Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

PR190577 - Wirja fotografika ‘Faces of Hope’

Data 21.03.2019

Fil-Parlament ta’ Malta l-Ispeaker jinawgura l-wirja fotografika ‘Faces of Hope’ dwar il-HopeXChange Medical Center, sptar Malti f’Kumasi, Ghana

Fil-Parlament ta’ Malta l-Ispeaker Anġlu Farrugia inawgura wirja fotografika Faces of Hope dwar il-HopeXChange Medical Center, l-isptar Malti f’Kumasi, fil-Ghana.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, l-Ispeaker faħħar il-ħsieb tal-koppja Mario u Anna Cappello, li fi ħdan l-Institute for World Evangelisation (ICPE, fl-1985 bdew ħidma li wasslet sabiex jinbena l-isptar Malti f’Kumasi. Dan kien possibbli bl-għotja tal-art mid-Djoċesi ta’ Kumasi, b’kontribuzzjoni mill-Istat tal-Vatikan u tant għotjiet ġenerużi tal-poplu Malti u Għawdxi.  

Il-bini tal-isptar tlesta fl-2008 u llum, il-HopeXChange Medical Center f’Kumasi jitqies bħala ċentru mediku ta’ eċċellenza kemm fil-Ghana kif ukoll f’dik il-parti tal-Afrika (Sub-Sahara).  Fost affarijiet oħra, dan l-isptar jipprovdi kura għall-mard tat-tfal, mard tal-għajnejn, kanċer tas-sider, il-malformazzjoni tal-wiċċ, u l-infezzjonijiet tal-HIV Aids u l-malarja.

Illum, għadd ta’ ċentri ta’ tagħlim mediku universitarju minn diversi pajjiżi qed isostnu l-ħidma taċ-ċentru mediku f’Kumasi b’tobba u speċjalisti mill-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġermanja, l-Italja u l-Iżvizzera jservu hemmhekk u jikkuraw pazjenti fil-Ghana.

Il-Gvern Malti qiegħed ukoll jgħin lill-Ghana Mission Foundation, li tieħu l-ħsieb is-servizzi ta’ kura mogħtija mill-isptar f’Kumasi.

L-Ispeaker esprima l-ħsieb tiegħu li l-Università ta’ Malta tissieħeb ma’ istituzzjonijiet oħra barranin billi toffri boroż ta’ studju lil ċittadini mill-Ghana sabiex isegwu studju fl-Iskola Medika ta’ Malta.  Huwa wkoll ħajjar tobba u paramediċi Maltin sabiex joffru s-servizzi tagħhom f’dan iċ-ċentru mediku f’Kumasi.  Anġlu Farrugia sostna li meta wieħed jagħti l-ħin tiegħu f’opra qaddisa bħal din, ser jintraddlu lura bil-bosta għaliex ikun qed jgħin lill-fqar u lill-morda jgħixu b’dinjità.

Fl-aħħarnett, l-Ispeaker ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex ikompli jsostni l-missjoni tal-Ghana Mission Foundation fil-ħidma tiegħu favur il-popli fqar u l-morda fid-dinja b’aktar għotjiet ġenerużi.

 

Il-pubbliku jista’ jżur din il-wirja fil-Parlament ta’ Malta sat-Tlieta, 3 ta’ April 2019, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn id-09.00 ta’ filgħodu u s-18.00 ta’ filgħaxija, u s-Sibtijiet u l-Ħdud, bejn id-09.00 ta’ filgħodu u n-nofsiegħa (12:30). 


thumbnail

(I)  (II)  (III)  (IV)  (V)