Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

PR170226 - L-Ispeaker f’laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew - 31.01.2017

Data 31.01.2017

Bħala parti mill-impenji tiegħu marbuta mal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea 2017 li qiegħda tiġi organizzata ġewwa Brussell l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, illum kellu laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew is-Sur Antonio Tajani, li ħabtet ftit ġranet biss wara l-ħatra tiegħu f’din il-kariga.

Matul il-laqgħa Farrugia feraħ lis-Sur Tajani għall-elezzjoni tiegħu bħala President tal-Parlament Ewropew u stqarr illi huwa jinsab fiduċjuż illi r-relazzjonijiet tajba li nbnew bejn il-Parlament Malti u dak Ewropew taħt il-presidenza tal-predeċessur tiegħu s-Sur Martin Schulz, ser ikomplu u jissaħħu fix-xhur u s-snin li ġejjin.

L-Ispeaker qal illi l-laqgħa interparlamentari dwar l-istabbilità, il-kordinazzjoni ekonomika u l-governanza skont Artiklu 13 tal-Patt Fiskali li kienet ser tibda aktar tard matul il-ġurnata, u li ser tinfetaħ bejn iż-żewġ Presidenti, kienet eżempju tanġibbli tal-koperazzjoni tajba li teżisti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, kemm fuq il-livell politiku kif ukoll dak amministrattiv. Huwa żied li din il-koperazzjoni hija estiża għal-laqgħat kollha li ser jiġu organizzati fil-kuntest tad-dimensjoni parlamentari tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill.

Min-naħa tiegħu s-Sur Tajani rrimarka li peress li hu ġej minn pajjiż ġar tagħna jifhem sew il-problemi li taffaċċja Malta. Huwa stqarr illi anke minħabba dan, qiegħed jikkommetti ruħu li kemm il-Parlament Ewropew, kif ukoll hu bħala l-President ser ikun qed jaħdem mill-qrib mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill sabiex jkunu indirizzati problemi li l-ebda pajjiż ma għandu jitħalla jiffaċċja waħdu, mhux l-inqas fil-każ tal-immigrazzjoni irregolari. Huwa kompla illi dan l-impenn għandu jitkompla anki wara t-tmiem tal-Presidenza Maltija.

Farrugia kkonkluda l-laqgħa billi qal illi fadal ħafna xi jsir u rrimarka illi d-dimensjoni parlamentari tal-Presidenza Maltija hija kommessa illi tagħti d-direzzjoni ta’ fejn u b’liema mod għandha taġixxi l-Unjoni Ewropea.

Fi tmiem il-laqgħa s-Sur Tajani ippropona li jagħmel żjara ta’ korteżija lill-Ispeaker hekk kif aktar tard din il-ġimgħa ser ikun qiegħed Malta fuq stedina tal-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jieħu sehem fis-Summit  Informali li ser jinżamm f’Malta, liema talba ġiet milqugħa mill-Ispeaker Farrugia.


thumbnail

(I)  (II)  (III)  (IV) 

Stqarrija għall-Istampa