Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Renato Agius-Muscat

Lura għal-Lista

Ktejjeb tal-Kommemorazzjoni

Tifkira ta' Renato Agius Muscat fil-Kamra tad-Deputati Parlament ta' Malta

8 ta' Jannar 2011

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-13 ta' Mejju 1987 u l-20 ta' Jannar 1992

 


Renato Agius Muscat

 

L-EWWEL DISKORS TA’ RENATO AGIUS MUSCAT FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA


ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 19 TAT-TLIETA, 11 TA’ AWWISSU 1987 IS-SITT LEĠISLATURA


ONOR. RENATO AGIUS MUSCAT: Mr Speaker, bħala Deputat ġdid ta’ dan il-Parlament jiena wkoll inħoss li għandi nsemma’ leħni f’din il-Kamra bl-iskop li nikkritika fejn ikun hemm bżonn, u ngħin mill-aħjar li nista’ biex il-pjan ta’ dan il-Gvern Nazzjonalista jitħaddem matul dawn il-ħames snin li ġejjin.

Mr Speaker, bħala bniedem li ħdimt għal 29 sena sħaħ bħala għalliem fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, inħoss li l-ewwel diskors tiegħi għandu jkun l-aktar dwar id-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni tul dawn l-aħħar 16-il sena għadda minn taqlib u taħwid kbir. Jekk verament aħna lkoll irridu li dan il-pajjiż jimxi ’l quddiem biex ilaħħaq mal-progress, jeħtieġ li l-Gvern tal-ġurnata jagħti importanza kbira u speċjali lill-edukazzjoni ġenerali ta’ pajjiżna. U qiegħed ngħid dan għaliex jiddispjaċini ngħid li l-edukazzjoni f’pajjiżna għadha wisq ’il bogħod minn kif jixtieqha l-Gvern ta’ llum.

Mr Speaker, jekk nieħdu x’ġara mill-edukazzjoni tul dawn l-aħħar 16-il sena malajr nindunaw u nifhmu kemm verament il-Gvern Nazzjonalista għandu għaliex jaħdem. Għalhekk jiena nifraħ bħalma ferħu ħafna, meta llum nara l-passi li diġà ħa l-Ministru tal-Edukazzjoni fil-qasam edukattiv, passi illi qed jinbnew fuq pedamenti sodi u msejsa min-nies ta’ esperjenza fil-qasam edukattiv. Mr Speaker, fil-fatt x’kien l-ewwel pass li ħa l-Ministru l-ġdid ta’ dan il-Gvern? L-ewwel pass kien f’direzzjoni tajba. Fil-fatt jiena, bħal ħafna oħrajn, ma ninsa qatt, bħalma ma jinsew qatt l-għalliema fil-maġġoranza assoluta tagħhom, il-laqgħa kbira illi huma għamlu mal-Ministru l-ġdid tal-Edukazzjoni l-Onor. Ugo Mifsud Bonnici, laqgħa kbira illi kienet saret ftit wara l-ħatra tiegħu fid-Dar tal-Mediterran. Kienet laqgħa illi reġgħet qajmet il-moral tal-għalliema qalbiena li għandu dan id-Dipartiment. Kienet laqgħa li fiha l-għalliema għall-ewwel darba semgħu diskors għaqli, diskors onest u mimli ideat ġodda minn bniedem li verament irid jagħti ruħ ġdida lill-qasam tal-edukazzjoni fil-pajjiż tagħna.


Għidt li kien pass għaqli għaliex il-Gvern l-ieħor ma ttrattax tant tajjeb ma' l-għalliema u allura xekkel l-edukazzjoni f’dan il-pajjiż. Ma ninsa qatt l-id iebsa, u ħafna drabi kienet krudili f’dak il-waqt, li biha mexa l-Gvern meta t-teachers f’dak iż-żmien għaliex ħadu d-dritt tagħhom ma’ l-Union tagħhom, sabu ruħhom imkeċċija minn fuq il-post tax-xogħol. Mr Speaker, mhux biss tkeċċejna imma bqajna wkoll mingħajr il-paga diċenti li kellna f’dak iż-żmien. Għalhekk, Mr Speaker, jiena u sħabi ħafna drabi nurtaw ruħna meta min-naħa l-oħra nisimgħuhom jitkellmu fuq transfers. Bir-rispett kollu lejn il-ħbieb tiegħi tan-naħa l-oħra, jiena ma niħux pjaċir meta jsir id-deni, però ma ninsa qatt il-każ tiegħi għaliex f’dak iż-żmien jiena wkoll għaddejt ġimgħat sħaħ mingħajr ma nieħu l-paga għand il-familja tiegħi. Jiena wkoll, Mr Speaker, għandi mara u għandi żewġt itfal żgħar. Ħija wkoll kien għadda mill-istess esperjenza meta għal kważi tmien xhur sħaħ ġie mkeċċi minn Telemalta mingħajr ma jieħu paga, mingħajr ma jieħu bonus u mingħajr ma jieħu allowances ta' xejn. U dan ukoll għandu mara u tlett itfal żgħar. Mijiet ta’ ħadiema fil-banek, f’Telemalta, fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni għaddew minn dan il-martirju kbir u ħadd minn tan-naħa l-oħra meta kienu fil-Gvern ma bkiehom dak inhar mhux biss l-individwi bħala ħaddiema imma lanqas il-familji tagħhom illi għaddew minn tiġrib kbir. Qiegħed ngħid dan għax minħabba dawn l-inġustizzji l-edukazzjoni f’pajjiżna kienet sofriet ukoll. Dak inhar rajna kif b’daqqa ta’ pinna sfaxxaw l-iskejjel kollha tal-Gvern, mhux biss, imma anke fl-istess żmenijiet l-iskejjel tal-Knisja għaddew ukoll minn kalvarju sħiħ. U nixtieq, Mr Speaker, li aħna wkoll inkunu onesti u nsaqsu lilna nfusna x’ġid ħadet l-edukazzjoni bil-passi mgħaġġla li ħa l-Gvern ta’ dak iż-żmien. Jekk niġu issa biex ngħidu kif tmexxiet l-edukazzjoni taħt l-Amministrazzjoni Soċjalista f’dawn l-aħħar 16-il sena allura bilfors irridu insemmu l-iżbalji li saru fil-qasam amministrattiv. U qiegħed ngħid dan mhux biex inweġġa’ lil xi ħadd, imma qed ngħidu biex ’il quddiem dawn l-affarijiet ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. Jekk nieħdu, Mr Speaker .....

MR SPEAKER: Onor. Membru, nixtieq infakkrek biex toqgħod attent kif titkellem. Tinsiex illi hemm liġi għaddejja fuq l-inġustizzji. Ma tistax titkellem fuq din il-liġi għax inkella tkun out of order. Kompli.

ONOR. RENATO AGIUS MUSCAT: Mr Speaker, qiegħed ngħid x’kien ġara mill-kindergartens sa l-Università u nsibu kemm saru żbalji kbar minħabba nuqqas ta’ ppjanar. Per eżempju, fil-kindergartens saru żbalji meta dawn tneħħew mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u tpoġġew f’dipartiment ieħor sakemm reġgħu marru fejn suppost. Saru żbalji fl-eżamijiet meta tneħħew fl-1972 u reġgħu bdew isiru ħames snin wara għaliex il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ammetta li kien għamel żball kbir. U mhux talli neħħihom dakinhar, talli mbagħad għabba bl-eżami anke lit-tfal ta’ seba’ snin. Saru riformi kull sena li ħadd ma baqa’ jaf fejn konna sejrin. U tant ħawwadna li niftakar li anke l-istess Kabinett induna għaliex kien biddel lill-Ministru tal-Edukazzjoni għal xi tliet darbiet.

Mr Speaker, jekk niġu għall-Università, insibu li Gvern Soċjalista wettaq fiha ġrieħi kbar. Per eżempju, neħħa l-awtonomija xierqa tal-Università, neħħa d-dritt li l-Università tgħallem il-korsijiet li normalment huma s-sinsla ta’ kull università. Il-Gvern Soċjalista daħħal anke s-sistema tal-parrinu li kienet tfakkarana biss fil-parrinu tal-magħmudija tagħna lkoll. Daħħal is-sistema ta' sitt xhur studju u sitt xhur xogħol, sistema li tellef lil ħafna żgħażagħ li jidħlu teachers fl-istess dipartiment.

Mr Speaker, hawnhekk ma nixtieqx li nikkritika biss però nixtieq li anke nagħmel suġġeriment lill-Ministru il-ġdid. Nixtieq li anke fl-iskejjel primarji tal-Istat tingħata importanza fl-arti. U jeħtieġ li t-tgħalim tal-arti jinbeda miċ-ċokon ħalli t-tfal jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Nixtieq li permezz tat-television titqanqal kuxjenza u jibdew isiru programmi - ħaġa li kienet bdiet u li mbagħad inqatgħet - biex jedukaw il-poplu minn kull att ta’ sens ċiviku. Nixtieq nissuġerixxi lill-Ministru illi nħarsu lill-iskejjel tagħna kollha mill-politika biex kemm jista' jkun lil uliedna nħalluhom biss japprezzaw it-tagħlim. Nixtieq ukoll li jkun hemm aktar kordinament bejn id-Dipatiment tal-Edukazzjkoni u l-union tat-teachers li tirrappreżenta l-maġġoranza assoluta tal-għalliema f’dan il-pajjiż biex l-aħjar deċiżjonijiet jittieħdu mhux biss għall-ġid tal-għalliema imma wkoll għall-ġid tat-tfal.

Mr Speaker, jien inħossni kburi għall-fiduċja li wrew fija għall-ewwel darba l-votanti tat-Tielet Distrett. Inħossni kburi għaliex b’mod partikolari n-nies ta’ Ħaż Żabbar għal snin twal fl-imgħoddi kienu wrew fiduċja għall-għażiż missieri li għal ħafna snin twal kien mhux biss Deputat imma wkoll kien Ministru, Deputat li kien bniedem verament onest u li llum għallimni li meta bniedem jaħdem fis-sewwa, jgħin lill-batut u jgħin lill-fqir, il-memorja tiegħu ma titħassar qatt. Jien ta’ dan rikonoxxenti lejn missieri u naħlef li b’lealtà kbira nimxi fuq il-passi tiegħu, u fl-istess waqt b’għaqda mal-Partit Nazzjonalista li anke lejh jien għandi lealtà kbira, inkompli naħdem biex f’pajjiżna verament isaltnu x-xogħol, il-ġustizzja u l-libertà. Grazzi ħafna.

 

Kondoljanzi (8 Jan 2011)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 301 tal-Ħdax-il Parlament tat-Tnejn 17 ta' Jannar 2011

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin): Sur President, fit-8 ta’ Jannar tħabbret il-mewt ta’ Renato Agius Muscat. Naturalment lil Renato konna nafuh ħafna, l-ewwel nett għax ġej mill-familja ta’ Agius Muscat li ilha fil-politika, partikolarment fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Missieru Dr. Giuseppe Agius Muscat tista’ tgħid li kien ikona f’Ħaż-Żabbar u tela’ f’kull elezzjoni mill-1927 sal-1953. Kien Ministru tas-Saħħa fil-gvern ta’ Nerik Mizzi f’Settembru tal-1950 u anke fil-gvernijiet ta’ Ġorg Borg Olivier. Allura kważi kien naturali li meta l-partit talab lil Renato sabiex joħroġ fuq id-distrett ta’ Ħaż-Żabbar fl-1987 huwa aċċetta. Jiena l-ewwel darba li sirt naf b’Renato Agius Muscat kien permezz tat-televiżjoni għax bħat-tfal kollha konna naraw il-programm tiegħu “Studio għat-tfal”. Dam ħafna fil-mezzi tax-xandir jippreżenta l-programmi u pparteċipa wkoll f’korsijiet tal-BBC barra minn Malta.

Renato Agius Muscat kien deputat ta’ din il-Kamra bejn l-1987 u l-1992 imma anke meta spiċċa minn deputat baqa’ attiv, l-aktar f’Ħaż-Żabbar. Tant hu hekk li għamel xi żmien kunsillier u anke sindku ta’ Ħaż-Żabbar. Meta kien deputat bejn l-1987 u l-1992 kien ukoll il-whip tal-grupp parlamentari li kif nafu mhijiex l-eħfef kariga li tkun u ftit jgħidulek grazzi talli tpoġġihom fiha imma Alla ħares ma jkollniex il-whips. Terġa’ dak iż-żmien ma kellhomx il-mezzi moderni tal-lum fejn tista’ tibgħat messaġġi malajr biex id-deputati jiġu l-parlament. Allura ta’ min ifakkar ukoll dan is-sehem li ta Renato Agius Muscat bħala whip tal-grupp parlamentari. Fr. Charles Vella ddeskrivih bħala a man for all seasons, u verament hekk kien għax kien għalliem, kien deputat u kien jaħdem ħafna fil-lokalità tiegħu.

Kieku kellu xi ħadd tistaqsini x’niftakar l-aktar fuq Renato Agius Muscat ngħid li niftakar li kien jieħu l-ħajja bis-serjetà imma mhux bis-serjetà żżejjed, jiġifieri dik iċ-ċajta kien iħobb jgħidha u dik il-praspura kien iħobb jagħmilha wkoll. Hawnhekk m’għandix ċans nirrakkonta xi wħud mill-praspar li kien jagħmel a dettriment ta’ membri ta’ dan il-grupp meta kienu jsiefru imma ngħid biss li qatt ma rajtu bin-nervi, dejjem kien bit-tbissima fuq fommu u din tirrifletti wkoll ċerta serenità interna.

Kien attiv ħafna wkoll fil-qasam soċjali. Fil-fatt kien jaħdem ħafna fil-Moviment ta’ Kana kif ukoll f’Ħaż-Żabbar li dejjem baqa’ jħobb. Għalhekk fl-okkażjoni ta’ din it-telfa li sofriet il-familja tiegħu - u naħseb l-attendenza fil-funeral tiegħu fil-knisja ta’ Ħaż-Żabbar uriet ir-rispett li ż-Żabbarin u anke nies minn barra Ħaż-Żabbar kellhom lejn din il-personalità – nitlob lis-Sedja sabiex kif isir is-soltu, tordna lill-iSkrivan tal-Kamra tibgħat il-kondoljanzi lill-mara tiegħu Anna kif ukoll liż-żewġ uliedu Andrew u David.

MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): Grazzi. L-Onor. Farrugia.

ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, bħalma qal il-Ministru Tonio Borg, jien niftakar l-iktar lil Renato Agius Muscat fuq it-television meta kien jagħmel dawk il-programmi popolari. Kien jemmen ħafna fl-edukazzjoni u minn dak li qrajt fuqu kien edukattur li baqa’ edukatur u anke fid-diskorsi tiegħu kien dejjem jagħti importanza kbira u speċjali fuq l-edukazzjoni ġenerali ta’ pajjiżna. Din hija xi ħaġa li toħroġ fil-karattru tiegħu. Meta tkellmu kien jitkellem qisu qed jipprova jgħallmek, fis-sens li jrid jgħaddilek xi ħaġa.

L-iktar ħaġa li affaxxinatni f’Renato minn dak li qrajt - għax jien, għalkemm kont naf min hu u kien hemm okkażjonijiet fejn iltqajna, ma kontx nafu mill-viċin - kienet li bħal Mario Felice kien iben deputat u ex ministru ta’ dan il-parlament, u kien jemmen u kien jgħid li jrid jieħu l-eżempju ta’ missieru għax ried jibqa’ jagħti dak li jista’ lill-batut u lill-fqir, ovvjament skont dak li kien jemmen fih hu. F’dan il-mument, din in-naħa tixtieq tingħaqad man-naħa tal-gvern sabiex nagħtu l-kondoljanzi lil martu u lit-tfal tiegħu wara t-telfa tal-mibki ħabib tagħna Renato Agius Muscat. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad ukoll mas-sentimenti u mal-kummenti li saru miż-żewġ naħat tal-Kamra. Jiena tlajt f’dan il-Parlament fl-istess leġislatura li fiha tela’ wkoll Renato Agius Muscat u allura huwa persuna li jiena naf ħafna f’dan il-Parlament. Kien tassew bniedem fabbli u li dejjem xtaq u ħadem favur il-ġid għal ħaddieħor u għal pajjiżu. Minn hawnhekk nitlob li lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex twassal dawn il-kondoljanzi lill-familja u l-qraba ta’ Renato Agius Muscat.

Qabel ma nagħlqu rrid insellem lill-qraba u lill-familjari tal-membri li ġew nieqsa li għoġobhom jiġu f’din il-Kamra. Il-preżenza tagħhom tatna ċ-ċans li nwasslu direttament il-kondoljanzi tagħna u nesprimu r-rispett tagħna lejn il-maħbubin tagħhom li ġew nieqsa.

Electoral History

Is-Sitt Leġiżlatura (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 13.05.1987
Ġurament tal-Ħatra: 09.07.1987
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992