Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 192 tal-Ħdax-il Parlament tal-1 ta' Marzu 2010
KONDOLJANZI
MR SPEAKER: Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin.
ONOR. TONIO BORG: Sur President, fit-tielet ġimgħa ta’ Frar tħabbret il-mewt tan-Nutar George Bonello Du Puis. Għal ħafna minna minn din in-naħa tal-Kamra li ħdimna ħafna qrib tiegħu fil-partit u fil-gvern, għalkemm konna nafu li ma kienx jiflaħ, l–aħbar tal-mewt tiegħu xorta waħda xxukkjatna però fl-istess ħin qajmet fina l-memorji sbieħ ta’ meta ħdimna miegħu. Dr Bonello Du Puis ħadem ħafna fil-partit. Kien teżorier għal żmien twil tal-Partit Nazzjonalista, kien il-perit veru tal-binja tad-dar ċentrali li konna ftaħna fis-7 ta’ Diċembru tal-1980 u kien bniedem popolari ma’ kulħadd b’sens ta’ umoriżmu kbir kif se nuri wkoll f’dawn il-kondoljanzi. Naħseb li anke f’dan il-mument ta’ niket ikun tajjeb li niftakru f’George bit-tbissima li kellu u kif kien jipprova dejjem, anke fl-agħar sitwazzjonijiet, jislet xi ħaġa umoristika.
Dr George Bonello du Puis kien ukoll suldat tal-azzar fi żmenijiet diffiċli. Kien membru ta’ din il-Kamra għal 25 sena sħaħ, mill-1971 sal-1996, u kien l-ewwel president tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin ta’ din il-Kamra. Jien li kont nammira l-aktar fin-Nutar George Bonello Du Puis, magħruf ma’ kulħadd bħala Du Puis, kien il-mod faċli kif kien jikkomunika man-nies. Nixtieq insemmi aneddotu żgħir dwar dan li esperjenzajtu jien stess. L-ewwel konferenza politika li qatt indirizzajt kelli 23 sena u kienu stednuni tal-kumitat sezzjonali ta’ Tas-Sliema. Tista’ taħseb kemm ippreparajt karti u għamilt riċerka biex fis-sala tal-każin l-antik ta’ Tas-Sliema nagħmel l-ewwel diskors tiegħi f’konferenza politika. Meta kien imiss lilu biex jitkellem, ordna li jintefa d-dawl, xegħel projector u beda juri lin-nies kif jistgħu jinvestu l–aħjar il-British saving bonds tagħhom li kienu waslu biex jagħlqu. Nista’ nassigurakom li aktar ftakru x’qal hu milli x’għedt jien f’din l-ewwel konferenza politika tiegħi.
Dan kien George Bonello Du Puis. Dejjem kont issibu meta tridu, dejjem b’xi ċajta u l-ħajja ma kienx jeħodha bis-serjetà żżejjed. Kellu l-metodu tiegħu ta’ kif jittratta n-nies u kif jaħdem. Jien niftakar li ġieli kont immur għandu, il-Ministeru tal-Finanzi, ħdejn id-Depot u kont insibu - speċjalment kmieni filgħodu - jagħżaq u jsaqqi l-pjanti fil-ġnien tiegħu.
Però saqqa wkoll il-pjanta tal-ekonomija Maltija meta sar Ministru tal-Finanzi. Ma rridux ninsew li okkupa żewġ ministeri. Kien Ministru tal-Finanzi għal żmien twil kif ukoll Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u fost l-akbar affarijiet li għamel kienu l-emendi importanti u riformi fl-income tax partikolarment fit-tnaqqis tal-ogħla rata tat-taxxa kif ukoll il-fatt li jistgħu jsiru returns separati tal-konjuġi, il-popolarizzazjoni tal-banek f’Malta billi begħna ħafna mill-ishma tal-Mid-Med Bank u tal-BOV u anke poġġa l-ekonomija Maltija fuq bażi moderna.
Barra mill-politika kien supporter qawwi tas-Sliema Wanderers. Darba qalli li qatt ma mmissja partita ta’ Tas-Sliema ħlief meta kien qed imut missieru. Fil-fatt okkupa l-kariga ta’ President ta’ Sliema Wanderers FC għal 25 sena sħaħ. Naħseb li lanqas sieħbi l-Onor. Robert Arrigo ma rnexxielu - għalkemm dam fit-tul President tas-Sliema Wanderers - jagħmel 25 sena president tal-club tal-football li l-aktar kien iħobb. Kien jinvolvi ruħu wkoll fl-atletika. Per eżempju, lili kien jirrakkontali kemm ikkompeta f’Malta kif ukoll barra minn Malta meta kien żgħir. Ma nistax ngħidilkom kulma kien jgħidli imma nista’ nassigurakom li kienu aneddoti interessantissimi.
Tlifna persuna ta’ statura, bniedem li kien iħobb il-ħajja u kien maħbub, ikona tal-Partit Nazzjonalista iżda fuq kollox persuna popolari fil-pajjiż kollu. Għalhekk nitlob li kif isir is-soltu s-Sedja tibgħat il-kondoljanzi tagħha lill-mara tiegħu Iris kif ukoll lit-tfal tiegħu Etienne, Solange u George. (Onor. Membri: Hear, hear)
MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Anġlu Farrugia.
ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, jien ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru dwar il-ħsebijiet fuq in-Nutar George Bonello Du Puis. Jien niftakru sew kif jiftakruh ħafna nies u nista’ ngħid li kien bniedem simpatiku ħafna. U għalkemm kien jinbex, kien jinbex b’ċerta simpatija li ma jdejqekx. Nista’ ngħid li kien igawdi rispett minn din in-naħa tal-Kamra għax bil-mod kif kien jirrelata ma’ kull wieħed u waħda minna ma kienx persuna li toqgħod lura milli tidħol f’konversazzjoni miegħu.
L-Onor. George Bonello du Puis ħadem ħafna għall-pajjiż u għal dak li emmen fih u waħda mill-affarijiet li niftakru jgħidli fil-kuritur tal-qorti ftit xhur ilu kienet meta qalli li fil-politika tagħmel ħafna xogħol imma meta tispiċċa trid tibqa’ għaddej. Niftakar li kien jimmissja ħafna l-professjoni tiegħu. Ħadem ħafna bħala nutar, kellu klijentela kbira u f’mument minnhom spiċċa kważi kważi kien bata minħabba l-klijentela tiegħu. Min-naħa tal-oppożizzjoni nsellem lill-familja tiegħu u lit-tfal tiegħu u ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru u miegħek, Mr Speaker, biex tibgħat il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
Ġie elett: | 17.06.1971 |
Ġurament tal-Ħatra: | 16.08.1971 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.08.1976 |
Ġie elett: | 09.10.1976 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.11.1976 |
Xoljiment tal-Parlament: | 09.11.1981 |
Ġie elett: | 18.12.1981 |
Ġurament tal-Ħatra: | 29.03.1983 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.02.1987 |
Ġie elett: | 13.05.1987 |
Ġurament tal-Ħatra: | 09.07.1987 |
Xoljiment tal-Parlament: | 20.01.1992 |
Ministru tal-Finanzi - 14.05.1987 |
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992 |