Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

PR172539 - Tnedija tal-ktieb ‘Disa’ Kriżijiet’ fil-Parlament

Data 11.11.2017

“Dan il-ktieb għandu jitqies bħala studju analitiku dwar l-istorja tad-demokrazija parlamentari f’pajjiżna, sa mill-1921 bit-twaqqif tal-ewwel Gvern Responsabbli sal-lum, jiġifieri perijodu ta’ 96 sena. Tul dan iż-żmien kollu, pajjiżna għadda minn taqlib kbir u importanti, li ħalla marka fil-karattru tagħna bħala ġens, nazzjon u poplu”, tenna l-Ispeaker Anġlu Farrugia meta kien qed jindirizza lil dawk preżenti.

“Sabiex wasalna sal-preżent, bit-tajjeb u inqas tajjeb tiegħu, pajjiżna għadda minn diversi ġrajjiet u li nagħmlu sew jekk maż-żmien niftakru minn xiex ikun għadda pajjiżna. Filwaqt li kull apprezzament storiku jrid li jsir fil-kuntest propju tiegħu, min-naħa l-oħra, irridu nirrikonoxxu li l-kisbiet storiċi ta’ pajjiżna għenu u għadhom isawwru l-preżent, jiġifieri, dak li għandna llum”, kompla jgħid l-Ispeaker Farrugia.

L-Ispeaker fakkar ukoll kemm sar diskors ta’ qtigħ il-qalb kull darba li l-poplu Malti u Għawdxi kien mitlub jieħu deċiżjonijiet importanti, fosthom l-Indipendenza ta’ Malta u l-għeluq tal-bażijiet militari f’pajjiżna u l-kisba tal-Ħelsien fl-1979, l-proklamazzjoni tar-Repubblika ta’ Malta fl-1974, kif ukoll is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

L-Ispeaker fl-għeluq tad-disokors tiegħu qal illi filwaqt li kien hemm diversi mumenti ta’ kriżijiet jew diffikultajiet, hu persważ li dawk il-mumenti indikati għandhom jgħinu aktar biex kulħadd jifhem l-importanza tad-demokrazija parlamentari u l-kuntest tad-dritt kostituzzjonali.

Is-serata kienet indirizzata wkoll mill-Prof. Joe Pirotta u mill-awtur tal-ktieb, Prof .Tonio Borg.


thumbnail

(I)  (II)  (III) 

Stqarrija għall-Istampa

Audio

Niżżel

Video

Video