Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Notary Ġużè Abela

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (4 Jan 2019 - 7 Set 1995)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 450 tas-Seba' Parlament tal-25 ta' Settembru 1995

KONDOLJANZI

ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Prim Ministru): Mr Speaker, fis-7 ta' Settembru tħabbret il-mewt ta' Dr. Guże' Abela. In-nutar Abela serva f'dan il-Parlament għal ħafna snin u jiena kelli l-okkażjoni li nkun nafu personalment meta kien jifforma parti mill-Oppożizzjoni fl-1969 u naturalment bqajt insegwih meta jiena wkoll kont deputat ta' din il-Kamra sakemm huwa rriżenja. Naħseb li hawn qbil bejn kulħadd li n-Nutar Abela kien bniedem ta' karattru sod, kien bniedem determinat u kien bniedem li ma kienx jaf x'inhuma kompromessi fejn jidħlu prinċipji li kien jemmen fihom hu. Jiena naħseb li l-ħajja tiegħu parlamentari uriet li dejjem kien konsistenti f'dawn il-prinċipji tiegħu sakemm dam deputat hawnhekk. F'dan il-Parlament kellu karriera twila; ġie elett l-ewwel darba fl-1950 u prattikament baqa' dejjem jiġi elett ħlief f'elezzjoni waħda sakemm irtira fl-1979. Kien deputat, kien viċi-president ta' din il-Kamra u kien Ministru, u dejjem mexa b'dan is-sens ta' rettitudni. Naħseb li lkoll għandna x'nemulaw f'dawn il-karatteristiċi sbieħ tiegħu. Jiena, bħala Prim Ministru, kelli l-unur u l-okkażjoni li nirrakkomanda biex il-President ta' Malta jagħti ġieħ lin-Nutar Ġuże' Abela billi għall-kwalitajiet tiegħu u għas-servizz li ta lil pajjiżna ġie nominat uffiċjal ta' l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu ta' Malta. B'dak l-att, f'isem l-Istat Malti, kellna okkażjoni nonoraw lin-Nutar Ablea għas-servizz li huwa ta lil pajjiżu.

Min jaf lin-Nutar Abela, jaf ukoll li minbarra li kien assidwu fid-doveri tiegħu f'dan il-Parlament, kien nutar magħruf u mqabbad ħafna. Fil-professjoni legali tiegħi mhux darba jew tnejn li kelli l-okkażjoni li nkun preżenti miegħu f'kuntratti li kien jippubblika hu u ħaġa li dejjem kienet tolqotni kienet il-mod kif kien jirrediġi l-atti għall-pubblikazzjoni b'ċertu eżattezza, dawk li aħna nsejħulhom il-korrezzjonijiet, u kif kien idaħħal il-postilli. Dan juri wkoll kif kien il-karattru tiegħu, bniedem ta' dettal, bniedem li dak li għandu jagħmel jagħmlu bl-akbar serjeta'.


Mr Speaker, in-Nutar Abela kien ukoll bniedem tal-familja u nafu wkoll li wieħed minn uliedu qiegħed fis-servizz tal-pajjiż. Ċertament li n-Nutar Abela rabba familja kif inhi x-xewqa tagħna lkoll li naraw il-familji tagħna jitilgħu b'sens ta' dedikazzjoni għal pajjiżna. F'ismi u f'isem sħabi nixtieq inwassal il-kondoljanzi lill-armla tan-Nutar Abela, lil uliedu, lil ħutu u lill-familjari kollha tiegħu. Jiena kelli okkażjoni nkun preżenti waqt il-funeral tiegħu; kellu knisja mballata bin-nies li juri r-rispett li huwa kien igawdi mill-poplu fejn kien jgħix u fejn kien twieled rifless naturalment fil-fatt li għal diversi drabi kien ġie elett deputat f'din il-Kamra. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

ONOR. ALFRED SANT: F'isem il-Partit Laburista u f'ismi, Sur President, nixtieq nagħti ġieħ lin-Nutar Ġuże' Abela li għal snin twal immilita b'mod mill-aktar eżemplari fi ħdan il-Partit Laburista. Kien wieħed mill-Ministri u politiċi Laburisti ewlenin tas-snin ħamsin, kien wieħed mis-suldati ta' l-azzar tas-snin sittin u baqa' dejjem sod fil-prinċipji tiegħu, dejjem ċar fil-linja li kien jieħu u dejjem rett fil-mod kif mexxa l-Ministeri li kien responsabbli għalihom kif ukoll ix-xogħol politiku li kien fdat f'idejh. Fis-snin sebgħin reġa' kien Ministru Laburista u żmien wara l-ieħor ikkonferma mhux biss il-prinċipji u t-twemmin tiegħu fil-prinċipji Laburisti u Soċjalisti imma wkoll id-determinazzjoni tiegħu li minn Malta nagħmlu pajjiż ħieles, modern u ħanin.

Lin-Nutar Abela jien sirt nafu l-aktar fl-aħħar snin, meta mill-ġdid kien qiegħed jagħti servizzi lill-Partit Laburista u mill-esperjenza personali tiegħi niftakar il-kuraġġ li bih kien jaffronta matul snin sħaħ l-għafsa ta' marda li kienet kiefra minnha nnifisha imma li matulha qatt ma rnexxilha tnaqqaslu jew traqqaqlu mill-moral u l-kuraġġ morali li bih kien jaffronta x-xogħol u l-isfidi tal-ħajja. Kien bniedem li jħares 'il quddiem, kien bniedem li ma kienx lest jagħmel kompromessi ma' dawk li kien iqis li huma affarijiet ta' l-akbar serjeta' u kien politiku li matul is-snin li dam fil-politika kien lest il-ħin kollu, anke bl-eżempju personali tiegħu, jagħti xhieda tal-fatt li s-Soċjaliżmu u l-Laburiżmu f'pajjiżna kien qiegħed jaqdi missjoni enormi, missjoni li jimmodernizza u jeħles lil pajjiżna. F'dan is-sens, naħseb li l-Maltin u l-GĦawdxin kollha għandhom id-dover li jagħtu ġieħ lin-Nutar Ġuże' Abela u waqt li aħna ningħaqdu magħhom, minn din in-naħa tal-Kamra nsellmu u nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familja kollha tan-Nutar Ġuże' Abela f'dan iż-żmien ta' niket u ngħidulha li l-memorja tiegħu fostna qatt m'hi se tintesa' għaliex kien wieħed minn dawk li mhux biss kien suldat ta' l-azzar meta pajjiżna u l-Partit Laburista kellu bżonn is-suldati ta' l-azzar imma kien ukoll wieħed minn dawk li flimkien ma' l-Onor. Perit Mintoff bnew lil Malta ġdida li nafu lkoll illum. Insellmulhom minn hawnhekk.

MR SPEAKER: Grazzi. Jiena ningħaqad ma' l-espressjoni ta' kondoljanzi taż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra jwassal dan kollu lill-familjari tan-Nutar Ġuże' Abela.

Electoral History

It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Karigi
Ministru tal-Finanzi u Dwana - 21.06.1971
Waqqaf: 01.10.1974
Ministru tal-Finanzi, Dwana u Portijiet - 01.01.1974
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 24.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Ta r-rizenja tiegħu mill-Parliament: - 18.06.1979
Karigi
Ministru tal-Finanzi, Dwana u Investimenti Finanzjarji tal-Poplu - 24.09.1976
Waqqaf: 18.06.1979