Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

PR170231 - L-Ispeaker jiftaħ il-Laqgħa Interparlamentari dwar l-Istabbilità, Kordinazzjoni Ekonomika u Governanza Flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew - 31.01.2017

Data 31.01.2017

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia kompla bl-impenji tiegħu fi Brussell b’rabta mal-laqgħat li qegħdin jkunu organizzati bħala parti mill-programm tal-Ġimgħa Parlamentari Ewropea 2017 fil-Parlament Ewropew.

Il-laqgħa interparlamentari organizzata skont Artiklu 13 tal-Patt Fiskali, li qiegħda tinżamm fuq jumejn u li hija kopreseduta miċ-Chairpersons tal-Kumitat dwar Affarijiet Ekonomiċi tal-Parlament Ewropew u mill-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Parlament Malti, infetħet mill-Ispeaker Anġlu Farrugia u mill-President tal-Parlament Ewropew is-Sur Antonio Tajani.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu l-Ispeaker Farrugia qal illi din il-laqgħa interparlamentari organizzata matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill hija opportunità tajba sabiex il-membri tal-parlamenti nazzjonali u dawk tal-Parlament Ewropew jiltaqgħu sabiex jiddiskutu policies baġitarji u materji oħra koperti mit-Trattat dwar l-Istabbilità, Kordinazzjoni u Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Huwa rrimarka illi l-Unjoni tinsab f’sitwazzjoni bla preċedent fejn trid taffaċċja numru ta’ sfidi, sfidi li r-reazzjoni għalihom mill-istess Unjoni mhux dejjem kienu milqugħa miċ-ċittadini, anzi servew biex titnaqqar il-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet Ewropej. Farrugia spjega kif il-prijoritajiet ta’ Malta għall-Presidenza tal-Kunsill huma intiżi sabiex jintlaħqu riżultati pożittivi f’oqsma fejn l-Unjoni Ewropea qiegħda ssibha diffiċli timxi ’l quddiem. Huwa żied li l-laqgħat li qegħdin jkunu organizzati fil-qafas tad-dimensjoni interparlamentari huma intiżi biex jixprunaw u jikkumplimentaw dawn id-diskussjonijiet. Huwa rrimarka wkoll illi ċ-ċittadini qegħdin jistennew azzjonijiet konkreti sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jirrikonoxxu illi l-Unjoni Ewropea hija proġett li minnu jista’ japprofitta kull wieħed u waħda minna.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Tajani rringrazzja lill-Parlament Malti għall-koperazzjoni li hemm bejn iż-żewġ istituzzjonijiet u tenna illi l-Presidenza Maltija  tista’ sserraħ fuq l-impenn tal-Parlament Ewropew sabiex l-ewwel Presidenza Maltija tkun waħda ta’ suċċess. Huwa tkellem ukoll dwar id-dover li għandha l-Unjoni Ewropea sabiex tipproteġi dawk iċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli fl-istess Unjoni, speċjalment ir-rata allarmanti ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Is-Sur Tajani żied illi kull deċiżjoni li tittieħed sabiex jkunu indirizzati dawn l-isfidi li qiegħda taffaċċja l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu suġġetti għall-kontroll parlamentari sabiex ikunu deċiżjonijiet li tassew ikollhom leġittimità demokratika.


thumbnail

(I)  (II)  (III) 

Stqarrija għall-Istampa