiffurmalek il‑karattru, li jġiegħlek issir bniedem aktar indipendenti, iżda li jurik li tkun indipendenti tfisser li trid tkun responsabbli, li jurik xi tfisser li trid taħdem sabiex takkwista dak li jkollok f’moħħok li takkwista. Kien f’dan il‑moviment li ħadt l‑ewwel lezzjonijiet dwar xi tfisser li tkun ta’ servizz għall‑oħrajn u li aktar ma tkun għoli fil‑ġerarkija tal‑iScouts ifisser ħafna aktar xogħol u ħafna aktar responsabbiltajiet. Allura minn hawn insellem lill‑iScouts kollha, b’mod speċjali lid‑diriġenti u l‑iScouts tal‑Kulleġġ San Alwiġi li kont nifforma parti minnhom, u nħeġġiġhom sabiex ikomplu jaħdmu fil‑missjoni nobbli li qed jagħtu lis‑soċjetà Maltija.

 

Meta mbagħad kont is‑sixth form kelli l‑opportunità li nieħu sehem fil‑Young Enterprise, organizzazzjoni oħra li qed tagħmel biċċa xogħol brillanti fil‑qasam tal‑edukazzjoni mhux formali. Young Enterprise tgħin studenti minn età żgħira jiżviluppaw is‑soft skills għall‑ħajja u apparti li tgħallmek l‑imprenditorija, tgħallmek kif għandek tmur man-nies, kif tbigħ prodott jew servizz, u ħiliet oħra li anke jekk ma tiftaħx kumpanija wara, żgur li ssibhom utilissimi fil‑ħajja ta’ kuljum. L‑istess irrid ngħid għall‑President’s Award Scheme, għall‑Mini European Assembly, li kienet hi li tatni l‑ewwel opportunità li npoġġi f’dawn il‑bankijiet f’din il‑Kamra, u li int ukoll, Sur President, tant u tant ikkontribwixxejt enerġija għaliha.

Ma nistax imbagħad ma nsemmix il‑ħajja universitarja fejn li tkun attiv f’organizzazzjonijiet bħall‑AIESEC, ELSA, SACES u KSU, huwa importanti daqs, jew ippermettili ngħid forsi anke ftit aktar, milli tmur għal‑lectures, tistudja u tgħaddi mill‑eżamijiet. Għax dawn l‑organizzazzjonijiet tant jagħtuk exposure li fl‑aħħar mill‑aħħar jikkonvinċuk li inti kapaċi u li l‑futur tiegħek huwa sabiħ.  Dan huwa l‑messaġġ ewlieni li fl‑aħħar mill‑aħħar irridu nwasslu lit-tfal u liż‑żgħażagħ tagħna bis‑sistema edukattiva tagħna. Irridu nikkonvinċuhom li, huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin, il‑futur tagħhom huwa possibbli u huwa sabiħ ħafna.  Meta s‑sistema edukattiva tagħna tasal biex tagħti dan is‑sens ta’ entużjażmu għall‑futur lit-tfal u liż‑żgħażagħ kollha tagħna, inkunu nistgħu nistrieħu.  Lil hemm mexjin u mexjin tajjeb, iżda sakemm ikun għad fadal tifel jew tifla waħda biss li qed taqta’ qalbha mill‑futur tagħha, irridu nkomplu naħdmu u ninvestu kemm nifilħu fis‑sistema edukattiva tagħna.

 

Pilastru importanti ieħor daqs l‑edukazzjoni huwa s‑saħħa.  Jiena nara x-xogħol, l‑edukazzjoni u s‑saħħa bħala t-tliet pilastri ewlenin fis‑soċjetà tagħna. X’jiswa li jkollna ekonomija b’saħħitha li tiġġenera xogħol xieraq għal kulħadd u x’jiswa li jkollna l‑aħjar sistema edukattiva li jista’ jkollna meta mbagħad malli nimirdu nieqfu niżviluppaw lilna nfusna? Fis‑snin li għaddew rajna investimenti kbar fil‑qasam tas‑saħħa u rajna dan il‑qasam jiżviluppa speċjalment b’investimenti kbar fit-teknoloġiji l‑ġodda.  Dawn qegħdin jgħinuna nikkumbattu mard li sa ftit tas‑snin ilu lanqas konna nimmaġinaw li qatt stajna nikkuraw ruħna minnu. L‑iżvilupp tal‑Isptar Mater Dei ta qabża kbira lill‑qasam tas‑saħħa f’pajjiżna biex illum għandna sptar ġenerali mill‑aqwa, kif jixraq lil pajjiż li tant irnexxielu jiżviluppa, li huwa membru tal‑Unjoni Ewropea, membru taż‑żona Schengen u membru taż‑Żona Ewro. Għad fadlilna sfidi f’dan il‑qasam u ma nistgħux nieqfu qabel ma naraw li f’pajjiżna s‑sistemi tas‑saħħa tagħna jkunu fost l‑aħjar fiż‑żona Ewro-Mediterranja. Irridu nkomplu ninvestu wkoll fil‑qasam tal‑kura primarja sabiex inkunu ċerti li s‑servizzi tas‑saħħa jkunu viċin in-nies. Irridu nnaqqsu l‑istress żejjed mill‑Isptar Mater Dei u allura nifirxu l‑aħjar sistemi tas‑saħħa fl‑ibliet u l‑irħula tagħna.

 

Ma’ dawn it-tliet pilastri ewlenin fis‑soċjetà tagħna rridu nżidu żewġ oqsma importantissimi li huma l‑ambjent, il‑ħarsien tiegħu u l‑ħarsien ta’ ħajja aktar b’saħħitha għalina lkoll u s‑solidarjetà f’dak li jagħmilna umani. X’jiswa li jkollna soċjetà li tħalli lill‑bniedem jimraħ b’dak li jaħseb li hu l‑aħjar għalih jekk imbagħad l‑istess bniedem ma jkunx jista’ jgħix b’saħħtu? F’dawn l‑aħħar tmien snin b’mod partikolari, is‑soċjetà Maltija mhux biss bdiet issir aktar konxja tal‑ambjent u tal‑bżonn li nipproteġu l‑istess ambjent, iżda bdiet tinduna li fil‑passat il‑bniedem, kemm f’Malta kif ukoll fid‑dinja kollha, kien qed jagħmel azzjonijiet li kienu ta’ għajb għall‑ambjent tagħna. Allura bdejna nieħdu miżuri u nippreparaw strateġiji biex nassiguraw li lkoll kemm aħna ngħixu aħjar u aktar b’saħħitna. Matul is‑snin bdejna nifhmu li l‑fenomenu tal‑bidla fil‑klima huwa realtà li anke aħna f’pajjiżna rridu naħdmu biex niġġieldu kontrih għax jekk ma neħduhx bis‑serjetà jista’ jkollu effetti devastanti kontra l‑umanità.

 

Fid‑dinja kollha hemm sinjali ċari li l‑klima tagħna qed tinbidel u allura aktar minn qatt qabel irridu nieħdu ħsieb id‑dinja tagħna għax hekk biss nistgħu niggarantixxu li l‑ġenerazzjonijiet ta’ warajna jkollhom livell ta’ għajxien tajjeb daqs tagħna u jekk jista’ jkun, aħjar.  Ilkoll kemm aħna qed nindunaw b’dak li ilna nisimgħu, li r‑riżorsi naturali huma limitati. Id‑dinja ilha snin sħaħ tuża dawn ir‑riżorsi qishom ma kienu se jispiċċaw qatt. Inħarsu ħarsa madwarna, naraw dak kollu li qed jiġri fis‑suq ta’ dawn ir‑riżorsi, fosthom u b’mod partikolari fis‑suq taż‑żejt, u nifhmu li parti mir‑raġuni tal‑prezz fenomenali taż‑żejt hija li d‑domanda għal dawn ir‑riżorsi qiegħda dejjem tiżdied filwaqt li r‑riżors innifsu qiegħed jonqos.

 

Sur President, quddiem dawn l‑isfidi rridu nieħdu azzjonijiet b’saħħithom. Dawn il‑problemi rridu nħarsu lejhom bħala sfidi u naraw x’soluzzjonijiet oħra hemm għalihom. Id‑dinja għandha riżorsi oħrajn li kważi m’għandhomx limiti, huma ħafna aktar nodfa u allura l‑użu tagħhom żgur li ma jkollux effetti ħżiena fuq is‑saħħa tagħna. Irridu nkomplu nisfruttaw riżorsi bħar‑riħ u x-xemx li għall‑grazzja t’Alla pajjiżna għandu ħafna u ħafna minnhom. Fis‑snin li ġejjin irridu nkomplu ninvestu u nisfruttaw dawn ir‑riżorsi kemm nifilħu. Irridu ninvestu aktar f’panelli fotovoltajċi, f’solar water heaters u f’wind farms, kemm onshore kif ukoll offshore. Nafu li l‑gvern bħalissa għaddej bi studji dettaljati dwar fejn nistgħu nistallaw dawn il‑wind farms u lbieraħ stess rajna li forsi hemm xi problemi biex nistallaw offshore wind farm fuq is‑Sikka l‑Bajda minħabba għerien li hemm, iżda rridu nkomplu nkunu kreattivi u ma naqtgħux qalbna quddiem dawn l‑isfidi.  Irridu naraw li akkost ta’ kollox stallazzjonijiet bħal dawn f’pajjiżna jsiru realtà.

 

Malta, bħall‑maġġoranza tad‑dinja, iffirmat il‑konvenzjoni favur li l‑emissjonijiet jonqsu b’20% fuq il‑livell tal‑1990. Irridu nuru lid‑dinja kollha li aħna wkoll qed nieħdu din l‑isfida bis‑serjetà u aħna wkoll għandna kontribut x’nagħtu lid‑dinja quddiem din l‑isfida globali għax għalina wkoll is‑saħħa tan-nies hija ta’ prijorità assoluta. Fl‑istess ħin nifhmu li l‑ġenerazzjoni tal‑enerġija hi kruċjali għal pajjiż bħal tagħna jekk irridu nkomplu niżviluppaw bir‑rata li qed nikbru, iżda rridu naraw li nisfruttaw modi oħrajn, bħall‑użu ta’ din l‑enerġija li tkellimt fuqha, il‑cable bejn Malta u Sqallija u power station ġdida kif jixraq f’pajjiż modern. Dwar l‑ambjent nista’ nagħmel diskors sħiħ iżda dan nagħmlu f’opportunità oħra.

 

Sur President, ma tistax titkellem dwar viżjoni fil‑politika u ma ssemmix is‑solidarjetà. Jien bdejt dan id‑diskors tiegħi billi għedt li t-twemmin bażiku għandu jkun li l‑politika hija għodda li tagħmel differenza fil‑ħajja tan-nies.  X’tiswa l‑politika jekk ma nagħmlux id‑differenza fil‑ħajja ta’ kull persuna li tgħix fis‑soċjetà tagħna? X’tiswa l‑politika jekk ma nifhmux li f’kull deċiżjoni li nieħdu rridu dejjem inżommu f’moħħna li dik id‑deċiżjoni partikolari se taffettwa lin-nies ta’ madwarna? X’tiswa li tagħmel rivoluzzjoni fuq oħra meta mbagħad in-nies ma jkunux kuntenti bil‑mod kif ikunu qed jgħixu?

 

Fil‑ħajja tgħallimt li huwa impossibbli li tkun ferħan il‑ħin kollu għax il‑ħajja hi kollha nżul u tlajja’ għal kulħadd, iżda kull wieħed u waħda minna għandu d‑dritt li jkun seren. Dan ifisser li inti tkun kuntent b’dak li tkun qed tagħmel, li fis‑sabiħ u fl‑ikrah kollu tal‑ħajja int tista’ ġenwinament tgħid: Hawn hu posti u dan huwa eżatt dak li għandi nagħmel jien bħalissa.  Irridu l‑ewwel u qabel kollox nifhmu li d‑dmir tagħna hu li naraw li kulħadd iħossu komdu li qed jgħix f’Malta. Illum ilkoll kemm aħna għandna opportunitajiet kbar sabiex immorru f’pajjiżi oħrajn u nimirħu hemmhekk. Hemm anke min jiddeċiedi li jimraħ f’pajjiż ieħor għal dejjem. Hemm min imur għal xi żmien jieħu esperjenza u jerġa’ jiġi lura. Din hija xi ħaġa tajba u għandna nkomplu ninkoraġġuha. Li hu ħażin u li għandu jinkwetana huwa l‑fatt li jkun hawn  min jitlaq minn dan il‑pajjiż għax iħoss li hawn ma jistax jgħix ħajtu b’mod komdu.  Għaldaqstant huwa d‑dmir tagħna li naraw li kull Malti u Għawdxi jħossu komdu f’pajjiżu.

 

M’hemmx dubju li pajjiżna għandu sistema ta’ servizzi soċjali tajba ħafna u għandna d‑dmir li nkomplu nsaħħu dawn is‑servizzi soċjali għax hawn min ġenwinament - ħafna drabi mhux tort tiegħu u mhux b’għażla tiegħu – isib li ma jistax jikkompeti fid‑dinja tal‑lum u minħabba f’hekk ibati ħafna hu u l‑familja tiegħu. Iżda wasal iż‑żmien li nħarsu lejn is‑servizzi soċjali minn lenti differenti. Irridu nagħmlu l‑almu kollu tagħna sabiex nagħtu l‑għodod kollha lil min qiegħed fuq dawn is‑servizzi soċjali sabiex ma jibqax. L‑aktar għodda importanti hija l‑edukazzjoni u l‑opportunitajiet. Għalina persuna li ma tistax issib xogħol, is‑soluzzjoni li nagħtuh ir‑relief hija biss soluzzjoni temporanja. Irridu naħdmu kemm nifilħu biex persuna bħal din issib xogħol li jirrendi u allura ma tibqax fuq is‑servizzi soċjali.  F’kull qasam ieħor irridu nkomplu nikkumbattu kontra l‑faqar u għal darb’oħra l‑għodod prinċipali biex nagħmlu dan huma l‑edukazzjoni u l‑opportunitajiet. Irridu naraw li nħarsu lejn kulħadd b’mod ugwali u nagħtu l‑opportunitajiet lil kulħadd, irrispettivament minn fejn ġej u min hu. Għandna dmir imbagħad li nieħdu ħsieb dawk inqas b’saħħithom bħall‑anzjani tagħna, imma anke lil dawn irridu nagħtuhom l‑ispazju kollu sabiex jimirħu sakemm tagħtihom is‑saħħa. 

 

Fis‑snin li għaddew pajjiżna għadda minn rivoluzzjoni siekta għal oħra. Illiberalizzajna s‑swieq tagħna, tajna l‑poter lin-nies biex jiddeċiedu huma dak li jaffetwahom, biddilna l‑ekonomija tagħna għal waħda li toffri valur miżjud aktar għoli, żidna l‑opportunitajiet għal kulħadd u bqajna naħdmu sabiex naraw li ħadd ma jibqa’ lura.   Il‑futur huwa sabiħ. F’dawn iż‑żmenijiet qed naħdmu fuq viżjoni li nieda l‑Prim Ministru tliet snin ilu, viżjoni li se tkompli tara lil pajjiżna jagħmel passi kbar oħra ’l quddiem. Qed naħdmu sabiex naraw lil pajjiżna jsir ċentru ta’ eċċellenza fiż‑żona Ewro-Mediterranja. Qed naħdmu fuq viżjoni 2015, viżjoni li fl‑aħħar mill‑aħħar se twassal biex nilħqu l‑milja tagħna f’dak li aħna l‑aktar b’saħħitna, viżjoni li se tara lil pajjiżna jimraħ f’sitt oqsma prinċipali apparti minn Għawdex.

 

Qed insiru ċentru ta’ eċċellenza fit-turiżmu, fis‑saħħa, fl‑edukazzjoni, fis‑servizzi finanzjarji, fil‑manifattura li toffri iżjed valur miżjud u f’Eko-Għawdex li qed tara lill‑gżira għażiża ta’ Għawdex tiżviluppa b’mod sostenibbli. Hija din il‑viżjoni li  timlieni b’kuraġġ u b’determinazzjoni biex ma’ sħabi d‑deputati taż‑żewġ naħat tal‑Kamra nibqa’ naħdem kemm niflaħ għax pajjiżna huwa sabiħ ħafna u għandu potenzjal kbir. Pajjiżna għaddej jaħdem fuq viżjoni li se terġa’ tbiddlu u tagħmlu aħjar milli diġà hu. Aħna ż‑żgħażagħ inħarsu lejn il‑futur ta’ pajjiżna b’entużjażmu u b’eċitament kbir u għalhekk dħalt fil‑politika biex jien ukoll inkun hemm waqt li qed tinkiteb l‑istorja ta’ dan il‑pajjiż meraviljuż.  Nirringrazzjak, Sur President.  (Onor. Membri:  Hear, hear)

 

L-ISPEAKER: Grazzi, Onor. Gouder.  Jiena nifraħlek għall‑maiden speech tiegħek. Huwa ċar li l‑motto “Be Prepared” tal‑iScouts adottajtu sewwa anke fid‑diskors li għamilt.

 

 

 

Condolences (15 May 1979 - 10 Sep 2024)

Estratt mis-Seduta 260 tal-Erbatax-il Parlament tat-Tlieta 8 ta' Ottubru 2024

 

KONDOLJANZI

 

L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Niġu għall-Kondoljanzi. Skont il-ftehim milħuq, illum il-Kamra se tgħaddi għall-kondoljanzi fir-rigward tal-mibki Eks Membru Parlamentari Karl Gouder li ħalliena fl-10 ta’ Settembru 2024. Nifhem li hawn ftehim biex il-membri tal-midja jitħallew jidħlu fil-Kamra jieħdu r-ritratti u anke filmati għal din il-parti tas-seduta. Hawn il-ftehim? (Onor. Membri: Hear, hear)

Skont ftehim tal-Kamra, membri tal-midja ngħataw permess sabiex jiġbdu ritratti u filmati f’din il-parti tas-seduta.

L-ISPEAKER: Qabel ma nsejjaħ lill-Prim Ministru, ninforma lil kulħadd li bħas-soltu f’din l-okkażjoni wkoll ħriġna ktejjeb li fih l-ewwel diskors li għamel l-Onor. Karl Gouder fil-ġurnata tal-24 ta’ Mejju 2010. Kien diskors li jurik il-karattru tiegħu; persuna umli u dejjem lest biex jitgħallem, kif ukoll veritier f’dak kollu li jgħid.

Insejjaħ issa lill-Prim Ministru.

ONOR. ROBERT ABELA (Prim Ministru): Grazzi. Insellem lilek, Sur President, u lis-Sinjuri Gouder. Kemm hu diffiċli li f’okkażjoni bħal din titkellem dwar xi ħadd li kien miegħek fuq il-bankijiet tal-iskola minn tfulitek! Huwa naturali li l-ewwel ħaġa li tiġi quddiem għajnejk ikunu l-memorji ta’ aktar minn 30 sena ilu. Dawk li attendew il-Kulleġġ San Alwiġi jafu li tibqa’ teżisti dik l-affinità bejnietna.

Karl kien sena iżgħar minni l-Kulleġġ però nzertajna li konna fi grupp ta’ ħbieb komuni li ħafna minnhom għadna ħbieb sal-lum il-ġurnata grazzi għall-isports u attivitajiet oħra komuni li jinteressawna. Dawk kienu snin li jiffurmaw il-karattru tal-istudenti. Li nista’ ngħid dwar Karl hu li baqa’ ma nbidel qatt. Dak Karl li kont naf ta’ 11-il sena erġajt sirt nafu mbagħad meta, snin wara, erġajna ltqajna f’din il-Kamra.

Lil Karl dejjem nafu bħala bniedem li kellu sens ta’ ferħ fih, sens ta’ ferħ li kien jittrażmettih lil ħaddieħor sa minn mindu kien tifel żgħir għand il-Ġiżwiti u kien jidher imbagħad aktar ’il quddiem meta erġajna ngħaqadna f’din il-Kamra. Għalkemm kien sena iżgħar minni, l-esperjenza parlamentari ta’ Karl bdiet ferm qabel tiegħi, seba’ snin qabel ma dħalt jien f’din il-Kamra. Meta rġajna ltqajna hawnhekk wara tant snin li konna ilna ma niltaqgħu, kont għedt: Kemm ma nbidel xejn. Meta ltqajna f’din il-Kamra kien għadu b’dak l-istess karattru u b’dak is-sens ta’ ħbiberija. Qatt ma ħallejna l-fehma politika diversa li kellna tissepara l-ħbiberija li kellna, anzi l-ħbiberija baqgħet tissupera r-rivalità politika. Dik kienet forsi l-eħfef ħaġa għalina t-tnejn li nagħmlu għaliex it-tnejn li aħna nemmnu fi stil ta’ politika simili. Karl dejjem emmen li għandna niddibattu t-temi u mbagħad il-poplu jiġġudika min għandu l-aqwa temi.

Qatt ma naf li konna f’din il-Kamra u smajtu jgħid xi kelma ta’ konfront; dejjem kien jiddibatti l-argument u dan kien jagħmlu bl-iktar mod rispettuż naturalment kemm mal-kollegi tiegħu kif ukoll ma’ din in-naħa. Dik hija xi ħaġa li jien verament apprezzajt għax żamm dak is-sens ta’ kordjalità. Meta mbagħad temm il-karriera politika f’din il-Kamra, hu baqa’ jimmilita fil-qasam politiku. Sirna nafu wkoll li, proprju sal-aħħar jiem qabel ħalliena, kien reġa’ wera interess li jerġa’ jidħol fil-politika frontline. Hu dejjem żamm dak l-istil u almenu fl-okkażjonijiet li fihom kelli l-opportunità li nerġa’ nitkellem miegħu rajt Karl li baqa’ ma nbidel qatt.

Dan iġibni mbagħad għal dak li kien jirrappreżenta Karl u kemm nemmen li minkejja li llum il-ġurnata m’għadux magħna, dak il-messaġġ ta’ x’kien jirrappreżenta fl-arena pubblika ħassejtu fil-funeral tiegħu. Kien funeral speċjali u s-sentiment li ħassejt f’dak il-funeral ħassejtu biss f’funeral ieħor s’issa mid-diversi funerali li attendejt: dak ta’ Jake Vella. Kien hemm sentimenti differenti, però simili. Fil-funeral ta’ Jake kien hemm is-sentiment ta’ poplu li ngħaqad wara bniedem li minkejja li bata ħafna u ħalliena ta’ 15-il sena, ħalla impatt pożittiv fil-ħajja ta’ tant persuni. Fil-funeral ta’ Karl li wkoll ħalla din il-ħajja f’età relattivament żgħira, ta’ 45 sena, is-sentiment li rajt fil-folla kbira li kienet preżenti għall-funeral tiegħu, ftit tista’ tiddeskrivih għal min ma kienx hemmhekk. Stajt tara tant nies minn faxex differenti tas-soċjetà b’fehmiet politiċi differenti li verament kienu jemmnu li dik il-persuna, bħal diversi oħrajn li jimmilitaw fil-ħajja pubblika, tat l-aqwa li qatt seta’ jagħti; ma daħħal qatt sens ta’ diviżjoni bejn il-poplu u ta l-aqwa kontribut li qatt seta’ jagħti b’risq is-soċjetà. Id-diskorsi li smajna dakinhar, li ddeskrivew u ċċelebraw il-ħajja ta’ Karl, juru li verament Karl ħalliena imma ħalla ħafna u ħafna memorji ħajjin warajh.

Bil-mod kif ġab ruħu fid-diversi snin li fihom ħadem f’din il-Kamra huwa xeħet obbligu u responsabilità fuq kull wieħed minna li qegħdin f’din il-Kamra, l-obbligu li nibqgħu nibagħtu dak il-messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni. Jekk hemm kelma waħda li biha niddeskrivi l-istil ta’ kif ħadem fil-ħajja pubblika hija li kien stil rikonċiljattiv. Waqt li kull wieħed u waħda minna se juri lill-poplu tagħna li għandu policies aħjar għat-tmexxija ’l quddiem, fl-istess waqt nemmnu li nistgħu naħdmu flimkien biex dejjem ikollna pajjiż aħjar.

L-aħħar tema li nħoss li għandi nitkellem dwarha f’din l-okkażjoni hija dik sensittiva ħafna tas-saħħa mentali. Kemm għad għandna x’nagħmlu; kemm hija realtà fis-soċjetà tagħna u kemm irridu naħdmu biex negħlbu l-istigmatizzazzjoni dwarha. Aħna fl-aħħar mill-aħħar il-policy setters ta’ dan il-pajjiż u għalhekk għandna obbligu fuqna f’kull settur li nitkellmu dwaru. Nemmen li għandna wkoll din ir-responsabilità li nibqgħu ninvestu fis-servizzi tas-saħħa mentali, nibqgħu ninvestu fil-faċilitajiet u nibqgħu nitkellmu għaliex din hija realtà li rridu nibqgħu nindirizzawha u nagħtu s-soluzzjonijiet għaliha.

Nagħlaq billi ngħid li filwaqt li llum tista’ tkun u hija okkażjoni ta’ swied il-qalb, fl-istess waqt hija okkażjoni wkoll ta’ ferħ għaliex qed niċċelebraw persuna li lil dan il-Parlament, l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, għamlitlu ġieħ u għamlitlu ġieħ kbir. Għamlet ġieħ lis-soċjetà tagħna bil-kontribut divers li tat tul medda ta’ snin. Karl baqa’ jagħmel ġieħ lis-soċjetà tagħna anke meta temm il-karriera parlamentari tiegħu.

Għalhekk nieħu din l-okkażjoni biex naturalment nagħti l-kondoljanzi mill-ġdid lill-familja kollha tiegħu, però nsellem il-memorja ta’ kollega tal-iskola, ta’ ħabib personali, fuq kollox ta’ persuna li tat u għamlet l-almu kollu tagħha b’risq is-soċjetà Maltija u Għawdxija. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Insejjaħ issa lill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Bernard Grech.

ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Grazzi, Sur President. Naħseb li f’dawn l-erba’ snin dan huwa l-iktar diskors ta’ kondoljanzi diffiċli li qed inħoss li qed nagħmel. Forsi hemm min jistaqsi: Ma kienx hemm tal-ġenituri wkoll? It-telfa ta’ Karl, kif għedt anke lil dawk ta’ madwari, għalija kienet kważi iebsa iktar minn tal-ġenituri għax ġiet b’ħasda, persuna ta’ età żgħira, ħabib, kollega, pilastru imma wkoll persuna li kważi kienet against the grain ta’ ħafna f’pajjiżna li donnhom iħossu li l-politika hija xi diżunur li tmiss magħha. Karl kien wieħed minn dawk bħalna u bħal oħrajn li he stood up - u fiż-żmien meta ħalliena he was standing up again - to fill an important role.

Meta f’dan il-Parlament insellmu l-memorja ta’ kollega u ħabib tagħna bħalma qed nagħmlu, Sur President, inkunu qed nagħmlu dan mhux b’sens ta’ dover imma b’sens ta’ diqa kbira. Tista’ tgħid li kollha kemm aħna nafu lil Karl, xi wħud jafuh sewwa u xi wħud jafuh ħafna. Għal din in-naħa tal-Kamra ma kienx biss persuna li nafuh imma kien persuna li kien qrib ħafna u nibqgħu ngħożżuh bħala persuna li għal snin twal ħadem fiċ-ċentru tagħna. Miegħu qsamna ħafna memorji sbieħ, oħrajn inqas sbieħ jew iebsa, però dejjem kellu dan is-sens ta’ dawl u konfort għal kull min imiss miegħu.

Karl okkupa karigi differenti minn meta kien fil-kamp studentesk għal dak żagħżugħ, fil-qasam politiku serva fil-livell tal-komunità fejn jgħix bħala s-Sindku ta’ San Ġiljan u bħala Membru Parlamentari u Shadow Minister, u serva bħala CEO tal-Medialink b’responsabilità għal NetTV u NetFM u dan l-aħħar bħala s-sinsla tal-kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali għall-Partit Nazzjonalista bħala l-campaign manager. Nafu wkoll li bħala scout kien ippreparat sew għall-isfida li kien imiss f’ħajtu, li jservi bħala Segretarju Ġenerali.

Il-mewta traġika tiegħu xxukkjatna lkoll, Sur President. Hija mhux biss telfa kbira, imma tħalli vojt kbir wara l-ħasda tiegħu minn din il-ħajja. Il-kondoljanzi tagħna jagħmlu sens jekk illum nieqfu ftit naħsbu fuq uħud mill-kwalitajiet tiegħu però nwegħduh li mhux biss nibqgħu niftakru fih imma li l-memorja tiegħu se tibqa’ ħajja fina billi nispiraw ruħna minn dawn il-kwalitajiet.

Il-kwalità li l-aktar li kienet tispikka fih, kif anke semma l-Prim Ministru, kienet it-tbissima tiegħu. Karl kien jisirqek bit-tbissima tiegħu, dejjem lest biex ikun ta’ servizz għal ħaddieħor mingħajr ma jħares lejh innifsu. Ma kienx jiġri warajna għal xi kariga jew oħra. Il-ġiri konna nagħmluh aħna u hu dejjem offra li jkun hemm biex jagħti l-parti tiegħu bl-enerġija kollha li kien iġorr għal kull kariga li okkupa. Fis-sigħat u anke fil-ġranet ta’ wara li ħalliena, fuq il-mezzi soċjali rajna diversi screenshots ta’ messaġġi li kien jibgħat hu lil diversi nies f’mumenti forsi ftit diffiċli fil-ħajja tagħhom u jgħidilhom: Jien hawn; I am just a message away.

Ma’ din il-kwalità trid iżżid ukoll dawk tal-irġulija u l-onestà tiegħu. Taf li tista’ tafdah b’għajnejk magħluqa, taf li kulma qed jagħmel qed jagħmlu minn qalbu biex ikun ta’ servizz ġenwin u sinċier. Kellu wkoll sens ta’ għaqda, dejjem ifittex li jgħaqqad u mhux li jifred, u dan kien kapaċi jagħmlu b’sens ta’ ġentilezza, b’eleganza, billi jiġbed nies differenti lejh mingħajr ma jissagrifika b’xi mod il-valuri jew is-sens ta’ lealtà li dejjem wera.

Il-fatt li ż-żewġ naħat tal-Kamra, iż-żewġ partiti u s-soċjetà ċivili kollha taw u qed ikomplu jagħtuh l-akbar rispett, huwa l-akbar xhieda ta’ din il-kwalità. Karl ta l-ikbar prova li tista’ taħdem bla heda għal dak li temmen fih, takkwista r-riżultat li tkun trid, imma tagħmel dan kollu mingħajr ma neċessarjament tweġġa’ b’xi mod lil ħaddieħor.

Nafu wkoll li Karl kien bniedem sportiv, ma jaqtax qalbu, kellu sens ta’ determinazzjoni u kien jimxi b’ħarstu ’l quddiem lejn id-destinazzjoni. Kwalitajiet oħra li jridu jibqgħu jispirawna kienu l-umiltà u s-sinċerità tiegħu. Għalih kull persuna li ħadem magħha, b’mod partikolari l-ħaddiema u kull min kellu bżonn xi parir mingħandu jew l-għajnuna tiegħu, kienu kollha ugwali. Kien isib ħin għal kulħadd u kien kapaċi jisma’ lil kulħadd.

Naħseb li Karl huwa wieħed fost l-iktar, fostna li konna San Alwiġi, li nnamra mill-qrib ma’ dak li kienu jgħallmuna l-Ġiżwiti, li nkunu men for others. Forsi mhux kull min ħareġ minn San Alwiġi rnexxielu jagħmilha din, però Karl irnexxielu u għandu jibqa’ jiggwidana minn hemm fuq.

Nagħtu l-kondoljanzi minn qalbna lilkom il-ġenituri li rabbejtuh. M’għandix dubju li kontu wħud minn dawk li influwenzajtuh biex xettiltu fih dawn il-kwalitajiet. Simon u Nick, anke intom għaddejtu minn mumenti diffiċli ħafna, partikolarment Nick fl-ewwel ftit sigħat, in-nisa u t-tfal tagħkom. Ammirajt il-mod kif ġibtu ruħkom bħala familja, ir-reżiljenza u l-għaqda. Qed nara wkoll il-ħbieb ta’ Karl, b’mod speċjali l-aktar ħbieb viċin tiegħu.

Jekk għandna niftakru xi ħaġa minn Karl huwa proprju dan. Karl kien jieħu ħsieb kulħadd. Ejjew inkunu aktar sensittivi, ejjew nieħdu ħsieb xulxin kif kien jagħmel Karl. Forsi llum rajt lil xi kollega tiegħek b’għajnejh miksurin mhux bħal tas-soltu. Tibqax għaddej, kellmu, kellimha, ibagħtilha messaġġ, ibgħatlu messaġġ. Nistgħu nitkellmu fuq is-saħħa mentali b’mod utopiku, però s-saħħa mentali ta’ ħaddieħor tibda minna billi nkunu lkoll komunità ta’ persuni li nħobbu lil xulxin, anke jekk ma nafux lil xulxin. Għal xi wħud u forsi anke għalija, dan jista’ jkun diffiċli imma fi kliem Karl stess naħseb nistgħu nagħmluh. Kieku qiegħed hawn jgħidilna: Ejja guys, we can do this. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi mill-Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Jien l-ewwel darba li ltqajt ma’ Karl kienet meta fl-2011 daħal fil-Parlament, ftit wara li kien irriżenja l-Onor. Michael Frendo u sar Speaker. Niftakar li kien ġie l-Onor. Tonio Borg u qalli li ried ikellimni l-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Dak iż-żmien jien kont fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni u allura bdejt ngħid: Dan xi jrid? Mort ħdejh u qalli: Inti jimporta jekk Karl jieħu esperjenza miegħek? Għax ftit ġimgħat wara jien kont sejjer fuq xogħol tal-OSCE, jidhirli Tbilisi, il-Georgia, u Karl tela’ miegħi l-Georgia. Niftakar li hemmhekk kienu tawni l-parti l-iktar iebsa, il-border maċ-Ċeċnija u fiż-żmien li kienu qed isiru l-elezzjonijiet hemmhekk kont tisma’ anke splużjonijiet. Allura meta konna hemm, Karl kien jgħidli: Soltu jsiru dawn l-affarijiet? Dik kienet esperjenza li ma ninsiha qatt; hemmhekk sirt naf lil Karl. Minbarra l-kwalitajiet li semmew il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, Karl kien ukoll persuna altruwista, anzi altruwista żżejjed. Meta għaddejt minn żmien daqsxejn diffiċli fis-saħħa tiegħi fl-2023, kull ġimgħa kien jibgħatli messaġġ u kien jgħidli hekk: “Anġlu, għidli kif int. Għandek bżonn xi ħaġa?” Kull ġimgħa! Jiġi l-birthday tiegħi, kultant anke jien stess qajla nagħti tant kas, u jgħidli: Happy birthday, Anġ!

Qed nara lill-Onor. Edward Zammit Lewis hawnhekk. Fi Frar tal-2022 kien hemm ħin li ma stajtx inkun preżenti għas-seduta u d-Deputy Speaker ma kienx preżenti lanqas. Dakinhar l-Onor. Zammit Lewis kien innomina lill-Onor. Karl Gouder biex jippresiedi dik il-parti tas-seduta fl-assenza tiegħi u tad-Deputy Speaker, u kien issekonda l-mozzjoni l-Onor. Byron Camilleri. L-għada filgħaxija Karl bagħatli messaġġ u qalli: “Anke fuq il-bank tiegħek qgħadt!”

Dak kien Karl; kien bniedem li bilfors tħobbu; ma kienx hemm raġuni għalfejn tieħu pożizzjoni differenti. Barra minn hekk, kien persuna korretta anke meta kien isiefer fuq xogħol parlamentari. Jien niftakar li f’Settembru 2011, kellna konferenza tal-Commonwealth f’Belfast - kienet l-aħħar waħda li kien miegħi qabel l-elezzjoni – u magħna kien hemm ukoll l-Onor. Clyde Puli. Aħna t-tlieta konna. Għedtlu li meta nkunu hemmhekk ridt niltaqa’ mal-kuġini ta’ missieri. Qalli: Mela għandek il-kuġini hawn? Kont għedtlu li l-kuġini ta’ missieri kienu emigraw lejn Belfast qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija u wieħed minnhom huwa qassis. Niftakar li kien qalli: “Jimporta niltaqa’ magħhom?” Dak kien Karl Gouder.

Jien minn hawnhekk insellem lill-ġenituri, il-familjari tiegħu u l-ħbieb. Qed nara diversi nies min-naħa tal-Partit Nazzjonalista li kollha jafu lil Karl sew, żgur iktar minni. Nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex, jekk jogħġobha, twassal il-kondoljanzi lill-familja flimkien mat-traskrizzjoni ta’ din il-parti tas-seduta. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear)

 

Electoral History

Eleventh Legislature (2008 - 2013)
Link to Member's page in legislature
Co-opted 29.04.2010
Oath of Allegiance: 29.04.2010
Dissolution of Parliament: 07.01.2013

Electoral Districts

Twelfth Legislature (2013 - 2017)
Link to Member's page in legislature
Co-opted 05.04.2016
Oath of Allegiance: 06.04.2016
Dissolution of Parliament: 01.05.2017

Electoral Districts

Thirteenth Legislature (2017 - 2022)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 06.06.2017
Oath of Allegiance: 24.06.2017
Dissolution of Parliament: 20.02.2022

Electoral Districts