Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Emmanuel Attard Bezzina

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (18 Diċ 1921 - 7 Ott 1988)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 139 tas-Sitt Parlament tal-10 ta' Ottubru 1988

KONDOLJANZI

ONOR. GUIDO DEMARCO (Viċi Prim Ministru, Ministru ta' l-Interm u Ġustizzja): Sur President, il-Kamra u l-pajjiż jafu bil-mewt tal-ħabib tagħna l-Ispiżjar Manuel Attard Bezzina. Minn meta kont żagħżugħ fil-politika l-isem ta' l-ispiżjar Manuel Attard Bezzina dejjem kien magħruf. Proprju dalgħodu kont qed nara ftit id-dibattitu li sar f'dan il-Parlament in konnessjoni ma' riżenja u elezzjoni ta' Speaker ieħor. Proprju f'dak l-istess dibattitu - qed nirreferi għas-Seduta tas-16 ta' Jannar, 1978, fejn sibt li dak inhar kien irriżenja l-iSpeaker Nestu Laviera u kien hemm l-elezzjoni ta' l-iSpeaker sussegwenti - kien hemm ir-riżenja tal-ħabib tagħna, is-Sur Manuel Attard Bezzina. U se naqra l-ittra ta' riżenja li hu kien bagħat lill-Kamra.

"Qed nibgħatlek, Sur Speaker, ir-riżenja tiegħi bħala Deputat tal-Kamra tar-Rappreżentanti għat-Tielet Distett Elettorali. Filwaqt li nibgħat nirringrazzja lilek u lill-istaff tiegħek għall-ħbiberija u l-koperazzjoni li rajt matul dawn l-aħħar 30 sena, nitolbok twassal it-tislijiet tiegħi lid-Deputati kollha tal-Kamra.".

Immaġinah 30 sena fis-servizz tal-pajjiż, f'dawn it-30 sena ta s-servizzi tiegħu għal Malta dejjem kif hu ra l-aħjar kif għandha tiżviluppa ruħha. Kienu fil-fatt huwa u l-mara tiegħu Fanny, koppja li f'dan il-pajjiż kienu koppja magħrufa, komplimentari għal xulxin, hu għandu merti u l-mara tiegħu għandha merti oħrajn komplimentari għalih. U f'din il-koppja - u l-iktar li nafu jien meta kien Speaker ta' dan il-Parlament - dejjem kont tara fiha stil kif huma jipprovaw ikunu mhux popolari għall-gost tal-popolarita' imma popolari għaliex il-karattru tagħhom flimkien kien irendihom żewġ tipi li jafu kif iservu lill-pajjiż bl-aħjar mod li huma ġġudikaw fiċ-ċirkostanzi. Naturalment jien kont nafu ħafna mill-viċin għal ħafna snin u kien bniedem sinċier speċjalment meta kien ikun imbagħad fil-konverżazzjoni privata, kien jaf jiftah qalbu, kien jaf jitkellem. Niftakar li ġieli sifirna flimkien u kien bniedem li kien jitkellem b'tant umanita' fuq tant affarijiet. Meta jien kont preżenti għall-funeral tiegħu u rrappreżentajt mhux biss lili nnifsi imma lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, dak il-ħin ħassejt it-telfa ta' ħabib, ta' politiku sinċier, ta' bniedem li għal tant snin għamel li seta' skond l-aħjar ġudizzju tiegħu għal pajjiżna. Naħseb li Malta hi grata lejn il-memorja tiegħu. U għan-nom tal-Kamra bħala Leader of the House, nixtieq inwassal is-sens ta' kondoljanzi tiegħi u tagħna lkoll lill-membri tal-Familja Attard Bezzina. (Onor.Membri: Hear, hear)

THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Manuel Borda): Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI: Għan-nom ta' l-Oppożizzjoni, nixtieq nissekonda dak li għadu kif qal il-Viċi Prim Ministru u Kap tal-Kamra, jiġifieri l-espressjoni ta kondoljanzi u ta' niket li huwa fisser għan-nom tal-Kamra kollha, fl-okkażjoni tal-mewt ta' l-Ispiżjar Attard Bezzina. L-ispiżjar Attard Bezzina kien wieħed mis-suldati validissimi u tenaċi mill-bidu tal-Partit tal-Ħaddiema minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Jiġifieri miż-żmenijiet erojiċi tal-Partit meta l-Partit kien spiċċa b'minoranza, kien wieħed mis-seba' deputati li baqa' marbut mal-bandiera tal-Partit tal-Ħaddiema. L-ispiżjar Attard Bezzina ħadem biex il-Partit tal-Ħaddiema jkun jista' jikber, jerġa' jieħu s-saħħa tiegħu, u jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu kif għamel fl-1955, Kien bniedem li ħadem bi sħiħ kemm għal pajjiżu, kemm għad-distrett li kien jirrappreżenta, kif ukoll għall-Partit li lilu għamel ġieh.

Min-naħa tagħna aħna diġa' fissirna s-sogħba tagħna għall-mewt ta' dan is-suldat validissimu li sofra fl-agħar żmenijiet ta' persekuzzjoni tal-Partit. U għal darba oħra nerġgħu niddikjaraw pubblikament l-apprezzament tagħna għal nies li bħall-Ispiżjar Attard Bezzina jbatu meta jaħdmu għal pajjiżhom, għad-distrett li jirrappreżentaw u għall-partit li huma jkunu membri fih. (Onor. Membri: Hear, hear)

THE DEPUTY SPEAKER: Is-Sedja wkoll tingħaqad ma' dawn il-ħsebijiet ta' sogħba, u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu.

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Karigi
President tal-Kamra tad-Deputati
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 25.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Ta r-rizenja tiegħu mill-Parliament: - 26.12.1977