Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Mrs Evelyn Bonaci

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (16 Diċ 2008)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 68 tal-Ħdax-il Parlament tat-12 ta' Jannar 2009

KONDOLJANZI

THE DEPUTY SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin.

ONOR. TONIO BORG: Sur President, fis-16 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet tħabbret il-mewt ta’ Evelyn Bonaci fl-età venerabbli ta’ 92 sena. Is-Sinjura Evelyn Bonaci kienet membru tal-Kamra tad-Deputati għal għaxar snin sħaħ u kienet timmilita fil-kamp Laburista. Din kienet attiva ħafna fil-Partit Laburista tant li kienet waħda mill-fundatriċi tas-sezzjoni nisa tal-Partit u kienet ukoll tirrappreżenta lill-kostitwenti tal-lokalità ta’ Birkirkara. Peress li professjonalment jien dejjem ħdimt f’dik il-lokalità naf ir-rispett li hija kienet tgawdi fost il-kostitwenti tagħha. Niftakar li meta kienet deputat kienu jsibuha bħala “Is-sinjura”, u dan mhux fis-sens materjali imma fis-sens tal-valuri tagħha, fis-sens tal-altruwiżmu tagħha u anke għall-imħabba għall-proxxmu.

Dan nafu minn klijenti tiegħi u min-nies oħrajn li kienu bbenefikaw mill-ħidma tagħha. Kienet deputat li kienet tieħu ħsieb l-aktar l-interessi tal-kostitwenti, u dan huwa wieħed mill-funzjonijiet importanti ta’ membru parlamentari. Kultant nippretendu li membru parlamentari għandu biss jiddiskuti l-liġijiet u li jagħmel il-papers u d-diskorsi. Ovvjament dawk huma importanti, imma huwa importanti wkoll – u għalhekk niġu eletti – li ngħinu lin-nies jieħdu dak li ħaqqhom, kemm b’mod li jsiru interventi mas-servizz ċivili kif ukoll b’mod li wieħed jitkellem fl-interessi tagħhom f’dan il-Parlament. Dan is-Sinjura Bonaci għamlitu kif kienet taf hi u bl-aħjar mod kif kienet taf hi.

Ħallew jibku t-telfa tagħha – kienet armla diġà – lit-tfal tagħha, Tessie, Winnie, John u Nadia. Hemm ukoll il-qraba u t-tfal ta’ Alfred, it-tifel tagħha li kien miet qabilha. Kif jiġri f’dawn l-okkażjonijiet nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra tibgħat il-kondoljanzi tagħha lill-membri tal-familja Bonaci. Nirringrazzjak.

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.

ONOR. JOSEPH MUSCAT: Sur President, is-Sinjura Evelyn Bonaci kienet mara li kellha kuraġġ tidħol fix-xena politika fi żmien meta kien aktar diffiċli mil-lum il-ġurnata li mara tieħu dan il-pass tant kuraġġjuż li tkun ta’ servizz għal pajjiżna. Għamlet dan filwaqt li rabbiet il-familja tagħha u filwaqt li wessgħet lill-familja tagħha. Il-Karkariżi u n-nies tad-distrett jgħiduli li kienet tirrappreżenta lill-kostitwenti tagħha b’ħeġġa kbira u kienet tittrattahom daqslikieku kienu parti mill-familja tagħha. Kienet tissimbolizza l-ġustizzja soċjali mhux biss bil-kliem imma bil-fatti fi żmien meta kien għad hawn, u kien jidher aktar mil-lum il-ġurnata, l-faqar materjali. Kienet tmur lil hinn minn sempliċi kliem u bil-fatti kienet tgħin lil min l-inqas li jiflaħ.

Fil-fatt, nies f’ċerti żoni ta’ Birkirkara jistgħu jgħidulek kif - dan fi żmien meta ma kellhomx affarijiet materjali fid-dar tagħhom u xi wħud minnhom forsi ma kellhomx għaxja ta’ lejla - kienu jsibu fiha persuna li tagħti l-kenn, persuna li tmur tħabbtilhom il-bieb, tara x’għandhom bżonn, u mhux biss tfarraġ bil-kelma imma tfarraġ bil-fatti. Evelyn Bonaci kienet persuna li mmilitat fil-Partit Laburista, ħarġet għonqha u ħadmet b’tant saħħa fi żmien meta ma kienx faċli li tkun militant fi ħdan il-Partit Laburista minħabba persekuzzjoni soċjali. Din kienet tagħmel dan bl-akbar ħeġġa u mingħajr rażan. Kienet tagħmel dan mingħajr ma tħares lejn il-kulur politiku, imma tara li ż-żgħir, ġej minn fejn ġej, hu min hu, hi min hi, jiġi megħjun bl-aħjar mod.

Għalhekk minn hawnhekk irrid ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru u nagħti l-kondoljanzi tiegħi lill-familjari ta’ Evelyn Bonaci. Barra minn hekk, irrid ngħid li bħalma għamilna l-bieraħ stess il-Prim Ministru u jien meta l-kunsill lokali tal-Birgu onora t-tifkira ta’ ex-deputat ieħor, li huwa Nestu Laiviera, fejn permezz ta’ ċerimonja sempliċi u permezz ta’ bust tfakkar dan l-ex-Speaker illi ta l-kontribut tiegħu, hekk ukoll inħeġġeġ lill-kunsill lokali ta’ Birkirkara f’dan is-sens. Jien nemmen li dawk il-politiċi li tant ikunu taw servizz lil pajjiżna, waħda mill-affarijiet li nistgħu nagħmlu permezz tal-kunsilli lokali huwa li fil-lokal fejn ikunu bbażati nonorawhom permezz ta’ tifkira, sempliċi kemm hi sempliċi, imma li tkun kbira u tkun timmarka l-kontribut li dawn in-nies ikunu taw għas-soċjetà tagħna. Għaldaqstant f’ismi u f’isem l-Oppożizzjoni nibgħat il-kondoljanzi tiegħi lill-familjari tas-Sinjura Bonaci li kelli x-xorti li niltaqa’ magħha ftit tal-ġimgħat qabel ma mietet fir-residenza San Vincenz de Paule. Hemmhekk stajt nara l-imħabba li kellha mingħand il-familjari tagħha anke f’dik is-sitwazzjoni u minn hawnhekk mill-ġdid nibgħat il-kondoljanzi tiegħi f’isem l-Oppożizzjoni.

THE DEPUTY SPEAKER: Grazzi. Naturalment is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex twassal il-kondoljanzi lill-familjari.

 

Electoral History

It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġiet eletta: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġiet eletta: 25.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981