| Ikkuntattjana |
| Fittex
Data 29.11.2017
Delegazzjoni tal-Parlament Malti pparteċipat fil-LVIII Laqgħa ta’ COSAC, liema laqgħa ġġib flimkien chairpersons u membri ta’ kumitati dwar l-affarijiet Ewropej fl-Unjoni Ewropea. Id-delegazzjoni parlamentari kienet immexxija miċ-Chairman tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barrnin u Ewropej Edward Zammit Lewis, u fiha pparteċipa wkoll David Stellini, membru tal-istess kumitat. Il-konferenza nżammet bejn is-26 u t-28 ta’ Novembru 2017 ġewwa Tallinn, l-Estonja fil-qafas tad-dimensjoni interparlamentari tal-Presidenza Estonjana.
F’din il-konferenza ġew diskussi diversi temi importanti li kienu jinkludu l-futur tal-Ewropa, ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali sabiex iressqu l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadin eqreb lejn xulxin, il-politika diġitali, is-siġurtà, u l-immigrazzjoni.
Zammit Lewis kien wieħed mill-kelliema ewlenin waqt is-sessjoni dwar l-immigrazzjoni. Huwa tkellem dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropeja għandha tagħti lill-aspett legali tal-fenomenu tal-migrazzjoni u li m’għandux ikunu hemm crisis management iżda politika sostenibbli u komprensiva, dan sabiex il-moviment irregolari tal-immigranti jonqos kemm jista’ jkun u ma jkunx hemm aktar traġedji fil-baħar tal-Mediterran.
Zammit Lewis tkellem ukoll dwar il-politika ta’ ritorn u rijammissjoni tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li hemm bżonn aktar ħidma sabiex jiġu ffirmati ftehim ta’ rijammissjoni ma’ pajjiżi tal-oriġini, dan sabiex dawk l-immigranti li ma jikkwalifikawx għal status ta’ refuġjat jirritornaw lejn il-pajjiż tal-oriġini fl-ambjent li jkunu rispettati d-drittijiet tal-bniedem.
Fl-intervent tiegħu fuq l-istess suġġett, David Stellini stqarr li huwa importanti li minkejja li l-Kummissjoni Ewropea ħabbret nuqqas fin-numru ta’ migranti irregolari lejn l-Ewropa għal din is-sena, xorta għad fadal ħafna xi jsir u huwa importanti li l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Valletta jiġi implimentat, speċjalment fejn il-pjan ta’ azzjoni jisħaq li għandhom jigu indirizzati b’mod konkret l-għeruq tal-problema.
Zammit Lewis feraħ lis-Sur Kenneth Curmi, uffiċjal tal-Parlament Malti, li ġie appuntat mill-konferenza bħala rappreżentant permanenti tas-segretarjat tal-COSAC għas-sentejn li ġejjin.
Ritratti: HOR
