Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr John J Borg

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (10 Diċ 2005)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 356 tal-Għaxar Parlament tat-12 ta' Diċembru 2005

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG: Sur President, fl-10 ta’ Diċembru tħabbret il-mewt ta’ ex-deputat tal-partit Laburista, is-Sur John J. Borg, fl-eta` ta’ 69 sena. Is-Sur Borg niftakru ftit għaliex kien ħareġ kemm-il darba fuq id-distrett tal-Belt u kont narah l-aktar fuq il-posters, pero` kont iltqajt xi darba miegħu personalment. Kien bniedem tan-negozju u żgur li ma kellux bżonn il-politika pero` bil-mod tiegħu kien ħa sehem attiv kemm fil-partit Laburista kif ukoll f’dan il-parlament. Fil-fatt kien ġie elett darbtejn, fil-leġislatura ta’ l-1976 kif ukoll fil-leġislatura ta’ l-1982.

Minbarra li kien deputat, is-Sur Borg kien serva wkoll fil-qasam pubbliku għaliex kien chairman tal-MDC, tas-Sea Malta, kif ukoll direttur tal-bank ċentrali, tal-Malta Countertrade u tal-Malta Freeport. Għaldaqstant inħoss li tkun xi ħaġa ġusta li nsemmu l-memorja tiegħu għaliex is-Sur Borg ma kienx biss deputat ta’ din il-Kamra imma ta s-sehem tiegħu wkoll fil-qasam pubbliku billi kien jaħdem f’dawn il-korporazzjonijiet pubbliċi li għadni kemm semmejt. Nixtieq infakkar lill-membri ta’ din il-Kamra li l-funeral tiegħu se jsir għada fil-Furjana. Nixtieq nitlob lilek, Sur President, sabiex testendi l-kondoljanzi tal-Kamra kollha lill-membri tal-familja tiegħu.

MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Charles Mangion.

ONOR. CHARLES MANGION: Sur President, jien ukoll nixtieq ningħaqad mal-Kamra ħalli f’ismi u f’isem l-oppożizzjoni kollha nestendi l-kondoljanzi tiegħi lill-familjari tas-Sur John J. Borg, li frankament kien wieħed mill-politiċi li ltqajt magħhom u sirt naf jien meta bdejt il-karriera politika tiegħi lejn l-aħħar tas-snin sebgħin. Mill-ewwel mumenti kien laqatni l-karattru tiegħu u għalkemm kont naf li kien negozjant kapaċi, fil-politika kien ukoll bniedem kif inħobbu ngħidu “down to earth”. Kien bniedem mingħajr pretensjonijiet żejda, anzi ma kellu pretensjonijiet xejn, imma kien ukoll bniedem li kellu insight u kien jaqra l-karattru ta’ bniedem malli kien jiltaqa’ miegħu.

Ippressjonatni wkoll l-onesta` u l-integrita` tiegħu. Il-fatt li meta kien jagħti parir, għalkemm ma kienx jimponi l-ideat tiegħu jew dak li kien qed jaħseb, kien jagħtik jew kien iġiegħlek tixtarr dak li jkun qed jgħid għaliex kien ikun parir jew suġġeriment mogħni b’ċerti insights ta’ esperjenza. Dan kemm meta kien jesprimi opinjoni politika kif ukoll jekk wieħed kien jitkellem miegħu fuq livell personali. Fil-fatt mhux darba u tnejn li jien kont immur inkellmu anke fuq dan il-livell. U s-sabiħ tiegħu kien li inti kont toqgħod fuq il-parir tiegħu jew tagħti kas sew il-parir tiegħu għaliex tkun taf li kien ikun parir onest, ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi.

Barra minn hekk wieħed japprezza l-ħidma politika tiegħu fi ħdan il-partit Laburista li hu kien iħobb ħafna u baqa’ sa l-aħħar leali ħafna lejn il-partit. Wieħed japprezza wkoll il-ħidma tiegħu bħala membru parlamentari għaliex kienet ħidma eżemplari kif ukoll il-ħidma pubblika tiegħu f’diversi bordijiet għax ċertament sabiex qeda dmiru lejn il-pubbliku kellu jissagrifika wkoll jew inaqqas mill-attenzjoni li ried jagħti lejn in-negozju personali tiegħu. Madankollu dejjem għamel xogħlu mhux b’interess personali imma fl-aħjar interess tal-pajjiż. Fl-opinjoni tiegħi, din hija xi ħaġa li kull wieħed minna għandu japprezza fi bniedem.

Għaldaqstant Sur President, ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru u nitolbok sabiex testendi l-kondoljanzi ta’ l-oppożizzjoni lill-familjari kollha tas-Sur John J. Borg u j’Alla l-Bambin jagħtihom il-konsolazzjoni li jixirqilhom f’telfa ta’ din in-natura. Nirringrazzjak.

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja terġa’ tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tas-Sur Borg.

Electoral History

Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 04.10.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.08.1982
Ġurament tal-Ħatra: 23.08.1982
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987