| Ikkuntattjana |
| Fittex

Ir-rwol prinċipali tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati hu li jżomm l-ordni waqt is-seduti tal-Kamra u li jara li r-regoli parlamentari (Ordnijiet Permanenti) ikunu rispettati. Minn żmien għal ieħor l-Ispeaker jista’ jiġi mitlub jagħti ruling f’każ li jqumu punti dwar l-applikazzjoni ta’ dawn l-Ordnijiet Permanenti, u għandu jara li l-membri jsegwu l-proċeduri b’mod korrett. L-Ispeaker ma jkollux vot oriġinali iżda jkollu vot deċiżiv fil-każ li r-riżultat f’xi vot fil-Kamra jkun wieħed indaqs. L-Ispeaker jippresjedi l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra u l-Kumitat dwar il-Privileġġi, u kull kumitat ieħor kif deċiż mill-Kamra. L-Ispeaker jokkupa l-ogħla kariga fil-Kamra tad-Deputati.
Curriculum Vitae
L-Onor. Carmelo Abela ġie elett Speaker tal-Kamra tad-Deputati fil-ftuħ tal-Ħmistax-il Leġiżlatura fl-20 ta’ Ġunju 2026, wara li f’Mejju 2026 reġa’ ġie elett Membru Parlamentari mit-Tielet Distrett Elettorali.
L-Onor. Abela ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1996. Minn dak iż-żmien ’l hawn serva f’għadd ta’ karigi parlamentari u ministerjali, fosthom bħala Assistant Whip, Deputy Speaker tal-Kamra tad-Deputati, Whip tal-Gvern, Kelliem tal-Gvern, Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, u Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Qabel daħal fil-Parlament, l-Onor. Abela ħadem fis-settur bankarju. Fl-1990 ingħaqad ma’ Mid-Med Bank Ltd, illum HSBC Bank Malta plc, fejn ħadem sa April 2014. L-aħħar responsabbiltajiet tiegħu kienu fi ħdan HSBC Life Assurance Ltd.
L-Onor. Abela beda l-ħajja pubblika tiegħu meta kkontesta l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali fl-1994 u ġie elett kunsillier, kariga li żamm sal-1996.
Huwa kkontesta l-Elezzjoni Ġenerali tal-1996 u ġie elett Membru Parlamentari. Inħatar Assistant Whip u Kaxxier tal-Grupp Parlamentari. Reġa’ ġie elett fl-1998 u serva bħala Kelliem għaż-Żgħażagħ u l-Isport, Assistant Whip, u Segretarju tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista.
Fl-2003, reġa’ ġie elett fil-Parlament u nħatar b’mod unanimu Deputy Speaker tal-Kamra tad-Deputati, kariga li żamm għal seba’ snin. Inħatar ukoll Kelliem Ewlieni għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura.
Fl-2008, reġa’ nħatar b’mod unanimu Deputy Speaker tal-Kamra tad-Deputati. Matul dik il-leġiżlatura serva wkoll bħala Kelliem Ewlieni għall-Industrija u l-Investiment Barrani u, aktar tard, għall-Politika Soċjali.
Wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013, l-Onor.Carmelo Abela nħatar Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern u serva bħala membru tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra. F’April 2014, b’deċiżjoni tal-Kabinett, inħatar ukoll Kelliem tal-Gvern.
Fid-9 ta’ Diċembru 2014, inħatar Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Il-portafoll tiegħu kien jinkludi d-difiża, il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-protezzjoni ċivili, is-servizzi tas-sigurtà, il-Pulizija, il-probation u l-parole, u l-migrazzjoni. Matul dan il-perjodu twettqu riformi u programmi ta’ investiment, inklużi diskussjonijiet u l-iffirmar ta’ ftehimiet kollettivi. Twaqqfet ukoll l-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati, li bdiet tipprovdi korsijiet u opportunitajiet ta’ taħriġ għall-membri tal-korpi rispettivi.
Matul il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-Onor. Abela ppresieda l-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u l-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, u rrappreżenta wkoll lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea f’għadd ta’ laqgħat.
F’Ġunju 2017, reġa’ ġie elett fil-Parlament u nħatar Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Bħala Ministru, attenda l-Kunsill għall-Affarijiet Barranin u l-Kunsill għall-Iżvilupp. Matul dan il-perjodu, ippresieda laqgħat ministerjali tal-Commonwealth, kabbar il-preżenza diplomatika ta’ Malta, nieda l-ewwel Strateġija Malta-Afrika, u beda u kkonkluda l-ftehim kollettiv għall-korp diplomatiku.
F’Jannar 2020, l-Onor. Abela nħatar Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b’responsabbiltajiet li kienu jinkludu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-djalogu soċjali, ix-xandir, u l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali. Dan il-perjodu ħabat mal-pandemija tal-COVID-19, fejn matul dan iż-żmien ittieħdu miżuri b’appoġġ kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema. Huwa ħa wkoll inizjattivi relatati mal-PBS u ssorvelja l-implimentazzjoni tal-manifest elettorali.
F’Marzu 2022, l-Onor. Abela reġa’ ġie elett Membru Parlamentari għas-seba’ darba konsekuttiva. Matul dik il-leġiżlatura, ippresieda l-Kumitat għall-Affarijiet tal-Familja u l-Kumitat Aġġunt għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi. Serva wkoll bħala Kap tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran.
Fid-9 ta’ Novembru 2022, l-Onor. Abela ngħaqad ma’ AquaBioTech Limited fil-Mosta bħala Chief Operations Officer.
Fl-1 ta’ Diċembru 2023, wara proċess ta’ għażla, inħatar Chief Executive Officer ta’ Central Business District Foundation, responsabbli mill-ġestjoni u l-inizjattivi relatati mas-Central Business District.
L-Onor. Abela serva wkoll f’għadd ta’ delegazzjonijiet parlamentari. F’Settembru 2013, ġie elett għal mandat ta’ tliet snin bħala Rappreżentant Reġjonali fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Commonwealth Parliamentary Association. Serva wkoll bħala Kap tad-Delegazzjoni għall-Unjoni Inter-Parlamentari, bħala membru tal-Assemblea Parlamentari tal-OSCE, bħala Kap tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, u bħala Kap tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari tan-NATO. Kien involut ukoll f’għadd ta’ Gruppi Parlamentari ta’ Ħbiberija.
Fl-1997, l-Onor. Abela segwa Diploma fil-Labour Studies fl-Università ta’ Malta, li kienet tkopri oqsma fosthom ir-riżorsi umani u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Huwa kien attiv fil-Kunsill Pastorali Parrokkjali u f’għaqdiet oħra tal-parroċċa. Kien ukoll Segretarju u membru fundatur tan-Nursery taż-Żgħażagħ ta’ Żejtun Corinthians Football Club u, għal għadd ta’ snin, serva bħala Segretarju tal-klabb.
L-Ispeaker Carmelo Abela twieled fl-10 ta’ Frar 1972. Huwa miżżewweġ lil Melanie u għandhom żewġt itfal.
Il-Ħmistax-il Leġislatura (2026 - )
