Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Ms Agatha Barbara

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (11 Mar 1923 - 4 Fra 2002)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 690 tad-Disa' Parlament tal-4 ta' Frar 2002

KONDOLJANZI

ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Prim Ministru): Mr Speaker, wara nofsinhar jien ġejt informat – u l-aħbar malajr inxterdet ma’ Malta kollha – li s-Sinjorina Agatha Barbara, president emeritus ta’ Malta, ħallietna. Lil Agatha Barbara ħafna minna jiftakruha għal ħafna snin f’dan il-parlament, ilkoll nafuha bħala President tar-Repubblika u naħseb li lkoll nistgħu ngħidu li kienet mara li kkontribwiet bi sħiħ fil-ħajja politika u soċjali ta’ pajjiżna.

Jekk wieħed iħares lejn il-karriera politika tagħha, malajr jinduna li hija kienet l-ewwel fost in-nisa li ġiet eletta f’dan il-Parlament fl-elezzjoni ta’ l-1947, kienet l-ewwel mara ministru tal-gvern Malti u kienet l-ewwel President tar-Repubblika ta’ pajjiżna.

Ċertament li dawn l-achievements tal-mibkija Agatha Barbara huma straordinarji. Jien kelli okkażjoni nsir nafha pjuttost mill-viċin kemm ili fil-Parlament kemm bħala kap tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll bħala prim ministru u nista’ ngħid li l-karatteristika ewlenija tagħha kienet l-integrita`. Naħseb li seta’ wieħed ma jaqbilx - kif aħna l-politiċi ħafna drabi nagħmlu – magħha pero` għalija, bil-mod kif kienet iġġib ruħha, konvinta minn dak li qiegħda tagħmel, kienet tiddistingwi ruħha bħala persuna integra għal kollox.

Jien kemm-il darba kelli kuntatti diretti magħha u jekk niftakar sewwa l-ewwel darba kienet fl-1977 meta kont għadni kif sirt kap tal-partit u kont sejjer l-Awstralja. Dak iż-żmien hija kienet ministru responsabbli mix-xogħol u kienet ġentilment stednitni biex niltaqa’ magħha fl-uffiċċju tagħha sabiex flimkien niddiskutu x’atteġġjament kelli nieħu meta mmur l-Awstralja u niltaqa’ mal-Maltin ta’ l-Awstralja. Irrid ngħid li f’dak l-inkontru jien assigurajtha li fl-Awstralja kont se mmexxi s-sentimenti li hija kienet esprimiet fl-aħjar interessi ta’ pajjiżna f’dak il-mument.

Sussegwentement naturalment f’dan il-parlament assistejt għal diversi dibattiti, anke magħha, u nerġa’ ngħid dejjem apprezzajt li kienet bniedma ta’ konvinzjoni, ċerta minn dak li qed tgħid u taħdem għalih. Niftakar li kuntatt mill-viċin ħafna li kelli magħha kien fil-kriżi politika kostituzzjonali wara l-elezzjoni ta’ l-1981 meta hija ġiet eletta bħala President ta’ Malta. F’dak iż-żmien ta’ kriżi u diffikultajiet li kellna kienet hi li ħadet l-inizjattiva biex tlaqqa’ liż-żewġ naħat fil-Palazz tal-President f’San Anton, u niftakar li kienet stienet lili biex informalment naraw kif niżblokkaw is-sitwazzjoni. Proprju kien b’dan l-intervent tagħha li konna wasalna biex żblokkajna b’xi mod is-sitwazzjoni li konna ninsabu fiha dakinhar.

Kif sirt naf bil-mewt ta’ Agatha Barbara, ikkomunikajt mal-persuna viċin ħafna tagħha, jekk m’iniex sejjer żball, in-neputija tagħha, wassalt il-kondoljanzi tiegħi u tal-gvern, u nformajt ukoll lill-familja li l-gvern kien qiegħed joffri li jsir funeral statali kif jixraq lil ex President ta’ Malta. L-arranġamenti qegħdin isiru, naturalment iridu jsiru wkoll skond ix-xewqat tal-familja u għalhekk għadni m’iniex f’pożizzjoni li ngħid kif se jsir il-funeral, pero` kif għedt ix-xewqa tal-gvern - u naħseb li hija wkoll ix-xewqa tal-Kamra - hija li jsirilha funeral Statali.

Jien minn hawnhekk insellem lil Agatha Barbara li kienet tispikka bħala mara dħulija. Jien spiss f’dawn l-aħħar snin kont inkun sejjer Għawdex - l-aħħar darba proprju ftit tal-ġimgħat ilu - u niltaqa’ magħha tkun sejra Għawdex hi wkoll u tistedinni u tgħidli li d-dar tagħha f’Għawdex hija disponibbli biex immur jien bil-familja tiegħi fiha.

Naturalment aħna l-parlamentari ħafna drabi iktar inkunu magħrufa għall-ħruxija ta’ l-argumenti u n-nies ma jarawx biżżejjed il-persuna ta’ ġewwa. U fil-persuna ta’ Agatha Barbara kien hemm ħafna ġentilezza, ħniena, komprensjoni u, kif diġa` għedt, integrita` sħiħa.

Jien, Mr Speaker, nixtieq formalment inwassal il-kondoljanzi tiegħi, tal-gvern u ta’ din in-naħa tal-Kamra lill-familjari ta’ Agatha Barbara u naħseb li jkun xieraq li, bħala sinjal ta’ rispett, stima u sobgħa lejha, din is-seduta tiġi aġġornata mingħajr ma jsir id-dibattitu tal-lejla għas-seduta li jmiss. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): Grazzi. Insejjaħ issa lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.

ONOR. ALFRED SANT (Kap ta’ l-Oppożizzjoni): Sur President, nista’ ngħid li għal din in-naħa tal-Kamra t-telfa tal-lum forsi hija doppja, fis-sens li llum qed nikkommemoraw il-persuna li jien ma niftakarhiex mhux fil-politika. Tul ħajti kollha jien naf li Agatha Barbara bħala personaġġ storiku li mbagħad daqs 20 sena ilu bdejt insir nafha fuq bażi personali.

Agatha Barbara hija personaġġ storiku li kienet protagonista fl-iżvilupp politiku ta’ pajjiżna, ħadmet b’qalb u b’intelliġenza kbira u b’impenn sħiħ minkejja d-diffikultajiet personali kbar li ġarrbet matul ħajjitha, u li l-elenku ta’ dak li għamlet tul il-karriera politika tagħha huwa djarju ta’ x’kienu l-iżviluppi politiċi mis-snin erbgħin ‘il hawn. Kienet parti mill-mewġa ġdida ta’ żgħażagħ tas-snin erbgħin li fin-naħa tax-xellug kienu qed jirrivoluzzjonaw il-mod kif tinħadem u ssir il-politika, fiduċjużi fihom infushom u fil-futur ta’ pajjiż li kien għadu bażi militari. Kienet protagonista mbagħad kemm fl-isplit tal-Partit Laburista li asserixxiet ċerta integrita` nazzjonali fil-pajjiż u ċerta ħidma biex nittrasformaw lil dan il-pajjiż u l-istrutturi ekonomiċi tiegħu, kif ukoll wara s-snin tad-deżert bejn l-1950 u l-1955 fejn kienet protagonista f’qasam li forsi kien ntesa xi ftit jew iddgħajjef fil-kontribut li tat bħala ministru ta’ l-edukazzjoni. Jien nippriferi li niftakruha bħala doer, bħala li kienet twettaq l-affarijiet, u bejn il-1955 u l-1958 bħala ministru ta’ l-edukazzjoni forsi kienet l-ewwel waħda fil-qasam politiku tagħna li affermat il-ħtieġa ta’ żvilupp politiku aċċellerat.

Jien nixtieq li hawnhekk naqra dak li qalet Edith Dobie dwar l-operat ta’ Miss Agatha Barbara bħala Ministru ta’ l-edukazzjoni f’dawk is-snin - għaliex lil Miss Agatha Barbara tal-ġenerazzjoni tiegħi forsi aktar niftakruha fuq dak li sar fi snin sebgħin u tmenin, imma fis-snin ħamsin kellha diġa` kontribut distint li kienet qed tagħti - fil-ktieb “Malta’s Road to Independence” għaliex kif għedt, naħseb li hemm bżonn li niftakruha wkoll bħala doer. Fil-fatt Dobie qalet hekk:

“The achievements of Miss Agatha Barbara, Minister of Education …”

- din riferibbli għas-snin bejn l-1955 u u l-1958 –

“ … in providing full time education for children in government schools could hardly be derided in view of the poor record of the Nationalists who were always claiming devotion to education. Within four weeks after the Labour group took office, 43 men and 47 women had been selected and given position as teachers from amongst 49 men and 101 women applicants with the necessary qualifications. 10 graduates of the ladies’ teacher college were also given employment in these schools and the legislator had voted Lm56,703 for school buildings. By the end of the year part-time education was practically eliminated.”.

Din hija xi ħaġa li dawn l-affarijiet konkreti huma xhieda ħafna aktar minn affarijiet oħra ta’ l-impenn ta’ Agatha Barbara għall-iżvilupp kulturali u soċjali ta’ pajjiżna. Norbtuh ukoll ma’ l-impenn tagħha għal aktar ħidma u parteċipazzjoni min-nisa fil-qasam tat-tmexxija politika u soċjali f’pajjiżna mhux neċessarjament permezz ta’ bidliet f’liġijiet u regolamenti daqskemm bl-eżempju. Kienet waħda minn dawk li jmexxu from the front, anke f’dan il-qasam fejn l-eżempju tagħha bħala l-ewwel deputat mara, l-ewwel ministru mara u eventwalment l-ewwel President mara, kien ta’ kif in-nisa f’pajjiżna jistgħu u għandhom jieħdu rwol ewlieni fit-tmexxija flimkien ma’ l-irġiel.

Nixtieq li llejla nikkommemorawha wkoll bħala freedom fighter. Huwa veru li dan huwa kliem li ma tantx għadu moda dawn iż-żmenijiet, imma nixtieq infakkar li f’dak li nqala’ fl-1958 Miss Agatha Barbara kienet waħda minn dawk li ġew imwaddba l-ħabs biex ipattuhielha talli kienet ħadet sehem f’dak li tqanqal bħala protesta għal kif l-Ingliżi kienu qed imexxu lil Malta. Matul is-snin sittin kienet ukoll protagonista fil-kriżi politika reliġjuża ta’ dak iż-żmien fejn minkejja li kellha problemi personali kbar, għax ħafna drabi ma kellhiex biex tgħix tajjeb, kienet mexxiet ħidma politika u ġurnalistika ma taqta’ xejn biex issostni t-twemmin tagħha.

Nixtieq ukoll infakkar u nagħti ġieħ illejla mbagħad ir-rwol tagħha bħala ministru ta’ l-edukazzjoni mill-ġdid fis-snin sebgħin, kif ukoll bħala ministru tal-kultura fejn għadu mhux rikonoxxut biżżejjed il-kontribut li tat biex il-kultura titqies bħala orizzont ewlieni fil-ħidma governattiva ta’ pajjiżna. U kienet hi li serviet ta’ protagonista anke f’dan il-qasam fis-snin tmenin, kif ukoll ix-xogħol li tat bħala ministru responsabbli mis-servizzi soċjali fosthom tax-xogħol li għadu kemm semma l-Prim Ministru, fejn kienet kostantement tistinka biex dak li temmen fih twettqu skond il-ħila, il-mezzi u t-talenti tagħha.

Naħseb li kull wieħed u waħda minna jiftakru s-snin tagħha bħala President ta’ Malta fejn tat kontribut distint u fejn dak li għamlet u qalet baqa’ wkoll xempju tal-ħila tagħha biex tidħol għal roles li jafdawlha b’impenn u b’serjeta` u taqdihom b’leata` sħiħa; il-leata` u l-impenn kienu l-marki distintivi tagħha. Nixtieq ukoll infakkar il-mod kif kienet tħares lejn ħajjitha.

Miss Agatha Barbara kienet qis ħajjjitha bħala li qiegħda hemm bħala servizz u mhux l-ewwel darba, anke wara li spiċċat mill-kariga tagħha ta’ President, li kienet ġiet tara lili u lil nies oħra ta’ l-oppożizzjoni biex tistaqsihom kif tista’ tgħin. U kienet tħossha diżappuntata ħafna drabi meta ma konniex noħorġu minnufih b’suġġerimenti ta’ kif hi tista’ tgħin għaliex naħseb li matul il-karriera kollha tagħha kien hemm xi ħaġa li kienet kostanti u din kienet li kienet qiegħda biex taħdem, tistinka u timpenja ruħha.

Nixtieq li anke llelja waqt li nagħtiha ġieħ u nissekonda mija fil-mija kull ħaġa li qal il-Prim Ministru, infakkar dan l-aspett tal-karattru tagħha li kien jagħmilha l-mara li hi, mara militanti u umana bil-mod kif tmexxi l-ħsebijiet tagħha, il-politika tagħha u anke bil-mod kif issostni l-imġiba tagħha kemm personali kif ukoll politika.

Jien waqt li naqbel li u nirringrazzja n-naħa tal-gvern li qiegħda toffri li tagħmel funeral Statali f’dan il-qasam għal Agatha Barbara nemmen li l-aqwa ġieħ li nistgħu nagħtuha huwa li fit-tifkiriet tagħna nibqgħu niftakruha kif dejjem nafha jien bħala mara li kienet dejjem disponibbli biex tagħti s-servizz tagħha lil dawk li jinsabu madwarha speċjalment u l-aktar lin-nies tax-xogħol. Fil-ħidma li għamlet matul is-snin għan-nies tax-xogħol, għall-klassi tal-ħaddiema kienet qed tagħti l-aqwa servizz kif tat lil pajjiżna.

Nagħti wkoll il-kondoljanzi kif għamel il-Prim Ministru lill-familja kollha tagħha f’ismi u f’isem l-Oppożizzjoni Laburista. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. Jiena ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra permezz tal-Prim Ministru kif ukoll permezz tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.

Jien ukoll kont naf lill-ex President Agatha Barbara, kemm bħala Membru Parlamentari kif ukoll bħala ministru u iktar tard bħala President tar-Repubblika u kont nara fiha l-ħeġġa, il-kuraġġ u d-dixxiplina fil-karattru tagħha, liema kwalitajiet għenuha taqdi d-doveri tagħha parlamentari, ministerjali u anke meta imbagħad saret President.

Jien ukoll kont naraha fuq il-vapur ta’ Għawdex għaliex kienet tmur hemm b’mod regolari, u jekk jien informat tajjeb, proprju sal-bieraħt lura kienet hemm.

Filwaqt li nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal dawn is-sentimenti kif espressi lill-familjari tagħha nsejjaħ lill-Viċi Prim Ministru sabiex, jekk jogħġbu, jressaq l-Aġġornament tal-Kamra.

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġiet eletta: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġiet eletta: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġiet eletta: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Karigi
Ministru tal-Edukazzjoni u Kultura - 21.06.1971
Waqfet: 01.10.1974
Ministru tax-Xogħol, Impiegi u Sigurtà - 01.10.1974
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġiet eletta: 24.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Karigi
Ministru tax-Xogħol, Għajnuna Soċjali u Kultura - 24.09.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġiet eletta: 18.02.1981
Ġurament tal-Ħatra: 15.02.1982
Tat ir-riżenja tagħha mill-Parliament:

Appuntata President ta' Malta

- 16.02.1982