Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

PR172939 - Rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 ippreżentat lill-Parlament

Data 20.12.2017

“Tingħata prova ċara ta’ titjib fl-infiq tal-Unjoni Ewropea”, qal il-membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) Leo Brincat meta lbieraħ ippreżenta r-Rapport Annwali tal-Qorti għas-Sena Finanzjarja 2016 lill-Parlament.

F’seduta konġunta Leo Brincat indirizza lill-membri tal-Kumitati Parlamentari dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, dwar il-Kontijiet Pubbliċi u dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Parlament ta’ Malta.

Is-Sur Brincat irrimarka li din hi l-ewwel sena li l-QEA ħarġet b’opinjoni kkwalifikata u mhux avversa kif dejjem ġara sas-sena l-oħra, u din hi l-akbar prova ta’ titjib importanti fl-infiq tal-UE. 

Il-kontijiet tal-UE jagħtu stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja u l-proporzjon ta’ nfiq irregolari kompla jitnaqqas fl-2016 għax filwaqt li l-livell kumplessiv ta’ żball għall-infiq tal-UE fl-2014 kien ta’ 4.4%  u fl-2015 kien ta’ 3.8%, fis-sena 2016 niżel għal 3.1%.  Barra minn hekk, id-dħul tal-budget tal-UE ma kienx milqut minn żball materjali fis-sena 2016. 

Is-Sur Brincat ta rendikont tal-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida tal-QEA li ġiet adottata u li għandha tgħin lill-Qorti tilħaq l-għanijiet strateġiċi sas-sena 2020 fil-kuntest tal-isfidi tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE tal-lum, kif ukoll bil-għan li żżid focus dwar l-aspetti kollha tal-prestazzjoni tal-azzjoni fl-UE.

Is-Sur Brincat żied li l-QEA qed tiffoka iktar minn qatt qabel fuq aspetti relatati mal-prestazzjoni tal-azzjoni tal-UE u li permezz tal-Performance Auditing qed jiġi żgurat li t-taxpayers jieħdu valur mill-fondi għall-benefiċċju tal-komunitajiet rispettivi tagħhom u b’hekk inkunu qed nikkontribwixxu attivament biex insaħħu l-valur miżjud fuq livell Ewropew. Skont il-prassi, il-membru Malti f’din il-Qorti ta dettalji dwar ir-referenzi li kien hemm għal Malta fir-Rapport Annwali 2016.

Is-Sur Brincat spjega l-ħidma tiegħu fil-QEA bħala membru ta’ Chamber V li tiffoka fuq il-Finanzjament u l-Amministrazzjoni tal-UE, u li baqa’ assenjat il-funzjoni ta’ membru rapportatur għad-dħul tal-budget tal-UE bħala parti mir-Rapport Annwali, kif ukoll li ġie appuntant membru rapportatur ta’:

Landscape Review biex jagħti ħarsa panoramika lejn id-dmirijiet tal-Kummissjoni Ewropea li tiżgura l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fost l-istati membri;
Rapport Speċjali dwar l-Implimentazzjoni tal-CUSTOMS 2020 dwar il-ħidma tad-dwana fl-UE; u
Rapport Speċjali maħsub biex jagħmel awditjar dwar l-EFSI li jifforma parti integrali tal-Pjan Juncker intitolat: ‘Is EFSI addressing the need to support investments in the EU?’.

Is-Sur Brincat ikkonkluda li l-mira tal-Qorti hi li tkompli ttejjeb l-immaniġġjar finanzjarju tal-UE u tal-kontabilità tagħha fl-aħjar interess taċ-ċittadini kollha.

Noti lill-edituri:

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hi l-istituzzjoni indipendenti tal-awditjar tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħha huma element essenzjali tal-katina tal-obbligu ta’ rendikont tal-UE, u jintużaw biex dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-budget tal-UE jkollhom jagħtu rendikont. Primarjament, din hi r-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE. Iżda għal madwar żewġ terzi tal-infiq – prinċipalment riżorsi naturali u koeżjoni – ir-responsabbiltà hi kondiviża mal-istati membri.

L-infiq tal-UE ammonta għal total ta 136.4 ewro biljun fl-2016, jew madwar 267 ewro għal kull ċittadin. Dan jammonta għal madwar 1 % tad-dħul nazzjonali gross tal-UE u jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 2 % tal-infiq pubbliku totali fl-istati membri tal-UE. Fl-2016, il-biċċa l-kbira mill-flus marru għal riżorsi naturali (€57.9 biljun), koeżjoni (€35.7 biljun) u tkabbir u impjiegi (€15.2 biljun).

Kull sena, l-awdituri jiċċekkjaw il-kontijiet tal-UE u jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar żewġ mistoqsijiet: jekk il-kontijiet humiex preċiżi u affidabbli, u l-punt sa fejn hemm evidenza li l-flus ġew riċevuti jew tħallsu bi żball (magħrufa bħala regolarità u legalità). Huma jittestjaw kampjuni ta’ tranżazzjonijiet biex jipprovdu stimi bbażati fuq l-istatistika tal-punt sa fejn id-dħul u l-oqsma differenti ta' nfiq ikunu milquta minn żball. Huma jistmaw il-livell ta' żball stmat bi tqabbil ma' soll ta’ materjalità ta' 2 %. Jekk il-livell ta’ żball stmat ikun ogħla minn dan is-soll, id-dħul jew l-infiq jitqiesu li jkunu irregolari.

Opinjoni ‘favorevoli’ tfisser li ċ-ċifri jippreżentaw stampa vera u ġusta u jsegwu r-regoli tar-rappurtar finanzjarju. Opinjoni ‘kwalifikata’ tfisser li l-awdituri ma jistgħux jagħtu opinjoni favorevoli, iżda li l-problemi identifikati mhumiex pervażivi. Opinjoni ‘avversa’ tindika problemi mifruxa.

L-awdituri ilhom mill-2007 jagħtu opinjoni favorevoli tal-kontijiet tal-UE, iżda sa issa, l-opinjoni tagħhom dwar ir-regolarità u l-legalità tal-infiq kienet avversa għal kull sena mill-1994.

Il-livell ta’ żball stmat mhux kejl ta’ frodi, ineffiċjenza jew ħela imma hu stima tal-flus li ma kellhomx jitħallsu mill-budget tal-UE minħabba li ma ntużawx skont ir-regoli applikabbli. Fl-2016, l-awdituri sabu 11-il każ ta’ frodi suspettata minn bejn wieħed u ieħor 1 000 tranżazzjoni li ġew awditjati (2015:12). Dawn il-każijiet għaddew għand l-uffiċċju kontra l-Frodi tal-UE, l-OLAF.

Ir-rapport annwali dwar il-budget tal-UE, ir-rapport annwali dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp u d-dokument sommarju ‘2016 - L-awditu tal-UE fil-qosor’ jinstabu fuq: http://www.eca.europa.eu/mt/Pages/AR2016.aspx  


thumbnail

(I)  (II) 

Stqarrija għall-Istampa

Stqarrija għall-Istampa