Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

PR170026 - Right of reply by the Speaker – 06.01.17

Data 06.06.2017

B’referenza  għall-artikolu ntitolat  “Speaker to spend €10,000 on official cufflinks” minn Ivan Camilleri li deher f’The Times, illum, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia jixtieq jiċċara xi punti.

Fir-reklutaġġ ta’ impjegati l-Uffiċċju tal-Ispeaker għadu juża l-proċeduri applikabbli għall-impieg mas-Servizz Pubbliku.  Tant hu hekk li għadu jsir rikors lejn il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku kif ukoll lejn il-People’s and Standards Division fir-rigward tal-proċessi ta’ għażla li għaddejjin bħalissa.  Dan qiegħed isir għaliex l-Uffiċċju jħoss li bl-awtonomija waqgħet iktar responsabbiltà fuqu f’dan ir-rigward u allura jrid ikun ċert li jimxi ma’ regoli stabbiliti li jassiguraw il-korrettezza.

Għal dak li għandu x’jaqsam max-xiri tal-mementos, irid jingħad li l-Uffiċċju mexa bl-aktar mod trasparenti u korrett u dan billi ġiet ippubblikata notifika fil-Gazzetta tal-Gvern tat-2 ta’ Diċembru 2016 (Call for Quotations for the supply of HOR Cufflinks complete with Gift Box HOR/Q6/2016 published in the Government Gazette on 2 December 2016), l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott rikjest ġew imqiegħda għall-ispezzjoni pubblika u wkoll ġiet konsultata l-awtorità relattiva dwar il-proċedura li għandha tiġi applikata f’kull fażi tal-proċess.

Rigward il-punt dwar il-prestiġju ta’ dawn il-mementos irid jingħad li mhux l-ewwel darba li fi żjarat inter-parlamentari, ġie użat dan il-prodott partikolari.  Barra minn hekk wieħed irid jieħu inkonsiderazzjoni li f’numru kbir ta’ istituzzjonijiet jeżistu regoli li ma jippermettux skambju ta’ rigali ta’ iktar minn ċertu valur, ħaġa li dan l-Uffiċċju qed jipproponi li tidħol fil-kodiċi ta’ etika li hemm anness mal-Abbozz dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

 

Stqarrija għall-Istampa