Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

PR171409 - Diskors mill‑Ispeaker Anġlu Farrugia fl‑okkażjoni tat‑tifkira tas‑Sette Giugno - 06.06.2017

Data 06.06.2017

Għaddiet sena oħra minn mindu għamilt l‑aħħar diskors fl‑okkażjoni tal‑kommemorazzjoni ta’ Jum is‑Sette Giugno u bi pjaċir ninnota li din iċ‑ċelebrazzjoni llum qiegħda ssir f’post li verament jixraq lil din il‑ġrajja tassew importanti fl‑istorja ta’ pajjiżna.  Niftakar tajjeb li kemm fl‑aħħar diskors, kif ukoll f’dak ta’ qablu, kont irreferejt għal dan il-fatt u nikkwota:

 

“dan il‑monument, xogħol l‑Iskultur Anton Agius, għandu jiġi rilokat f’post xieraq u mhux moħbi. Dan peress li hemm rabta preċiża u intrinsika bejn dak li jirrappreżenta dan il‑monument u l‑Parlament Malti.”

 

Għaldaqstant huwa ta’ unur għalija li qed nindirizzakom f’din il‑pjazza li tant rat ġrajjiet storiċi jseħħu; quddiem il‑Palazz li mill‑1921 sal‑2015 serva bħala l‑bini tal‑Parlament Malti.

 

Dan il‑jum għandu dejjem jibqa’ tifkira ta’ waħda mill‑aktar ġrajjiet importanti fl‑istorja ta’ pajjiżna. Kien propju fis‑7 ta’ Ġunju tal‑1919 meta l‑poplu Malti, bir‑raġun kollu u b’vuċi qawwija għajjat għajta kbira fil‑ġlieda għad‑drittijiet tiegħu bħala nazzjon.

 

Bla dubju, dan huwa appuntament annwali li jgħinna nifhmu dejjem aħjar x’għandna nistennew minn demokrazija parlamentari li bdiet il‑mixja tagħha minn meta Malta ngħatat il‑Kostituzzjoni Amery‑Milner fl‑1921, tliet snin wara ‑ u kif ħafna jsostnu ‑ b’konsegwenza għal dak li ġara fis‑7 ta’ Ġunju 1919.

 

Qabel niġi biex nitkellem dwar il‑ħidma parlamentari li twettqet matul it‑terminu tiegħi bħala Speaker, irrid, bħalma nagħmel f’kull diskors li għamilt f’din l‑okkażjoni, nislet spunt mir‑riċerka li saret, din id‑darba fil‑gazzetti tal‑perjodu meta seħħet din il‑ġrajja, u b’xi mod nimpostah fil‑kuntest ta’ żminijietna; dan dejjem għaliex l‑istorja għandha ħabta tirrepeti ruħha. 

 

Għadna kif ħriġna minn kampanja elettorali u elezzjoni ġenerali fejn, kif isir f’pajjiżi oħra ntużaw b’mod estensiv il‑mezzi tal‑komunikazzjoni tal‑massa, fejn minbarra ħafna aħbarijiet smajna u qrajna ħafna smentiti; fejn spiss l‑istess aħbarijiet jiġu deskritti bħala mhux veritieri, jew kif daż‑żmien popolarment nirreferu għalihom bħala “fake news”.  Imma kif jgħidu, m’hemm xejn ġdid.  Qed ngħid dan għaliex meta seħħew l‑avvenimenti tas‑Sette Giugno wieħed isib ukoll rapportaġġ li nistgħu ngħidu li kien fih informazzjoni żbaljata dwar din il‑ġrajja. Fil‑fatt, fil‑ħarġa tal‑gazzetta Il Popolo d’Italia tat‑13 ta’ Ġunju 1919, u allura sitt ijiem wara l‑ġrajjiet tas‑Sette Giugno, f’din il‑gazzetta ta’ Benito Mussolini maħruġa f’Milan, insibu hekk, u nikkwota:

 

“Viva Malta Italiana! un eccidio.

 

Tripoli, 11 giugno

 

Il giorno 7 sono avvenuti a Malta gravissimi tumulti, provocati da un incidente verificatosi davanti al Cirocolo militare tra ufficiali inglesi e maltesi a causa del malcontento per l’inasprimento del prezzo della farina.

 

La popolazione è entrata alla Valletta, ha saccheggiato la casa del proprietario del mulino, incendiando la redazione del giornale “Daily Malta Chronicle”. Intervennero reparti di marinai inglesi che fecero fuoco. Vi sono sette morti maltesi e una decina di feriti. Sembra si tratta di un movimento politico tendente all’autonomia politica amministrattiva, esplosa per le cause eccezzionali sudette. La situazione appare gravissima. Malta è occupata militarmente.

 

I nostri lettori ricordano certamente la corrispondenza che pubblicammo alcuni settimane fa, sulla situazione tristissima degli Italiani di Malta. Molti giornali riportano la nostra corrispondenza. Era la prima volta che ‑ nel perdurante regime di censura ‑ si poteva parlare di Malta che è Italiana e vuole rimanere Italiana, anche a dispetto degli inglesi. Il sangue italiano che è stato sparso a La Valletta, non farà che alimentare l’agitazione per la rivendicazione dell’italiannità di quell’isola.

 

È tempo che l’opinione pubblica italiana s’interessi di Malta. Laggiù ci sono degli Italiani.”

 

Meta wieħed jaqra dan l‑artiklu jieħu l‑impressjoni li dak li ġara fis‑Sette Giugno seħħ għax Malta riedet issir Taljana jew għax riedet tersaq aktar viċin lejn l‑Italja. Effettivament però kulħadd jaf li dan ma kienx il‑każ, minkejja dak li ġie rrapportat fl‑ewwel faċċata ta’ din il‑ħarġa ta’ Il Popolo d’Italia. Fil‑fatt, f’korrispondenza li nsibu sentejn biss wara li ġejna mogħtija l‑Kostituzzjoni Amery‑Milner, l‑Ispeaker tal‑Kamra, dak iż‑żmien Salvatore Borg Olivier, kiteb lill‑Gvernatur, Lord Plumer, u rringrazzjah f’isem l‑Assemblea Leġiżlattiva tal‑unur li ngħata lill‑bandiera Maltija fl‑okkażjoni tal‑Jum Nazzjonali tat‑8 ta’ Settembru meta fuq ordni tal‑istess Gvernatur din ittellgħet fuq il‑Palazz. Jien inqis li dan kien ġest li jissimbolizza u jindirizza s‑sentiment ormai diġà patrijottiku tal‑istess Assemblea li kienet tirrappreżenta lill‑poplu Malti dak iż‑żmien.

 

Dan ifisser li bħalma għadu jiġri kultant illum, aħbar tintuża biex tinfluwenza s‑sentiment popolari dwar fatti, ġieli anke b’mod mhux għal kollox veritier;  hekk bħalma f’dan il‑każ tal‑irvellijiet tas‑Sette Giugno l‑aħbar ingħatat ċertu doża biex tiżvija l-opinjoni pubblika dwar l‑intenzjonijiet u r‑raġunijiet veri li għalihom seħħet din il‑ġrajja.

 

Iżda l‑aħjar mod illi nfakkru u nagħmlu unur lil dawk il‑Maltin li taw ħajjithom fil‑mixja demokratika tal‑pajjiż huwa li nevalwaw din il‑mixja fejn wasslitna, u wkoll fejn għad fadlilna mmorru permezz tal‑ħidma parlamentari tagħna. Ninsab sodisfatt illi fl‑erba’ snin li għaddew għamilna passi kbar ‘il quddiem, u għalhekk nixtieq nagħti rendikont ta’ dak li ġara matul din il‑leġiżlatura, li ġiet fi tmiemha bix‑xoljiment tal‑Parlament fl‑1 ta’ Mejju 2017.

 

Ħidma Parlamentari

 

Distinti sinjuri, il‑leġiżlatura li għadha kif intemmet kienet waħda pjuttost impenjattiva għall‑Uffiċċju tiegħi anke għaliex kont determinat li nara riformi kbar iseħħu fl‑interess tat‑trasparenza u d‑demokrazija.  Kienet waħda fejn matul 507 seduti parlamentari rajna numru konsiderevoli ta’ liġijiet jiġu diskussi fil‑Parlament fl‑istadji kollha tagħhom u jidħlu fis‑seħħ. Fil‑fatt kellna 186 Att Parlamentari li huwa numru sostanzjali anke meta mqabbel mal‑117 li kienu għaddew fil‑ħdax‑il leġiżlatura, mal‑116 li kienu għaddew fl‑għaxar leġiżlatura u l‑122 li kienu għaddew fid‑disa’ leġiżlatura.

 

Kif qiegħed insemmi l‑Atti Parlamentari li għaddew fil‑leġiżlatura li għaddiet ma nistax ma nagħmilx enfasi dwar l-importanza ta’ żewġ Atti li se jaffettwaw direttament il‑ħidma parlamentari kemm tal‑leġiżlatura li dalwaqt se tibda, kif ukoll ta’ dawk li ġejjin warajha. 

 

Awtonomija Amministrattiva

 

Nibda billi nsemmi l‑Att dwar is‑Servizz Parlamentari.  Wara tant talbiet kemm minni kif ukoll minn tant Speakers predeċessuri tiegħi fid-diskorsi tagħhom f’din l-okkażjoni, il‑Parlament Malti fl‑aħħar ingħaqad ma’ parlamenti nazzjonali madwar id-dinja li ilhom igawdu awtonomija amministrattiva mill-Eżekuttiv.

 

Dan kien pass importanti li se narawh jissarraf f’tisħiħ tad‑demokrazija parlamentari f’pajjiżna.  Iż‑żewġ funzjonijiet prinċipali ta’ parlament f’soċjetà tassew demokratika jikkonċernaw l‑għemil tal‑liġijiet tal‑pajjiż u l‑iskrutinju tal‑Eżekuttiv.  Bis‑saħħa ta’ dan l‑Att fl‑aħħar rajna jiġi indirizzat l‑argument li kien ilu jsir matul is‑snin f’numru ta’ diskorsi tas‑Sette Giugno li l‑ogħla istituzzjoni tal‑pajjiż ma tista’ qatt tkun ħielsa minn kull xkiel u rbit jekk amministrattivament tibqa’ titqies bħala dipartiment tal‑Gvern u allura dipendenti mill‑Eżekuttiv.

 

Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill‑Iskrivan tal‑Kamra u lill‑istaff tiegħu fil‑preparazzjoni ta’ rapport u ta’ abbozz ta’ liġi li jiena, bħala Speaker, kont qegħedt fuq il‑Mejda tal‑Kamra fil‑21 ta’ Mejju 2014 wara diskussjonijiet f’kummissjoni interna li kienet twaqqfet għal dan il‑għan. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill‑Gvern u lill‑Oppożizzjoni li aċċettaw dan ir‑rapport u li flimkien ħadmu fuqu sabiex fl‑aħħar, illum għandna din il‑liġi li ilna tant nistennew u li biha għall‑ewwel darba fl‑istorja tiegħu l‑Parlament Malti jista’ jibda jgawdi minn awtonomija amministrattiva. 

 

Standards fil‑Ħajja Pubblika

 

It‑tieni Att Parlamentari li nemmen li se jkollu impatt fuq il‑Membri Parlamentari huwa dak dwar Standards fil‑Ħajja Pubblika.  Hawnhekk ukoll irrid nirringrazzja lill‑istaff tal‑Uffiċċju tiegħi kif ukoll lil dak tal‑Avukat Ġenerali għar‑rapport u għall‑abbozz ta’ liġi li kienu tħejjew wara numru ta’ laqgħat ta’ Kumitat Magħżul tal‑Kamra li kien ġie appuntat appositament għal dan il‑għan.  Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-kontribut siewi li taw Dr George Vella u Dr Justyne Caruana min-naħa tal-Gvern u lil Dr Francis Zammit Dimech u s-Sur Ryan Callus min-naħa tal-Oppożizzjoni fil-ħames laqgħat ta’ dan il-Kumitat li jien ippresedejt.

 

L‑akbar impatt li se jkollu dan l‑Att joħroġ mill‑fatt li jipprovdi għall‑ħatra ta’ Kumitat Parlamentari Permanenti u Kummissarju dwar Standards fil-Ħajja Pubblika bis‑setgħa li jinvestiga ksur ta’ dmirijiet statutorji jew etiċi ta’ numru ta’ kategoriji ta’ persuni fil‑ħajja pubblika fosthom l‑istess Membri Parlamentari.  Fil‑prattika dan se jfisser li, fost oħrajn, għall‑ewwel darba se jkun hemm entità li se jkollha s‑setgħa tivverifika l‑veraċità tad‑dikjarazzjonijiet tal‑assi li jiġu ppreżentati lill‑Ispeaker mill‑Membri Parlamentari. Dan waħdu għandu jeleva l‑livell ta’ kontabilità li kull Membru huwa fid‑dover li jkollu lejn iċ‑ċittadin li eleġġieh u allura tah l‑unur li jservi fil‑Kamra tad‑Deputati.

 

Ordnijiet Permanenti

 

Ma rridx ninsa nsemmi żvilupp ieħor importanti f’dak li jirrigwarda l‑ħidma parlamentari u hawn qed nirreferi għall‑emendi li saru fl‑Ordnijiet Permanenti tal‑Kamra.  Matul il‑leġiżlatura li għaddiet kellna żewġ emendi prinċipali; waħda li tirrigwarda l‑attendenza tal‑Membri u l‑oħra li tikkonċerna l‑petizzjonijiet.

 

Bis‑saħħa ta’ riżoluzzjoni li għaddiet qabel ma l‑Parlament waqaf għall‑ferjat tas‑sajf fl‑2016, fl‑Ordnijiet Permanenti daħal provvediment li jimponi multa amministrattiva ta’ €50 fuq kull Membru Parlamentari li ma jattendix għal xi  ġurnata parlamentari mingħajr raġuni valida.  Irrid ngħid li dawn ir‑raġunijiet issa jinkludu l‑eventwalità li Membru jkun msiefer fuq xogħol tal‑Gvern jew tal‑Oppożizzjoni, punt li qam diversi drabi partikolarment fil‑Kumitat Permanenti dwar ix‑Xogħol tal‑Kamra, matul diversi leġiżlaturi. 

 

Emenda importanti oħra li ddaħħlet bil‑qbil taż‑żewġ naħat kienet dik li tirrigwarda l‑petizzjonijiet li jistgħu jitressqu għall‑konsiderazzjoni tal‑Kamra. Bis‑saħħa tar‑riżoluzzjoni msemmija hawn fuq, iċ‑ċittadin akkwista d‑dritt li jressaq huwa stess petizzjoni quddiem il‑Kamra. L‑istess provvediment ħaseb ukoll sabiex jitwaqqaf Kumitat Permanenti li jkollu s‑setgħa jara x’inhu l‑aħjar mod kif jindirizza l‑ilmenti mqajma f’tali petizzjoni.  Din hija għodda oħra li nemmen li se tqarreb liċ‑ċittadin lejn l‑Istituzzjoni parlamentari.

 

Emenda daqstant ieħor importanti kienet dik li ppermettiet li s-seduti parlamentari jiġu trasmessi fuq stazzjon televiżiv immexxi mill-istess Parlament u dan bis-saħħa ta’ riżoluzzjoni li għaddiet fl-2015 meta mxejna lejn il-binja l-ġdida.  Bis-saħħa ta’ dan il-pass, li nneċessita’ wkoll emendi fl-Att dwar ix-Xandir, żdiedet mhux bi ftit it-trasparenza fil-ħidma parlamentari u li allura ressqet liċ-ċittadin eqreb lejn il-Parlament. 

 

Għalhekk nemmen li l‑Parlament qatt ma kien qrib iċ‑ċittadin daqskemm hu llum.

 

Tibdil fil‑Ħidma Parlamentari

 

Matul il‑leġiżlatura li għadha kemm intemmet kien hemm ċertu tibdil fil‑ħidma parlamentari li daħal permezz ta’ mozzjoni ta’ proċedura   u li allura kien japplika biss għal‑leġiżlatura li għaddiet. Nittama li matul il‑leġiżlatura li jmiss dan it‑tibdil isib postu fl‑Ordnijiet Permanenti tal‑Kamra. Hawnhekk qed nirreferi prinċipalment għall‑ħin li jiġi allokat għal kull Membru biex jindirizza lill‑Kamra. Nemmen li dan il‑ħin m’għandux ikun ta’ iktar minn 20 minuta b’eċċezzjoni għall‑Ministru li jkun qed iressaq  it‑Tieni Qari ta’ Abbozz ta’ Liġi u l‑ewwel kelliem mill‑Oppożizzjoni li jkun qed jirrispondi, liema ħin nemmen li għandu jkun ta’ mhux iżjed minn 45 minuta. Dan it‑tnaqqis fil‑ħin – li xorta huwa ferm aktar minn dak allokat f’parlamenti nazzjonali oħra – jippermetti, fost affarijiet oħra, użu aħjar tal‑ħin parlamentari kemm f’dak li jirrigwarda t‑trattazzjoni ta’ iktar liġijiet, kemm fl-ippjanar tal-ħidma parlamentari kif ukoll f’numru akbar ta’ kelliema li jkunu jistgħu jipparteċipaw fid‑diskussjoni. Kif qed nitkellem fuq ħin tad‑dibattiti, nixtieq minn hawn inwassal il‑fehma ta’ numru ta’ Membri Parlamentari li kemm‑il darba wrew ix‑xewqa li l‑Parlament jibda jiltaqa’ f’ħin li jippermettilhom aktar ħin mal‑familja. Naħseb li dawn huma punti li flimkien ma’ dak dwar il‑possibbiltà li l‑Membri jsiru full‑time, jistgħu jgħinu fil‑ħidma ta’ din l‑Istituzzjoni. M’hemmx dubju li rridu nkomplu naħdmu f’dan ir‑rigward.

 

Proċedura oħra li kienet regolata mill‑mozzjoni ta’ proċedura li semmejt u li nixtieq naraha ssir tifforma parti mill‑Ordnijiet Permanenti f’din il‑leġiżlatura l‑ġdida, tirrigwarda l‑ħin allokat għal għodda oħra importanti li tintuża mhux ħażin f’kull leġiżlatura. Qed nirreferi għall‑istqarrijiet ministerjali li permezz tagħhom il‑Gvern jinforma lill‑Parlament dwar xi materja ta’ importanza nazzjonali waqt li fl‑istess ħin jagħti l‑fakultà lill‑Membri tal‑Kamra sabiex jitolbu kjarifika dwar punti msemmija fl‑istess stqarrija. Mill‑esperjenza nista’ ngħid li għall‑aħjar tmexxija tax‑xogħol ippjanat tal‑Kamra, it‑tul ta’ dawn l‑istqarrijiet m’għandux jeċċedi l‑10 minuti, bil‑mistoqsijiet ta’ wara ma jeħdux aktar minn 3 minuti kull waħda.

 

Emenda oħra li nixtieq li tiddaħħal fl‑Ordnijiet Permanenti hija dik dwar ir‑regola tal‑quorum u dan sabiex l‑Ordni Permanenti relattiv jiġi jirrifletti l‑provvedimenti mressqa minn amministrazzjonijiet differenti tul dawn l‑aħħar leġiżlaturi, li taw lill‑Membri 20 minuta żmien sabiex ikunu preżenti fil‑Kamra minn meta jkun hemm sejħa għal quorum. Dan huwa neċessarju fid‑dawl tal‑fatt li x‑xogħol tal‑Membri sar ħafna aktar impenjattiv u l‑Membri qed ikollhom jipparteċipaw attivament f’fora oħrajn, fosthom il‑Kumitati Parlamentari li kulma jmur qed ikopru dejjem aktar setturi li jaffettwaw il‑ħajja tal‑istess ċittadin. Barra minn hekk,  minħabba li ċ‑ċittadini qed ikollhom aspettattivi dejjem akbar mill‑Membri li jirrappreżentawhom, il‑Membri qed ikollhom iqattaw ħafna iktar ħin f’kuntatt personali mal-pubbliku. Għaldaqstant wieħed jifhem li mhux dejjem ikun possibbli li fil‑Kamra, f’kull ħin, ikun hemm in‑numru ta’ Membri rikjest biex ikun hemm quorum.

 

Dritt ta’ tweġiba għaċ‑ċittadin

 

Kif qed nitkellem dwar x’nixtieq nara jidħol fl‑Ordnijiet Permanenti, ma rridx ninsa nerġa’ nsemmi d‑dritt ta’ tweġiba taċ‑ċittadin għal dak li jingħad dwaru fil‑Kamra tad‑Deputati.  Fid-diskors tiegħi tal-2015 jien kont għedt hekk:

 

“Hemm ħafna x’wieħed jagħmel biex dejjem itejjeb il‑livell ta’ trasparenza u l‑kontabilità ta’ kull wieħed u waħda minna lejn il‑poplu li nirrappreżentaw. Pereżempju, naħseb li wasal iż‑żmien li nindirizzaw il‑kwestjoni ta’ meta ċittadin iħossu aggravat b’dak li jintqal fil‑konfront tiegħu fil‑Parlament, u f’dan ir‑rigward ngħid illi wasal iż‑żmien li jkun hemm mekkaniżmu li jagħti dritt għal rimedju lill‑istess ċittadin. Ovvjament dan irid isir mingħajr ma nnaqqsu d‑dritt u l‑privileġġ li jgawdi Membru Parlamentari fil‑Kamra, għaliex dan il‑privileġġ qiegħed hemm biex Membru Parlamentari jkun jista’ jitkellem mingħajr biża’.”

 

Nemmen li jekk nagħtu dan id‑dritt liċ‑ċittadin, inkunu qed inressquh aktar lejn il‑Parlament għaliex inkunu qed nuruh bil‑provi li jista’ jsemma’ leħnu anke fl‑ogħla Istituzzjoni tal‑pajjiż.  Fl‑istess ħin inkunu qed nuruh li l‑Parlamentari huma lesti li jkunu aktar kontabbli lejn il‑poplu għaliex dan il‑pass, fih innifsu huwa kontroll għal min ikun irid jabbuża mill‑privileġġ parlamentari.

 

Aktar ħidma parlamentari

 

Barra l‑ħidma t’hawn fuq nixtieq insemmi fuq fuq ħidma l‑oħra li twettqet. 

 

Seduti Parlamentari ‑ 507

Laqgħat tal‑Kumitati Parlamentari ‑ 565

Stqarrijiet Ministerjali ‑ 80

Mozzjonijiet ‑ 464

Private Members Motions ‑ 53

Liġijiet approvati b’votazzjoni ‑ 23

Mistoqsijiet parlamentari ‑ 33,595

Dokumenti mqiegħda fuq il‑Mejda tal‑Kamra ‑ 8,778

Diskorsi fl‑aġġornament ‑ 380

Delegazzjonijiet parlamentari ‑ 247

Delegazzjonijiet immexxija mill‑Ispeaker / Deputy Speaker ‑ 70

Laqgħat ta’ Ambaxxaturi mal‑Ispeaker ‑ 202

Wirjiet inawgurati mill‑Ispeaker fil‑bini tal‑Parlament ‑ 18

Sessjonijiet fil‑bini tal‑Parlament bil‑parteċipazzjni tal‑pubbliku, kemm lokali kif ukoll barrani – 28

Persuni li żaru l‑bini tal‑Parlament ‑ 5,200;

 

Kotba ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Ispeaker:

Is‑Sedja titkellem ‑ 6 (109 ruling)

mill‑Parlament ‑ 15

The Voice of Parliamentary Diplomacy

Il‑Futur tas‑Setturi Kulturali u Kreattivi

The State’s duty to inform

 

Irrid inżid ukoll li l‑bini tal‑Parlament intuża diversi drabi sabiex taħt l‑awspiċi tiegħi ġew imnedija dawn il‑kotba:

Nidħku bina nfusna miktub minn Dr Tonio Borg

Iċ‑Ċirasa miktub mis‑Sur Mario Galea

Contemporary Architecture in Malta tal‑Professur Conrad Thake

 

Apps għall‑Parlament

 

Nixtieq insemmi l‑ftehim ta’ kollaborazzjoni li ffirmajna dan l‑aħħar mal‑Università ta’ Malta sabiex għall‑ewwel darba l‑Parlament Malti nieda numru ta’ apps.  L‑għan prinċipali ta’ din l‑inizjattiva kien li tiżdied il‑viżibilità, l‑aċċessibilità u t‑trasparenza fil‑ħidma parlamentari. Hawnhekk, minbarra lir‑Rettur tal‑Università, nixtieq nirringrazzja lil Dr Charles Abela u lil Dr Joel Azzopardi mid‑dipartiment tal‑Intelligent Computer Systems fil‑Fakultà tal‑ICT tal‑Università ta’ Malta għaliex bis‑saħħa tagħhom u l‑involviment tal‑istudenti tad-dipartiment kif ukoll bl‑għajnuna tal‑istaff tal‑Parlament, żviluppajna żewġ apps; waħda dwar il‑mistoqsijiet parlamentari u l‑oħra dwar id‑dimensjoni parlamentari tal‑Presidenza Maltija tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea.

 

L‑app li tittratta l‑mistoqsijiet parlamentari tipprovdi mezz innovattiv kif wieħed jista’ jara b’mod grafiku u intuwittiv din il‑proċedura parlamentari li tant tintuża u li minnha jistgħu jiġu estrapolati kemm informazzjoni kif ukoll xejriet (trends) dwar x’qed jistaqsu l‑Membri u lil min qed jindirizzaw ċerti domandi. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja il-Kap Eżekuttiv tal‑MITA għall‑isponsorship ipprovdut u li bis‑saħħa tiegħu dan il‑proġett seta’ jsir realtà

 

L‑app l‑oħra dwar il‑Presidenza Maltija tat aċċess għal dak kollu li kien għaddej waqt il‑laqgħat relattivi li se nirreferi għalihom aktar tard.  Bis‑saħħa ta’ din l‑inizjattiva l‑pubbliku Malti u partikolarment l‑istaff tal‑parlamenti nazzjonali tal‑Membri Stati tal‑Unjoni Ewropea, ingħataw aċċess għad‑dokumenti li tressqu fil‑laqgħat dwar numru ta’ materji li jolqtuna lkoll. Barra minn hekk, l‑app ipprovdiet faċilità ta’ video streaming live u on demand tal‑laqgħat li ġew organizzati sabiex l‑aċċess ikun wieħed ħaj u immedjat, aspetti tant importanti sabiex tissaħħaħ it‑trasparenza fil‑ħidma li tkun qed issir mill‑Parlament.

 

Presidenza Maltija tal‑Kunsill Ewropew – Dimensjoni Parlamentari

 

Il‑Presidenza Maltija tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea li issa qiegħda toqrob lejn tmiemha fissret ukoll żieda konsiderevoli fix‑xogħol għall‑Parlament Malti, li fil‑ħames xhur li għaddew organizza sitt laqgħat interparlamentari fil‑qafas ta’ dik li tissejjaħ id‑dimensjoni parlamentari tal‑Presidenza tal‑Kunsill. Għalkemm hemm tendenza li dawn il‑laqgħat ma jingħatawx prominenza daqs il‑laqgħat tal‑Kunsill infushom, huma laqgħat li wħud minnhom għandhom storja li tmur lura għal ħafna snin u huma appuntament fiss minn presidenza għal oħra. Minn Jannar sa issa l‑Parlament Malti laqa’ f’Malta mas‑750 delegat mill‑parlamenti nazzjonali tal‑Unjoni Ewropea, pajjiżi kandidati, pajjiżi osservaturi, kif ukoll mill‑Parlament Ewropew. Matul dawn is‑sitt laqgħat ġew diskussi temi meqjusa importanti għall‑Unjoni Ewropea, fosthom il‑prijoritajiet ta’ Malta għall‑Presidenza tal‑Kunsill, il‑politika estera u dik tad‑difiża tal‑Unjoni Ewropea, il-ħruġ tar‑Renju Unit mill‑Unjoni Ewropea, il‑migrazzjoni, il‑qasam marittimu fl‑Unjoni Ewropea, il‑faqar u l‑esklużjoni soċjali, u l‑opportunitajiet ekonomiċi tat‑tibdil fil‑klima. Diversi mistednin distinti indirizzaw dawn il‑laqgħat.

 

B’dawn il‑laqgħat il‑Parlament Malti rnexxielu jaffaċċja b’suċċess sfidi kbar għal amministrazzjoni żgħira. Ninsab kburi li minkejja d‑diffikultajiet li kellna negħlbu, il‑Parlament Malti wera li għandu l‑kapaċità li jilħaq l‑ogħla standards Ewropej fl-aspetti kollha tal-organizzazzjoni ta’ dawn il-laqgħat.  Fil‑fatt komplejna nonoraw l-obbligazzjonijiet tagħna f’dan ir-rispett anke wara x-xoljiment tal-Parlament, meta l‑Ħadd, it‑Tnejn u t‑Tlieta 28, 29 u 30 ta’ Mejju 2017 jiena ppresedejt is‑57 Konferenza tal‑COSAC bil‑parteċipazzjoni ta’ madwar 250 delegat.

 

Ħidma inter-parlamentari

 

Irrid ngħid li l‑ħidma tal‑Parlament ma kinitx limitata għal dak li sar hawn Malta. Barra dan ix‑xogħol saret ħafna ħidma anke fuq livell interparlamentari. Ewlenin fosthom insemmi r‑rikonoxximent mill‑Commonwealth Parliamentary Association (CPA) tax‑xogħol ta’ dan il‑Parlament u tas‑Sedja, tant li s‑Sedja ġiet eletta membru tal‑eżekuttiv tal‑Konferenza tal‑Ispeakers tal‑Commonwealth, fejn l‑Ispeaker preżenti jżomm din il‑kariga sal‑2018. Barra minn hekk, fil‑35 konferenza annwali tal‑iSmall Branches tas‑CPA ta’ Diċembru 2016, is‑Sedja ġiet eletta bħala Chairperson tal‑iSmall Branches tas‑CPA, jiġifieri tat‑43 pajjiż jew small branch li għandhom popolazzjoni ta’ nofs miljun ruħ, jew inqas, madwar il‑Commonwealth kollu. Dan ifisser li l‑ħidma ta’ dan il‑Parlament fis-CPA tat ħafna frott u kkontribwit għall-prestiġju u l-unur tal-Parlament Malti anke barra minn xtutna.

 

Dan kollu seta’ jsir u kien possibbli għax ħdimna flimkien bħala familja waħda. Kien possibbli wkoll għax grazzi għall‑awtonomija parlamentari, li kif diġà għedt saret realtà fil‑5 ta’ Awwissu 2016, konna kapaċi nżidu l‑istaff biex issa għandna tmien research analysts u records officer li jieħu ħsieb l‑arkivjar u l‑librerija tal‑Parlament.

 

Impenn għal aktar tisħiħ tal‑Istituzzjoni

 

Baqa’ xi jsir? Iva, baqa’ xi jsir. Wasalna? Imxejna imma hemm ħafna x’wieħed jista’ jkompli jagħmel. Kif dejjem sħaqt, fil‑binja l‑ġdida għadna niltaqgħu ma’ problemi minħabba li min kellu jieħu ħsieb ix‑xogħlijiet ma ħax ħsieb biżżejjed, għax f’diversi partijiet ta’ din il‑binja x‑xogħol ma sarx kif kellu jsir. Għaldaqstant, ċertament li waħda mill‑affarijiet li għandna nagħmlu hija li naraw li x‑xogħlijiet li ma sarux kif kellhom isiru fil‑Parlament jiġu rimedjati.

 

Irridu naraw ukoll li jibda x‑xogħol fil‑livell sotterran tal‑binja, f’dik il‑parti fejn kienet  tieqaf il‑ferrovija fl‑antik. Dan il‑livell se jilqa’ fih l‑arkivji u l‑librerija tal‑Parlament, u se jkun hemm ukoll spazju li se jkun jista’ jintuża kemm mill‑pubbliku kif ukoll mid‑Deputati. Apparti minn hekk, se jkun hemm kamra tal-kumitat attrezzata sabiex tgħina nilqgħu għad-domanda dejjem tikber tal‑kumitati parlamentari, li llum jammontaw għal 13. Irrid ngħid li għall‑ewwel darba, fil‑baġit tal‑Parlament għandna allokazzjoni ta’ fondi sabiex fix‑xhur li ġejjin jibda x‑xogħol f’din il‑parti tal‑binja.

 

Irrid nirringrazzja minn qalbi lill‑istaff kollu tal‑Parlament, li mingħajr il‑ħidma bla heda tiegħu matul il‑leġiżlatura li għadha kif spiċċat, dawn l‑avvanzi kollha ma kinux ikunu possibbli. Irrid ngħid li għalija kienet esperjenza mill‑aqwa u bi pjaċir tajt l‑enerġija kollha tiegħi sabiex flimkien stajna noffru Parlament aħjar; Parlament li jkollu aktar dinjità u li jgawdi aktar rispett. Illum kulħadd huwa konxju mix-xogħol li jsir fil-Kamra tad-Deputati u l-ħidma li hija mistennija li titwettaq mill-persuna eletta biex tokkupa l-kariga ta’ Speaker.  Illum kulħadd, kemm jekk huwa familjarji mal-IT u kemm jekk mhux, jista’ jsegwi kif il-Membru Parlamentari tiegħu qiegħed jirrappreżentah u jqajjem il-preokkupazzjonijiet tiegħu fil-Kamra. 

 

Dan kollu huwa dak li jagħmilna denji li nkunu ta’ servizz f’din l‑ogħla istituzzjoni tal‑pajjiż. U huwa dan li għandu jimlina bit‑tama li nilħqu aspettattivi dejjem akbar, dejjem fl‑interess tal‑poplu Malti u Għawdxi kollu.

 

 


thumbnail

(I)  (II)  (III)  (IV) 

Stqarrija għall-Istampa