Skip to main content
Language: mt  | Contact Us | Search

Language: mt  | Contact Us | | Search

Mr Joe Grima

Commemoration Booklet

TIFKIRA TA’ JOE GRIMA FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

 

4 ta' Frar 1936 - 3 ta’ Frar 2017

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn l-4 ta’ Ottubru 1976 u l-20 ta' Jannar 1992

Joe Grima

Ġurament ta' Lealtà

 

L‑Ewwel Diskors ta’ Joe Grima fil‑Kamra tad‑Deputati Parlament ta’ Malta

 

ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 16 TAL‑4 TA’ JANNAR 1977 IR‑RABA’ PARLAMENT L‑EWWEL SESSJONI

 

ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR ENEMALTA

 

ONOR. JOE GRIMA: Mr Speaker, il-liġi li għandna quddiemna hija waħda illi bħal diversi liġijiet oħra illi ressaq u għadda minn dan il-Parlament il-Gvern Laburista fil-ħames snin li għaddew, se ssaħħaħ l-infrastruttura ta’ pajjiżna. U jiena qgħadt nisma’ lill-Onor. Felice jitkellem u … (Interruzzjonijiet)  Le, tista’ tinterrompi, tħabbilx rasek. Qgħadt nisma’ lill-Onor. Felice jitkellem u laqtuni żewġ affarijiet illi kont smajthom qabel f’din il-Kamra fil-bidu ta’ din il-Leġiżlatura. Semma l-verità u għamel plejtu fuq il-verità. U donnu l-Onor. Felice ried jinsinwa illi l-Ministru ma kienx qiegħed jgħid il-verità kollha fiċ-ċirkostanzi li kien qiegħed jitkellem fuqhom. Ħarġet din ir-riflessjoni ta’ Dr Felice meta kien qiegħed jitkellem fuq ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-Libja.

Jien naħseb, Mr Speaker, illi jekk hemm suġġett li l-Oppożizzjoni tagħmel sewwa li ma tkomplix issemmih huwa proprju r-relazzjoni ta’ pajjiżna mal-Libja. Għaliex l-Oppożizzjoni, fil-ħames snin li għaddew, u speċjalment meta din ir-relazzjoni mal-Libja bdiet tidher ċara u bdiet tissaħħaħ, tant kienu konfużi fl-attitudini tagħhom lejn dak li kien qiegħed jagħmel il-Gvern Laburista, illi parti minnhom ma tkellmet xejn u parti oħra marret u bi kliem iebes attakkat lill-Prim Ministru għar-relazzjoni li kien qiegħed jistabbilixxi mal-President Gaddafi. Ir-riżultati illi ħalliet din ir-relazzjoni mal-Libja, illum, juru kemm l-Oppożizzjoni gidbet lill-poplu Malti fil-passat u kemm il-poplu Malti apprezza dawn ir-relazzjonijiet għaliex il-poplu wera illi ma emminx dak kollu li kienet qiegħda tgħid l-Oppożizzjoni u reġa’ ta l-fiduċja mhux fuq dan l-issue biss – ċertament fuq oħrajn – imma dan kien wieħed mill-issues illi l-Oppożizzjoni baqgħet titkellem fuqu sal-aħħar fl-elezzjoni li għaddiet.

Qalilna wkoll illi ma jridx jara illi l-poplu Malti, il-Gvern Malti, isir subservient lejn il-Gvern Libjan. Aħna, Sur President, bħala Gvern għandna record tant tajjeb illi m’għandniex għalfejn noqogħdu nħarsu lura lejn iż-żmien meta kien hemm in-naħa l-oħra fil-Gvern. Waqqafna pajjiż ġdid, għamilna l-pedamenti għal Malta ġdida, Malta ġdida illi ġiet aċċettata mill-poplu tagħna, waqqafna sistemi ġodda, bdejna l-pedamenti, allura żgur m’għandux ikun illi aħna nħarsu lura u nqabblu dak li qegħdin jgħidu llum ma’ dak illi kien hemm il-bieraħ. Imma żgur ukoll illi l-inqas nies li għandhom jitkellmu fuq min hu subservient lejn pajjiżi barranin, huma l-Oppożizzjoni tal-lum. Fi żmienhom kellna Malta illi kienet seftura tal-Ingilterra, u mhux biss seftura tar-Renju Unit, imma seftura tal-ħbieb tal-Ingliżi. M’hemmx għalfejn noqogħdu nidħlu f’dettalji li ma jikkonċernawniex illum, imma ma jiġux nies bħal Dr Felice u jgħidulna llum li bir-relazzjonijiet tagħna mal-Libja qed inkunu subservient jew hemm ċans li xi darba nkunu subservient lejn pajjiż barrani. Ir-relazzjonijiet tagħna mal-Libja huma relazzjonijiet bejn l-aħwa, huma relazzjonijiet bejn popli li jifhmu lil xulxin, li għandhom l-istess għanijiet, li l-għan tagħhom hu li jgħixu fil-paċi mingħajr il-qligħ mill-armamenti, li jemmnu fil-konvinzjoni u fil-persważjoni u mhux fil-qligħ mis-suldati. Ir-relazzjonijiet tagħna ma’ dan il-pajjiż tawna vantaġġi kbar, tawna vantaġġi li nistgħu ngħidu li għadna fil-bidu. Għada pitgħada dawn ir-relazzjonijiet għad jiżviluppaw iktar u kif qal l-istess President Gaddafi u kif qal il-Prim Ministru, fiż-żmien li l-President kien hawn, dawn ir-relazzjonijiet iridu jissaħħu, iridu jingħaqdu iżjed, iridu jersqu lejn xulxin iżjed, u jridu jinfirxu iżjed, mhux biss lejn il-Libja, imma lejn pajjiżi oħra Għarab. It-target tal-Gvern Laburista huwa li jara l-Mediterran baħar ħieles ….

MR SPEAKER: Jiddispjaċini, ikolli ninterrompik.  Il-prinċipju enunzjat fl-Abbozz ta’ Liġi huwa li …

ONOR. JOE GRIMA: Se niġi għalih, Mr Speaker.

MR SPEAKER: … friegħi tal-enerġija jiġu inklużi f’korporazzjoni waħda.

ONOR. JOE GRIMA: Se niġi għalih.

MR SPEAKER: Dak hu s-suġġett. Please!

ONOR. JOE GRIMA: It-target tal-Gvern Laburista huwa li jara lill-Mediterran baħar ħieles, u f’dan ir-rispett aħna u l-Libjani ninsabu magħqudin.

Din hija liġi, kif għidt fil-bidu, li ssaħħaħ l-infrastruttura ta’ pajjiżna, imma aħna l-infrastruttura saħħaħniha f’diversi aspetti tal-ħajja soċjali. Saħħaħna l-infrastruttura industrijali fil-pajjiż, u din il-liġi tirrifletti dan it-tisħiħ. Il-liġi stess titkellem fuq il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-Korporazzjoni l-ġdida. Dan hu prinċipju li aħna, bħala partit u bħala Gvern, nemmnu fih u nwettquh bħalma wettaqnih fil-passat. Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema mhijiex dik li jinterpretaw in-naħa l-oħra, mhijiex forma ta’ board of management. Hija parti mit-twemmin tal-Partit Laburista espressa f’diversi okkażjonijiet, f’diversi nħawi, li l-ħaddiem irid ikollu ċ-ċans, l-opportunità li jesprimi ruħu, illi jgħid tiegħu, illi l-leħen tiegħu jinstema’ f’dawk l-inħawi fejn ikunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet. U f’din il-liġi għandna parti li tagħti l-opportunità lill-ħaddiema ta’ Enemalta li jesprimu dak li jidhrilhom fuq it-tmexxija tal-azjenda tagħhom.

Saħħaħna wkoll l-infrastruttura Ewropea u Mediterranja.  Ħloqna ordni ġdida. Ressaqniha f’Helsinki u llum dan kollu beda t-triq biex Malta tieħu postha.

Din il-liġi, Mr Speaker, ġiet proposta mill-Gvern biex tgħaqqad diversi servizzi li kienu jeżistu qabel, u permezz ta’ din l-għaqda u din is-saħħa, l-affarijiet ikunu jistgħu jimxu aħjar.

L-istess, kif għidna fuq liġijiet oħra illi għaqqdu f’korporazzjonijiet azjendi diversi, waħda mill-ewwel affarijiet li se tagħmel din il-liġi hija li se tipprovdi biex dawk li huma kontabilità pubblika, audit, tariffi u spejjeż, ikunu komuni għat-tliet servizzi li qed tiġbor fiha Enemalta.

L-istess, tkellimna fuqu, il-liġi tipprovdi għall-kontroll tal-Parlament fuq estimi, riżultati finanzjarji u rapporti. Tipprovdi wkoll għal management committees u dak li semmejna diġà, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

Barra minn hekk, biċ-ċentralizzazzjoni f’Enemalta tas-servizzi li kien hemm provduti qabel, se jiġu mgħaqqdin flimkien biex b’hekk diversi servizzi illi forsi kienu duplikati, li kienu qegħdin isiru minn setturi, sezzjonijiet differenti imma ugwali u simili fit-tliet azjendi, issa jibdew isiru flimkien. 

Hemm diversi affarijiet, Mr Speaker, ġodda u sbieħ li din il-liġi qiegħda tressaq quddiemna. Diversi affarijiet, meta tarahom fil-kumpless tagħhom, issib illi Enemalta se tipprovdi servizzi simili bħal dawk li ġew provduti minn korporazzjonijiet oħra, imma differenti minnha, f’setturi oħra tal-ħajja Maltija. Aħna rajna diġà illi korporazzjonijiet illi waqqaf il-Gvern ħadmu tajjeb, imxew tajjeb u llum diġà qegħdin jibnu fuq il-bidu li tajnihom aħna.

Hemm diversi skopijiet f’din il-liġi li minnhom jidher ċar u diġà, li dawk is-servizzi li se tirraggruppa flimkien, se jagħtu, se jkunu aktar effiċjenti, se jkunu, għall-pubbliku, aktar disponibbli u se jkunu flimken miġbura f’enti li qiegħda hemm biex taqdi lill-pubbliku.

Min-naħa l-oħra, Mr Speaker, l-Oppożizzjoni tipprova dejjem tkeskes biex il-Gvern joħroġ il-prezzijiet li bihom qed jixtri ż-żejt. Biss, s’issa, il-Gvern deherlu li dawn il-prezzijiet għandu jżommhom għalih. L-importanti li joħroġ minn dan il-fatt huwa wieħed: li permezz ta’ dak il-qligħ li qed isir jew li jista’ jsir minn fuq ix-xiri u l-bejgħ taż-żejt, il-pajjiż qiegħed jiġbor somom ta’ flus li flok iżommhom għalih u jħallihom fil-kexxun, qiegħed iqassamhom lill-poplu permezz ta’ bonuses, permezz ta’ sussidji, permezz ta’ ħwejjeġ li jaġevolaw lill-poplu tagħna.  Spiċċa ż-żmien meta tkun trid tqassam u biex tqassam trid tissellef.

ONOR. VINCENT TABONE: Tgħolli t-taxxi.

ONOR. JOE GRIMA: Spiċċa ż-żmien meta dak li tagħti trid tipprova tieħdu bil-goff minn qabel. Illum, il-Gvern jippjana kif jiffranka, jippjana kif jaqla’ iżjed ħalli dak il-qligħ li jkun għamel iqassmu lura lill-poplu tiegħu.

Dawn huma l-prinċipji Mr Speaker, illi aħna nemmnu fihom.  Huma prinċipji illi joħorġu mill-esperjenza tagħna; esperjenza ħafna drabi iebsa u qarsa, iżda li lilna għallmitna diversi affarijiet. Ċertament għenitna biex insaħħu dak li dejjem emminna fih, illi bħala poplu, bħala partit u bħala Gvern, aħna għandna nċekknu kemm jista’ jkun il-gap illi teżisti bejn il-kbir u ż-żgħir, bejn is-sinjur u l-fqir. Permezz ta’ korporazzjonijiet ta’ din ix-xorta, illi mhux biss jagħtu servizz aħjar, imma bir-razzjonalizzazzjoni tax-xogħol tagħhom, tal-oqsma tagħhom illi huma ugwali u simili, dan il-pajjiż ikun jista’ jimxi aktar ’il quddiem. Mr Speaker, ’il quddiem għad insibu quddiemna diversi korporazzjonijiet ta’ din ix-xorta. Kulma qegħdin nagħmlu llum huwa li nipproponu t-twelid ta’ korporazzjoni ġdida għal servizz aħjar tal-poplu tagħna. (Applaws)

Condolences (4 Feb 1936 - 3 Feb 2017)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 483 tat-Tnax-il Leġislatura tal-Erbgħa 15 ta' Frar 2017

KONDOLJANZI

MR SPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Ngħaddu għall-kondoljanzi tas-Sur Joe Grima li miet fl-età sabiħa ta’ kważi 80 sena nhar it-3 ta’ Frar, 2017. Kif saret konswetudni f’dan il-Parlament, ħriġna ktejjeb ta’ tifkira għal din l-okkażjoni u se nqassmu kopja lill-Membri Parlamentari u lill-membri tal-familja tiegħu. F’dawn il-ktejjeb hemm l-ewwel diskors li għamel Joe fil-Parlament wara li ġie elett għall-ewwel darba. Insellem lill-membri tal-familja tiegħu u nistieden lill-Prim Ministru biex jagħti l-kondoljanzi tiegħu.

ONOR. JOSEPH MUSCAT (Prim Ministru): Sur President, jisgħobbija ngħid li ġeneralment il-persuni li nagħmlu l-kondoljanzi tagħhom ma nkunx nafhom personalment, b’eċċezzjoni ta’ xi wieħed jew tnejn. Illum hija waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet u għaldaqstant tlabt li t-tifkira ta’ Joe Grima nagħmilha jien.

Joe Grima huwa diffiċli li tqiegħdu f’kaxxa waħda għax kien politiku, kien xandar u kien bniedem eklettiku għall-aħħar. Kien ukoll bniedem kontroversjali u ma kienx jiddejjaq jesprimi l-opinjoni tiegħu. Nistqarr li l-ewwel barxa tiegħi miegħu kienet meta kont żgħir ħafna u n-nanna tiegħi kienet ġegħlitni nattendi mass meeting tal-Partit Laburista. Dakinhar Joe kien impressjonani bil-mod aħrax li kien tkellem bih, bir-riżultat li kien aktar begħedni milli qarrabni għall-politika! Niftakar li mbagħad, xi 18-il sena wara, kelli diskursata franka ħafna miegħu dwar dak il-mass meeting li kien għamel fil-Mellieħa u konna anke tkellima dwar il-viżjoni tagħna tal-politika.

Fil-verità l-ewwel li ma sirt naf lil Joe kien meta ma kienx għadu qrib il-Partit Laburista qabel ma mbagħad reġa’ rritorna lura. Il-punt li nislet minn dan kollu huwa li matul il-karriera politika tiegħu Joe qatt ma ddejjaq jgħid dak li jaħseb, anzi kien a free thinker. Joe kien bniedem li l-ideali tiegħu kien iżommhom fl-għoli ħafna.

Joe Grima kien ukoll bniedem li jġiegħlek tisimgħu, l-aktar meta kien fetaħ ir-radju privat tiegħu. Niftakar kien jagħmel programmi maratona. Kważi kważi llum lanqas tgħaddillek minn moħħok li toqgħod tisma’ fuq ir-radju bniedem jitkellem għal xi tliet sigħat jew erba’ sigħat fuq xulxin però hu kien jirnexxielu jagħmilha kważi mingħajr interruzzjoni. Mhux talli hekk, talli kont tieħu pjaċir tisimgħu, anke jekk ma kontx taqbel miegħu.

Naħseb li din il-kwalità komunikattiva tiegħu baqgħet magħrufa, mhux biss fuq ir-radju imma anke fuq mezzi oħra tax-xandir. Fil-fatt, naħseb li Joe kien wieħed mill-ftit nies li jista’ jgħid li kellu preżenza fi spectrum wiesa’ tax-xandir politiku f’pajjiżna u kien x’kien l-istazzjon li kien ixandar fuqu, dejjem kellu min isegwih, mhux biss biex jara l-intervisti tiegħu ma’ nies oħra imma anke biex jara x’kien jaħseb hu.

Mil-lat politiku nemmen li dak li għamel Joe Grima f’dak li għandu x’jaqsam max-xandir ftit li xejn huwa dokumentat; huwa dokumentat parzjalment fil-ktieb ta’ Remiġ Sacco fuq ix-xandir f’Malta u fil-ktieb li għadu kif ippubblika Toni Sant dwar iż-żmien tar-rediffusion li kien ukoll iż-żmien meta Joe kien jokkupa kariga ta’ Kap Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità tax-Xandir, kariga li permezz tagħha fforma mhux ħażin il-landscape tax-xandir ta’ dak iż-żmien.

Qed nagħmel ħafna enfasi fuq il-kwalità komunikattiva tiegħu għax naħseb li din hija kwalità li kompla jġorrha miegħu anke bħala politiku, speċjalment meta kien ministru għat-turiżmu. Fil-fatt, naħseb li Joe kien l-ewwel ministru tat-turiżmu f’pajjiżna li ħa fuq spalltu l-mantell ta’ salesman, biex ngħidu hekk. Huwa kien joħroġ il-pajjiż ’il barra fi żmien meta l-internet ma kienx jeżisti; fi żmien meta għall-ewwel darba kienu feġġew stazzjonijiet privati f’pajjiżi li llum huma s-swieq tagħna. U dan għaliex Joe kien ħares lejn dawn il-mezzi bħala mezz ta’ kif nattiraw aktar nies lejn pajjiżna!

Pereżempju Joe kien wieħed minn tal-ewwel li nduna bil-potenzjal kbir li kellhom l-istazzjonijiet televiżivi Taljani ta’ Berlusconi, il-Mediaset. Din kienet xi ħaġa li kont tkellimta miegħu mhux ħażin u nista’ ngħid li Malta kienet fost l-ewwel sponsors istituzzjonali ta’ dawn l-istazzjonijiet. Prattikament isem pajjiżna kien beda jiġi reklamat fuq dawn l-istazzjonijiet biex nilħqu swieq fit-tramunata tal-Ewropa u fit-tramuntana tal-Italja stess, liema swieq kienu għadhom magħluqin dak iż-żmien. Nemmen allura li din l-inventiva kienet xi ħaġa importanti ħafna.

Sur President, kważi erba’ snin ilu jien kont stedintu biex ikun ir-rappreżentant ta’ Malta għall-World Tourism Organisation (WTO). Huwa kien aċċetta u dan l-irwol kien ħadu b’serjetà kbira. Kien anke beda jaħdem fuq inizjattivi tajbin ħafna b’rabta mas-sigurtà, mal-Mediterran u mal-qasam turistiku bil-għan li l-istil ta’ ħajja tan-nies jitjieb. Sfortunatament però din l-avventura spiċċat qabel iż-żmien għax kif diġà għedt, Joe ma kienx jiddejjaq jesprimi l-opinjoni tiegħu u minħabba f’hekk, kienu nqalgħu xi kontroversji b’konsegwenza ta’ xi kummenti li kien għamel. Niftakar kelli diskussjonijiet miegħu fejn kont urejtu li ma kontx qed naqbel ma’ ċerti kummenti li kien qiegħed jagħmel però taqbel jew ma taqbilx miegħu, tal-inqas kont tkun taf fejn qiegħed miegħu.

Sur President, jien lil Joe Grima nafu bħala ġentlom, bħala bniedem ġentili u li jagħtik qalbu. Għalhekk, kemm bħala Prim Ministru, kemm bħala Mexxej tal-Partit Laburista u aktar u aktar personalment, nagħti l-kondoljanzi lill-familja kollha tiegħu. Żgur li bħala Partit Laburista se nkunu qed inħossuh in-nuqqas tiegħu. Nirringrazzjak.

MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Mario de Marco.

ONOR. MARIO DE MARCO: Sur President, din it-tradizzjoni li nfakkru l-memorja ta’ eks deputati parlamentari u nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familjari tagħhom hija abbinata wkoll mal-pubblikazzjoni tal-ewwel diskors li jkunu għamlu fil-Parlament. Ħafna drabi mill-ewwel diskors ta’ deputat tinduna x’jirrappreżenta u fl-ewwel diskors tiegħu, Joe Grima, wara li ġie elett fl-elezzjoni tal-1976, kien tkellem dwar diversi affarijiet li huma għall-qalbi. L-ewwel nett kien tkellem fuq il-Mediterran, tema li fl-affarijiet barranin minn dejjem għaqqditna bħala pajjiż, imbagħad kien tkellem dwar ir-relazzjonijiet ta’ pajjiżna mal-Libja li dak iż-żmien kienu pjuttost kontroversjali, kien tkellem fuq kwestjonijiet li kellhom x’jaqsmu mal-korporazzjonijiet, fosthom l-Enemalta, u kien tkellem fuq l-għajxien tal-ħaddiema.

Lil Joe Grima kelli l-opportunità li nsir nafu f’żewġ vesti differenti. L-ewwel nett sirt nafu fil-vesti tiegħu ta’ ministru għat-turiżmu. B’rabta ma’ dak li qal il-Prim Ministru dwar Joe Grima meta kien il-ministru responsabbli mill-qasam tat-turiżmu fis-snin tmenin, inżid ngħid li dawk ma kinux snin faċli għal Malta u lanqas għall-ekonomija dinjija u ħafna drabi, meta jkollok reċessjoni ekonomika dinjija, wieħed jinjora s-swieq li jkunu l-aktar viċin tiegħu. Dak iż-żmien is-swieq prinċipali ta’ pajjiżna kienu s-suq Ġermaniż u s-suq Ingliż però l-aktar suq viċin tagħna ovvjament huwa s-suq Taljan.

Joe Grima, fil-vesti tiegħu ta’ ministru għat-turiżmu, kien irnexxielu jikkonvinċi l-organizzaturi tal-Festival Bar biex għall-ewwel darba dan il-festival mużikali minflok jagħmluh fl-Italja jagħmluh f’Malta. L-idea kienet li dan jixxandar mal-istazzjonijiet tal-Canale 5, dak iż-żmien, u awtomatikament inkunu qed nippromwovu lil pajjiżna madwar l-Italja kollha. Hawnhekk wieħed jara l-moħħ innovattiv li kellu Joe Grima f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika. Wieħed jara wkoll l-idea li kellu li ma nibqgħux dipendenti fuq is-swieq tradizzjonali tagħna imma niftħu ruħna għal swieq li għax kienu viċin tagħna ħafna drabi injorajniehom.

Lil Joe kont nafu wkoll fil-vesti tiegħu ta’ xandar. Niftakar li ġieli pparteċipajt fil-programm tiegħu ‘Opinjonisti’ li kien jagħmel fuq in-NET Television. Joe ma kellux kantuntieri u dejjem kien jgħid l-affarijiet kif kien jaħsibhom. Għaldaqstant kont nieħu gost nipparteċipa fil-programm tiegħu, li dejjem kien tematiku. M’għandix dubju però li ma kenitx faċli għalih li jippreżenta programm fuq in-NET Television u nimmaġina li kellu reazzjoni minn diversi nies però dan kien frott tal-politika ta’ liberizzazzjoni li konna għamilna aħna.

Irrid ngħid li Joe Grima kien beda jippreżenta dan il-programm fuq in-NET Television fiż-żmien meta pajjiżna kien qed jara jekk għandux jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Joe kien ċar ħafna fid-diskors tiegħu u dejjem qal li bħala persuna b’valuri soċjodemokratiċi kien jemmen li pajjiżna għandu jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Forsi kien għalhekk li ma kienx qed jaqbel mat-tmexxija Laburista ta’ dak iż-żmien. Kienx hemm affarijiet oħrajn ovvjament ma nafux però kien qal ċar u tond li aktar minn Laburista huwa kien soċjaldemokratiku u għalhekk, kien jemmen li pajjiżna postu huwa fl-Ewropa.

Sur President, kemm huwa importanti li jkollna politiċi li ma jimxux man-norma! Ġimgħa ilu fakkarna l-memorja ta’ Rokku Abdilla u bħal Joe, kien Deputat Laburista iżda meta ġejna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea kien fuq in-naħa li pajjiżna għandu jidħol fl-Unjoni Ewropea. Jiġifieri qed nikkomemoraw żewġ deputati li ġew mill-kamp Laburista però ma beżgħux jagħtu l-opinjoni tagħhom, anke jekk forsi setgħu weġġgħu xi nies li kienu segwaċi tal-Partit li huma kienu jħaddnu. Dawn in-nies urewna li mhux bilfors għandna niġbdu dejjem the party line, anzi meta jkun hemm affarijiet li ma naqblux magħhom kważi kważi għandna nqumu u nitkellmu. B’daqshekk ma nkunux qed niksru d-dixxiplina tal-partit imma nkunu qed nirriflettu dak li nemmnu fih.

Fis-snin disgħin il-Gvern Nazzjonalista kien illiberalizza l-airwaves u Joe Grima kien minn tal-ewwel li fetaħ stazzjon tar-radju tiegħu. Ilkoll niftakruh il-Live FM. Madanakollu, konsegwenza tal-fatt li l-affarijiet kien jgħid kif jaħsibhom, kien bata daqsxejn dak iż-żmien. Fil-fatt, bata għal-libertà tal-istampa, bata għal-libertà tal-espressjoni u l-post fejn kien hemm il-Live FM kien saħansitra ġie maħruq. Hawnhekk ta’ spiss inħobbu nikkwotaw il-famuża frażi ta’ Voltaire li, ‘jien nista’ ma naqbel xejn ma’ dak li qed tgħid iżda niddefendi sal-mewt id-dritt li tgħidu’ u importanti li nkomplu nħaddnu dan il-prinċipju. Wieħed jista’ ma jaqbilx ma’ dak li kien jgħid Joe Grima iżda lkoll kemm aħna rridu niddefenduh, aktar milli f’isem Joe, f’isem il-ġurnaliżmu.

Finalment irrid ngħid li Joe Grima kien ukoll Chief Executive Officer tal-Awtorità tax-Xandir fil-bidu tas-snin sebgħin. L-Awtorità tax-Xandir maż-żmien kompliet tiżdied l-importanza tagħha u llum, li għandna pluraliżmu assolut fil-qasam tax-xandir, li jkollok Awtorità tax-Xandir li tieħu ħsieb li kwalunkwe dibattitu fuq l-airwaves tagħna jkun ħaj, bilanċjat u imparzjali, huwa importanti immens għall-pajjiż.

Sur President, lil Joe Grima se nibqgħu niftakruh bħala persuna li ħaddnet u emmnet fil-valuri tal-libertà, tas-solidarjetà u fil-valur li mhux bilfors trid tkun sottomess għall-partit tiegħek. F’ismi, f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni u f’isem l-Oppożizzjoni u l-kollegi kollha tagħna nagħti l-kondoljanzi lill-familjari kollha tiegħu. Nirringrazzjak.

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sur Joe Grima kien ħabib kbir tiegħi u nista’ ngħid li fittixna ħafna lil xulxin, anke meta kien ’il bogħod mill-Partit Laburista. Anzi, ma kont niddejjaq xejn niltaqa’ miegħu għaliex kien persuna interessanti u unika.

Irrid ngħid li Joe bilfors kont tkun trid tisimgħu u tiddiskuti dak kollu li kellu f’moħħu għaliex dejjem kien jgħid dik ix-xi ħaġa li ġġiegħlek taħseb u dejjem stajt titgħallem meta tiddiskuti miegħu. Nistqarr li kemm ilni Speaker kemm-il darba lqtajt miegħu, anke b’mod privat, għaliex dejjem kien ikollu xi ħaġa li jkun irid jiddiskutiha. Kważi kważi ngħid li qatt ma kien jgħejja jaħseb! Ngħid ukoll li tant kont nemmen f’dak li jagħmel li kemm meta kien man-NET Television kif ukoll meta kien mas-Super One, stedinni fuq il-programmi tiegħu u ddiskutejna affarijiet bl-aktar mod liberu.

Ta’ min jgħid li anke Dom Mintoff kien rah speċjali lil Joe Grima għax qabel ma sar ministru kien għamlu special envoy u kien jibagħtu l-Iraq, l-lran u fil-Mediterran kollu. Jiġifieri kien persuna valida ħafna. Fil-fatt, meta smajt bil-mewt tiegħu ħassejt li Malta kienet tilfet persuna li tat kontribut kemm fil-pajjiż kif ukoll fil-Parlament. Biss biss għamel mill-1976 sal-1992 fil-Parlament.

Ningħaqad mal-ħsibijiet tal-Prim Ministru u l-Onor. Mario de Marco u nagħti l-kondoljanzi tiegħi lill-membri tal-familja tiegħu li qegħdin hawnhekk magħna. Se nieħu ħsieb li l-Iskrivan tal-Kamra jwassalilhom il-kondoljanzi tagħna bil-miktub. Nirringrazzjakom.

Electoral History

Fourth Parliament:

Elected on: 19.10.76
Oath of Allegiance: 24.11.76
Dissolution of Parliament: 9.9.81

 

Fifth Parliament:

Elected on: 12.12.81
Appointed Minister for Industry and Commerce: 1981
Oath of Allegiance as Member: 15.2.82
Appointed Minister for Tourism: September 1983
Ceased as Minister: 7.5.87

 

Sixth Parliament:

Elected on: 9.5.87
Oath of Allegiance: 9.7.87
Dissolution of Parliament: 15.1.92

Fourth Legislature (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 04.10.1976
Oath of Allegiance: 24.11.1976
Dissolution of Parliament: 09.11.1981
Fifth Legislature (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 18.12.1981
Oath of Allegiance: 15.02.1982
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Positions
Sworn in as Minister of Industry - 19.12.1981
Ceased: 01.09.1983
Sworn in as Minister of Tourism - 02.09.1983
Dissolution of Parliament: 13.02.1987
Sixth Legislature (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Elected on: 13.05.1987
Oath of Allegiance: 09.07.1987
Dissolution of Parliament: 20.01.1992