Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika


Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi

 

Office of the Commissioner for Standards in Public Life
11, St Paul's Street
Valletta VLT 1210

Tel.: 27 269 593
Email: [email protected]
Website: www.standardscommissioner.com

 

Curriculum Vitae

Twieled l-Isla fit-8 ta’ April 1955, iben il-mejtin Michael u Mary née Azzopardi. Attenda l-iskejjel primarji u sekondarji tal-gvern u l-Università ta’ Malta fejn iggradwa bħala avukat fl-1979. Ingħata l-warrant biex jeżerċita l-professjoni fil-11 ta’ Jannar 1980.


Dejjem ipprattika bħala avukat fil-qorti u kien ukoll konsulent legali ta’ diversi korporazzjonijiet pubbliċi bħal Lohombus Bank u l-Awtorità għat-Trasport. Kien ukoll l-ewwel president tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet taż-Żgħażagħ fl-1980. Kien direttur tal-Mid Med Bank bejn l-1980 u l-1987 u fil-bord tal-Awtorità tad-Djar bejn l-1997 u l-2003. Bejn l-1997 u l-2003 kien ukoll Kummissarju għall-Ġustizzja. Ġie elett bħala membru tal-Kumitat tal-Kamra tal-Avukati fl-1998 u bħala president tal-istess Kamra fis-sena 2000. Baqa’ jservi f’din il-kariga sakemm inħatar imħallef.


Inħatar Imħallef tal-Qrati Superjuri fit-23 ta’ Mejju 2003. Serva fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (fejn inħatar president tas-sezzjoni fl-2009), fil-Qorti tal-Familja u fis-Sekond Awla tal-Qorti Ċivili. Fi Frar tas-sena 2013 ġie maħtur mill-Prim Imħallef biex iservi fil-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri). Fl-2010 inħatar mill-kollegi tiegħu bħala membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u baqa’ jkun elett kull sena sakemm fl-2018 inħatar Prim Imħallef u allura baqa’ membru “ex ufficio” tal-istess Kummissjoni. Bejn l-2011 u l-2020 irrappreżenta l-Kummissjoni fil-European Network of Judicial Councils. Irtira bl-età fit-8 ta’ April 2020. Fl-2021 inħatar Chairman tal-Judicial Studies Committee.


Iżżewweġ lil Maria née Attard fl-1981 u għandu tifla, Annalies, imwielda fl-1986, issa avukat. Hija miżżewġa lil Jean Paul Muscat u għandhom żewġt itfal, Julian u Matthew.