Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Att Nru X tal-2014 - Att sabiex jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta

It-Tnax-il Leġiżlatura (2013 - 2017)


  Niżżel id-Dokument
Ippubblikat 17 April 2014

Abbozz Nru 18 - Abbozz ta’ Liġi sabiex jemenda l-Kostituzzjoni ta’ Malta

Għanijiet u Raġunijiet

L-għan ta’ dan l-Abbozz ta’ liġi huwa sabiex jemenda l-artikolu 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, Kapitolu IV, Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Individwu, disposizzjoni li tagħti protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni.


L-emenda tintroduċi b’mod immedjat protezzjoni minn diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali sabiex b’hekk ebda liġi ma tagħmel xi disposizzjoni li tkun diskriminatorja sew fiha nnifisha jew fl-effett tagħha, u ħadd ma jiġi trattat b’mod diskriminatorju minn xi persuna li taġixxi bis-saħħa ta’ xi liġi miktuba jew fil-qadi tal-funzjonijiet ta’ xi kariga pubblika jew xi awtorità pubblika abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Din l-emenda hija mistennija tipprovdi protezzjoni minn diskriminazzjoni f'oqsma
differenti tal-liġi u fil-varji esperjenzi tal-ħajja ta’ persuna. L-introduzzjoni ta’ protezzjoni fil-Kostituzzjoni tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Parlament f ’dan il-qasam; impenn li beda bl-introduzzjoni ta’ protezzjoni minn diskriminazzjoni taħt l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, l-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u Nisa u liġijiet sussidjarji magħmula taħthom, kif ukoll ir-rikonoxximent bħala reat kriminali ta’ aġir omofobiku fil-Kodiċi Kriminali.

Huwa mistenni li din l-emenda tkun mezz ta’ rimedju għal vittmi ta’ diskriminazzjoni f’oqsma li illum ma jinkludux obbligu ta’ ugwaljanza abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Dawn l-oqsma l-oħra jinkludu fosthom il-qasam tas-saħħa, edukazzjoni, integrità tal-persuna u ħajja privata.

L-emenda żżomm id-diskrezzjoni tal-Istat li jilleġiżla u jirregola ħwejjeġ ta’ liġi personali u għalhekk ma tipprovdix għal żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Ir-regolamentazzjoni ta’ dan il-qasam ta’ liġi huwa wieħed li jiddependi ħafna fuq konnotazzjonijiet soċjali u kulturali li għandhom għeruq fondi fis-soċjetà Maltija u li jirrigwardaw id-dritt għaż-żwieġ li sa llum ma jinkludiex fih dritt għal żwieġ bejn koppja ta’ l-istess sess.


L-emenda ukoll iġġib il-protezzjoni minn diskriminazzjoni fil-Kostituzzjoni eqreb lejn dik il-protezzjoni provduta fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din il-protezzjoni issir ukoll enforzabbli mill-qrati u tagħti l-poter lil vittmi sabiex ifittxu rimedju.

Mozzjoni Nru 53 - Abbozz ta' Liġi li jemenda l-Kostituzzjoni ta' Malta (Emenda Nru 1)