| Ikkuntattjana |
| Fittex
Data 14.08.2013
Dalgħodu l-Ispeaker tal-Parlament Malti, l-Onorevoli Anġlu Farrugia, kellu laqgħa twila mal-Ambaxxatriċi tal-Eġittu, l-Eċċellenza Tagħha s-Sinjura Magda Safwat Abdel-Hamid Baraka, fl-Uffiċċju tiegħu fil-Parlament. Fil-laqgħa, li ntalbet mill-Ambaxxatur stess, ġiet diskussa l-qagħda imwiegħra li jinsab fiha l-Eġittu bħalissa, u l-Ispeaker Malti wera s-sogħba tiegħu li f’dan il-pajjiż ġar u ħabib ta’ Malta, qed jiġri d-demm fi ġlied bejn l-istess Eġizzjani.
L-Ispeaker Farrugia tenna li l-vjolenza, tiġi minn fejn tiġi u tiġi għalfejn tiġi, qatt ma hija ġustifikata. L-elezzjonijiet demokratiċi biex jiġu eletti r-rappreżentanti tal-poplu fil-parlament huma l-unika arma li jista’ jkollu ċ-ċittadin fl-Eġittu sabiex jassigura li pajjiżu jerġa’ jkun pajjiż kwiet, stabbli u li jkompli jħaddan l-irwol ewlieni li għandu bħala intermedjarju rispettat fir-reġjun.
L-Onorevoli Farrugia aċċerta lill-Ambaxxatriċi Eġizzjana li, kif kien stqarr diġà fl-ittra li kien kiteb lill-President tal-Parlament Ewropew f’April li għadda, ftit jiem biss wara l-ħatra tiegħu fuq is-Sedja, kien se jagħmel dak kollu possibbli sabiex il-problema attwali fl-Eġittu tingħata attenzjoni xierqa mill-komunità internazzjonali. Għal dan il-għan, huwa wiegħed lill-Ambaxxatriċi Baraka illi se jqajjem it-tema fil-fora internazzjonali illi huwa se jieħu sehem fihom fil-ġimgħat li ġejjin, fosthom fil-Konferenza tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth fl-Afrika t’Isfel dan ix-xahar stess, kif ukoll fiż-żjara uffiċjali li se jagħmel fir-Rumanija f’Settembru.