Data 27.01.2017
Dalgħodu l-Ispeaker Anġlu Farrugia fetaħ Forum Valletta li nżamm fis-Sala tal-Parlament. Forum Valletta ttella’ fuq l-inizjattiva tal-Membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia fl-isfond tal-programm kulturali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
F’diskors tal-ftuħ ta’ Forum Valletta, l-Ispeaker Farrugia tkellem dwar ir-rwol tal-parlament nazzjonali fil-perjodu tal-Presidenza tal-Kunsill u rrefera għad-diversi laqgħat interparlamentari li qegħdin jiġu organizzati fil-qafas tad-dimensjoni parlamentari tal-Presidenza.
L-Ispeaker Farrugia saħaq illi l-membri parlamentari, bħala rappreżentanti tal-poplu, jirrappreżentaw l-isfera pubblika sabiex jiddibattu u jmexxu ’l quddiem leġiżlazzjoni bbażata fuq l-aħjar prattiċi ta’ governanza. Huwa rrifera għal diversi leġiżlazzjonijiiet bħal Whistle Blower Act, l-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti, l-emenda kriminali li l-preskrizzjoni ma tapplikax għall-politiċi, l-awtonomija tal-Parlament Malti, u l-liġi li trid li jiġi nominat Kummissarju tal-Public Standards fost oħrajn. Għal ħafna ċittadini huwa diffiċli li jaraw il-konnessjoni bejn il-kultura u dak li jiġri waqt is-seduti tal-Parlament, iżda jekk inwessgħu l-għarfien tagħna dwar dak li verament hi l-kultura, inkunu nistgħu ninterpretaw il-kultura bħala l-mod ta’ kif wieħed jgħix, u għaldaqstant din l-attività tidħol sew fil-kuntest kulturali. Anġlu Farrugia rrefera wkoll għall-forum dwar il-futur tas-setturi kulturali u kreattivi li ġie organizzat fil-Parlament mill-Kunsill Malti għall-Arti lejn tmiem l-2015 fejn esperti mill-qasam kellhom l-opportunità li jiddiskutu l-viżjoni tagħhom għal dawn is-setturi sas-sena 2020.
Filwaqt li rringrazzjat lill-Ispeaker talli aċċetta li din l-attività tittella’ fil-Parlament peress li l-Parlament huwa proprja l-ogħla espressjoni tal-governanza, Comodini Cachia spjegat li l-għan aħħari ta’ Forum Valletta huwa li jistħarreġ ir-rwol tal-kultura fil-governanza tal-pajjiż, u kif il-produzzjonijiet kulturali jirrappreżentaw il-ħajja politika.
L-attività kienet maqsuma f’żewġ partijiet fejn fl-ewwel parti saru ‘provokazzjonijiet’ inizjali minn Joan Abela, Christopher Balme, u Bernard Foccroulle, u li għalihom taw ir-reazzjoni tagħhom Vicki Ann Cremona, Nele Hertling, Simon Mundy, u Nymand Christensen. Fit-tieni parti tal-attività il-parteċipanti kollha kellhom l-opportunità illi jiddeliberaw dwar il-punti li kienu mqajma fl-ewwel parti tal-attività.