Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Membri tal-Parlament

KODIĊI TAL-ETIKA TAL-MEMBRI TAL-PARLAMENT

KAMRA TAD-DEPUTATI

MALTA

ĠUNJU 1995


DAĦLA

F'Mejju 1995, il-Parlament għadda liġi li emendat l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati u, fost ħwejjeġ oħra, addotta għall-ewwel darba, Kodiċi ta' Etika għall-Membri tal-Kamra.

Dan il-Kodiċi ta' Etika jistabbilixxi regoli ta' mġieba korretta li l-Membri tal-Kamra stess qegħdin jipproponu li josservaw bħala rappreżentanti eletti li qegħdin iservu lil pajjiżhom fl-ogħla istituzzjoni demokratika. Naturalment, m'hemm xejn ġdid fir-regoli ta' mġieba korretta li jsemmi l-Kodiċi, għaliex kull membru kien minn dejjem mistenni li jġib ruħu skond id-dinjita' ta' l-istituzzjoni li fiha huwa qiegħed iservi. Li hu ġdid, huwa l-fatt illi dawn ir-regoli ġew kodifikati b'mod illi l-opinjoni pubblika issa għandha mezz ieħor li jsaħħaħ il-poter ta' l-iskrutinju u li jesiġi aktar responsabbilta'.

Il-Kodiċi jintroduċi wkoll Reġistru li se jkun jiġbor fih informazzjoni personali li tkun ġiet miġbura mingħand kull Membru Parlamentari u li sal-lum ma kenitx aċċessibbli għall-pubbliku.

Jiena konvint, illi l-qbil unanimu tal-Membri Parlamentari għall-emendi għall-Ordinanza dwar il-Privileġġi, huwa sinjal ċar tad-determinazzjoni li teżisti fost ir-rappreżentanti eletti, illi huma jġibu ruħhom bl-aktar mod korrett waqt li jkunu qegħdin jaqdu d-doveri tagħhom lejn il-poplu li eleġġihom. Ċertament, b'dawn l-emendi, il-Parlament Malti għamel pass ieħor 'il quddiem fil-mixja tiegħu biex isaħħaħ il-valuri demokratiċi f'pajjiżna - proċess li ma jispiċċa qatt u li jrid ikompli jiżviluppa matul is-snin.

L. Gonzi

Speaker

Kamra tad-Deputati

30 ta' Ġunju 1995

 

KODIĊI TA' ETIKA TAL-MEMBRI TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI


(Il-kelma "Membru" għandha tittieħed li tapplika kemm għall-ġens maskil kif ukoll għall-ġens femminil. Kopja tar-Reġistru li għalih hemm referenza f'paragrafu 5 tidher bħala Appendiċi.)

  1. Membru tal-Kamra tad-Deputati għandu f'kull waqt, sew jekk ġewwa jew barra l-Kamra, iġib ruħu b'mod li jkun jixhed għall-istatus u dinjita' tal-Kamra tad-Deputati.
  2. Membru tal-Kamra tad-Deputati għandu jkun konformi ma' l-ispirtu u l-ittra tar-Regoli tal-Kamra tad-Deputati u mar-regoli tal-kumitati tagħha kif debitament imwaqqfin bl-iStanding Orders tal-Kamra jew ma' kull riżoluzzjoni li tiġi approvata mill-Kamra tad-Deputati.
  3. Membru tal-Kamra tad-Deputati ma jista' jirċievi ebda ħlas jew kumpens ta' liema xorta jkun għax-xogħol tiegħu bħala Membru tal-Kamra tad-Deputati, ħlief ir-rimunerazzjoni uffiċjali tiegħu bħala Membru.
  4. Filwaqt li Membru tal-Kamra tad-Deputati għandu d-dmir li jwassal l-ilmenti tal-kostitwenti tiegħu u li jagħmel rappreżentanzi f'isimhom lill-awtoritajiet tal-Gvern, mhuwiex mistenni li l-Membru jagħmel xi influwenza mhux xierqa, theddid jew pressjoni li m'għandhiex issir fit-twettiq ta' dmirijietu.
  5. Kull Membru tal-Kamra tad-Deputati għandu ta' kull sena biż-żmien stabbilit mill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati jindika f'reġistru li jinżamm għal dan l-għan mill-iSpeaker, u liema reġistru jkun miftuħ għall-ispezzjoni tal-pubbliku:
    1. x'ikun ix-xogħol jew il-professjoni tiegħu, u jekk ikun impjegat, x'jismu min jimpjegah;
    2. il-proprjeta' immobbli tiegħu, dik tal-konjuġi jekk ikun hemm il-komunjoni ta' l-akkwisti, dik ta' l-ulied tiegħu ta' taħt l-eta' kif ukoll, jekk ikun hekk jixtieq, il-mod kif din tkun inkisbet u kif tkun qiegħda tiġi wżata;
    3. azzjonijiet f'investimenti ta' kumpanniji kummerċjali inklużi flus depożitati fil-banek u kull xort'oħra ta' interess finanzjarju;
    4. pożizzjonijiet ta' direttur u dawk oħra f'kumpanniji kummerċjali, assoċjazzjonijiet, boards, soċjetajiet koperattivi jew kull grupp ieħor ukoll jekk dawn ikunu għaqdiet volontarji;
    5. Membru tal-Kamra tad-Deputati li jkollu interess professjonali, inklużi konsulenza dwar interess ta' xogħol, tmexxija jew kull għamla ta' konnessjoni, sew finanzjarja jew mod ieħor, ma' persuni, gruppi jew kumpanniji li għandhom interess dirett f'xi leġislazzjoni li l-Kamra jkollha quddiemha, għandu jiddikjara l-interess tiegħu fil-Kamra, ma' l-ewwel opportunita', qabel ma jittieħed vot fit-Tieni Qari ta' l-Abbozz;
    6. Membru tal-Kamra tad-Deputati ma għandux jaċċetta rigali mingħand persuni, gruppi jew kumpanniji li kellhom xi interess dirett jew indirett f'leġislazzjoni li tkun quddiem il-Kamra tad-Deputati;
    7. Membru tal-Kamra tad-Deputati ma għandu jaċċetta ebda onorarju għal xi diskors, kitba jew pubblikazzjoni, jew attivita' oħra bħal dawk mingħand xi persuna, organizzazzjoni jew kumpannija b'żieda iktar fuq il-valur li s-soltu u b'konswetudni jingħata għal dawk is-servizzi;
    8. Membru tal-Kamra tad-Deputati, li jkun għamel żjara barra minn Malta, li tkun ġiet imħallsa kollha kemm hi jew f'parti minnha minn xi persuna, grupp jew kumpannija li jkollha interess dirett f'leġislazzjoni li tkun quddiem il-Kamra, għandu jiddikjara dak il-fatt f'reġistru miżmum mill-iSpeaker għal dak l-għan u li jkun miftuħ għall-ispezzjon tal-pubbliku;
    9. huwa mistenni li Membru tal-Kamra tad-Deputati jirrapporta lil-iSpeaker u lill-awtoritajiet kompetenti kull tentattiv ta' korruzzjoni, pressjoni jew influwenza li m'għandhiex issir, minn terzi u li tkun maħsuba biex tinfluwenza l-imġieba tiegħu bħala Membru.
  6. Filwaqt ta' xogħol professjonali, okkupazzjonali jew kummerċjali ma għandha ssir ebda referenza għal sħubija bħala Membru tal-Kamra tad-Deputati li b'xi mod tista' tagħti lil xi Membru vantaġġ mhux xieraq.

 

adobereaderlogo.png