Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Emidio Caruana

Lura għal-Lista

Ktejjeb tal-Kommemorazzjoni

Tifkira ta' Emidio Caruana fil-Kamra tas-Deputati Parlament ta' Malta

1 ta' Novembru 2011

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn is-26 ta’ April 1962 u l-15 ta’ Frar 1966

Emidio Caruana

Ġurament ta' Lealtà

L-EWWEL DISKORS TA’ EMIDIO CARUANA PARLAMENT TA’ MALTA


ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 7 TAT-18 TA’ MEJJU 1962 FL-ASSEMBLEA LEĠISLATTIVA, MILL-ONOR EMIDIO CARUANA MATUL ID-DIBATTITU FUQ L-ABBOZZ TA’ LIĠI TAL-1962 DWAR L-AMMINISTRAZZJONI FINANZJARJA U L-VERIFIKA


ONOR. EMIDIO CARUANA: Nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nirriferi għal rimarka li saret f’waħda mil-laqgħat ta’ din il-Kamra meta l-Kap tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista kien qiegħed jiġbed l-attenzjoni tal-Kamra rigward il-progress tal-attakki min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni fuq il-persuna tal-Arċisqof. Jiena dakinhar smajt b’sodisfazzjon lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li meta hu kien jattakka lill-Monsinjur Arċisqof b’Sir Michael Gonzi, ġibdulu l-attenzjoni għall-fatt li dik kienet distinzjoni Luterana u, per konsegwenza, tgħallem u qal: “M’erġajtx għamilt l-istess żball u allura, meta ridt insemmi lill-Arċisqof, semmejtu bħala Monsinjur Arċisqof”.

Jiena għedt li ħadt sodisfazzjon għax j’Alla mhux biss l-Onor. Mintoff, imma kull wieħed minna u kull bniedem ikun hekk open-minded li meta jitgħallem, jew jisma’ li l-azzjoni jew il-kelma tiegħu hija ħażina, jew jiġi korrett, jikkoreġi ruħu. (Onor. Membri: Hear, hear). Nispera li fuq dan li sejjer ngħid niġi meħud b’open mind u b’good spirit.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-ispeech li għamel ikkwota parti mill-Vanġelu, parti mill-Iskrittura Mqaddsa, u meta kkwota dan il-pass tal-Vanġelu, skont l-istess rapport tad-debates – Seduta Nru. 3, paġna 188 – wara li kkwota minn San Ġwann Kap IV, versi 23, 24 (il-pass ta’ Kristu mas-Samaritana), dar fuq il-membri tal-Partit Nazzjonalista u qal: “Issa l-membri tal-Partit Nazzjonalista jinterpretawh kif iridu”.

Fl-opinjoni tiegħi ma jistax bniedem li qabel ikun qal li hu Nisrani, Kattoliku, li jemmen ir-reliġjon tagħna, ir-reliġjon Kattolika Romana, jgħid lil ħaddieħor li hu Kattoliku li hu issa jinterpreta dawn il-versi tal-Iskrittura kif irid. Hija verità tal-fidi Kattolika li l-interpretazzjoni infallibbli u awtentika tal-Iskrittura Mqaddsa tista’ ssir biss mill-Knisja Kattolika. Dan mhux qed ngħidu minn rajja għax kieku ma fih ebda awtorità iżda dan intqal mill-akbar awtorità ta’ Trento fil-Konċilju ta’ Trento, Sessjoni IV, fit-8 ta’ April, 1546. F’din is-sessjoni ġie ddikjarat li l-interpretazzjoni tal-Iskrittura hija f’idejn il-knisja biss u nsibu: “To whom alone – the church – it pertains to judge concerning the true sense and interpretation of holy scripture”.

Mhux biss din l-awtorità hija definita mill-Konċilju ta’ Trento iżda hija wkoll konfermata mill-Konċilju tal-Vatikan, fis-Sessjoni III, Kap. 2 li sar fl-24 ta’ April, 1870. Il-Konċilju tal-Vatikan jikkonferma dak li intqal fil-Konċilju ta’ Trento għax ikompli jgħid: “Il-veru sens li għandu jinżamm tal-Iskrittura huwa biss li tat u tagħti l-Knisja”. Dan jafu, Mr Speaker, bħalma għedt fil-bidu, l-għaliex ebda individwu, ebda soċjetà, ebda partit, ebda għaqda, hi x’inhi, ma għandha l-jedd li tgħid lil ħaddieħor jew iżżomm għaliha nnifisha l-interpretazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa jekk ma jeħodhiex infallibilment kif trid tagħtiha l-Knisja Mqaddsa Kattolika.

Barra minn hekk, meta kien qed jitħaddet il-Kap tal-Oppożizzjoni u kkwota dan il-vers tal-Vanġelu u qara kelma b’kelma eżatt ir-risposta li kien ta l-Onor. George Caruana għad-domanda li għamillu ta’ practised Catholic u mhux practised Catholic, seta’ jiġi interpretat hawhekk, meta kkwota mill-Vanġelu u qal, li min irid jadura lil Alla jeħtieġ li jadurah bl-ispirtu u l-verità – issa intom ifmuha kif tridu – li jrid ifisser li practised Catholic ikun biss li wieħed jadura lil Alla internament u mhux bil-kult estern ukoll. Fl-istess Vanġelu, l-istess Kristu li kkwota l-Kap tal-Oppożizzjoni, San Luqa, Kap. 10, vers 16, jgħid: “Min jisma’ lilkom jisma’ Lili, u min jiddisprezza lilkom jiddisprezza Lili; min jiddisprezza Lili jiddisprezza lil dak li bagħatni”, jiġifieri ikun qed jiddisprezza lil Alla li aħna obbligati naduraw bl-ispirtu u l-verità.

Allura minn hekk naraw li bil-kliem ta’ Ġesu Kristu stess qed ngħaqdu l-kult intern mal-kult estern, bħalma huma s-Sagramenti Mqaddsa, li ġew indirettament sponuti ħażin fil-meetings tal-Partit Laburista. Aħna għandna mill-istess Ġesù Kristu li biex naduraw lil Alla bl-ispirtu u l-verità jeħtieġ noqogħdu għal dak kollu li infallibilment l-Awtorità tal-Knisja tagħna qed tgħidlek biex nagħmlu, u jekk aħna nisimgħu lilu, jiġifieri lill-Isqof, inkunu qegħdin nisimgħu lil Ġesù Kristu stess, u jekk nikkalunjaw u niddisprezzaw lill-Awtorità tal-Knisja nkunu qegħdin niddisprezzaw lil Ġesù Kristu stess.

Għandi quddiemi l-“Ħaddiem” tas-6 ta’ Mejju, 1962 fejn dan ġibed l-attenzjoni tal-Membri tal-Parlament kollha għal dak li ntqal fl-aħħar meeting Laburista tat-30 ta’ April, 1962. Jiena minix se noqgħod nirrepeti imma biss nixtieq ngħid illi tkun ħaġa doloruża ferm jekk aħna naslu għal xi konklużjoni li l-attakki kontra l-Awtorità tal-Knisja huma aimed li jew tissubordina, jew li tkisser, jew li tumilja l-istess Awtorità tal-Knisja. Jekk aħna ġejna biex nikkwotaw mill-Vanġelu, insibu skont San Mattew, Kap 18, vers 18: “Dak kollu li intom torbtu fl-art ikun marbut fis-sema; dak kollu li intom tħollu fl-art ikun maħlul fis-sema”. Dak li għedt huwa biżżejjed ċar, jiġifieri s-subordinazzjoni tal-Awtorità tal-Knisja jekk warajha jkun hemm dan il-ħsieb, bilfors li jkun hemm ħsebijiet oħra, bħalma rajna u għadna qed naraw li qed jiġri f’partijiet oħra tad-dinja. Dan jidher ċar meta naqraw il-prinċipji fondamentali tal-Partit Laburista li għoġbu jpoġġi lilu nnifsu fuqhom fid-diskors li l-Leader għamel liż-Żgħazagħ Laburisti fit-30 ta’ Lulju, 1961, fejn fost affarijiet oħra qal: “Wieħed mill-prinċipji fondamentali tal-partit tagħna huwa li fl-attivitajiet tal-moħħ ma għandux ikun hemm restrizzjonijiet imposti minn fuq”.

Mr Speaker, ir-restrizzjonijiet tal-moħħ imposti minn fuq huma dover sagrosant, huma prinċipju għal kull min irid jibqa’ jissejjaħ veru Kattoliku għaliex il-moħħ ta’ veru Kattoliku, li jrid tassew jadura lil Alla bl-ispirtu u l-verità, irid ikun bil-volontà kollha tiegħu u bl-obbligu tiegħu ta’ nisrani u ta’ veru iben t’Alla sottomess għall-verità kollha sħiħa u divina kif awtorevolment hija mgħallma lilna mill-Knisja Mqaddsa Kattolika. U dan, nerġa’ ngħid, mhux qed ngħidu jiena. Dan qalu Kristu stess fil-Vanġelu meta Huwa ta l-awtorità lill-Appostli u lis-suċċessuri kollha tagħhom sat-tmiem tad-dinja, meta qalilhom: “Morru u agħllmu lill-ġnus kollha dak kollu li jiena għallimtkom u jiena nibqa’ magħkom sat-tmiem tad-dinja”.

Nixtieq ukoll, Mr Speaker, nagħmel nota ċkejkna fuq il-kwestjoni tal-libertà tal-kuxjenza. Il-libertà tal-kuxjenza mhix kif jista’ jinterpretaha l-Kap tal-Oppożizzjoni, speċjalment kif inhu miktub u kif intqal minnu stess fid-diskors li huwa diġà għamel liż-żgħażagħ Laburisti, dak li diġà għamilt riferenza għalih, tat-30 ta’ Lulju, 1961, meta qal: “Aħna nemmnu li kulħadd għandu d-dritt jgħid li din hi ħaġa ħażina; aħna nemmnu li kulħadd għandu d-dritt jgħid: Jien jidhirli li aħjar nimxu hekk flok hekk”.

Mr Speaker, l-istess ħaġa bħall-attivitajiet tal-moħħ hija wkoll il-libertà tal-kuxjenza, jiġifieri dawn huma t-tnejn soġġetti għar-rivelazzjoni divina li hija l-kelma t’Alla kif miktuba fl-Iskrittura, u l-kelma t’Alla ispirata li hija l-Awtorità tal-Knisja. U għalhekk ma tissejjaħx libertà tal-kuxjenza imma tissejjaħ abbuż mill-kuxjenza u mil-libertà, meta wieħed ikun irid ikisser, jew jinterpreta, jew jgħawweġ il-veritajiet kif inhuma infallibilment imgħallma lilna mill-Knisja Kattolika bil-liġijiet tagħha kollha.

Aħna nsibu fl-istess diskors li għamel l-Onor. Mintoff dikjarazzjoni li tgħid: “Aħna ma nemmnux fiċ-ċensuri”. Iċ-ċensura tal-Knisja bħalma hija, per eżempju, il-kundanna ta’ ktieb, ta’ gazzetta, ta’ diskors u ta’ ħwejjeġ oħra bħal dawn hija parti mis-setgħa leġislattiva li l-Knisja għandha mingħand il-Fundatur tagħha Ġesù Kristu. Dan, nerġa’ ngħid, mhux qed ngħidu jien imma tgħidu l-istess Awtorità tal-Knisja fil-Canone 1385. Jiena minix se noqgħod nalludi għal dawn il-ħafna termini li jidhru li, jekk ma sarux malizzjożament jistgħu però, kif għedt qabel, jiftehmu ħafna u ħafna ħażin bħal meta aħna, per eżempju, nisimgħu li hemm bżonn li nneħħu l-biża’ medjoevoli tal-infern. Dan qalu l-Onor. Mintoff fil-messaġġ tiegħu tal-ewwel tas-sena.

Kulħadd jaf bid-distinzjoni li pprova jagħmel l-Onor. Mintoff fuq Mons. Arċisqof. Mill-istess programm elettorali Laburista naraw dik l-istess distinzjoni li diżgrazzjatament saret fil-pjazez, distinzjoni bejn Sir Michael Gonzi u Mons. Arċisqof, u li saret wara li nqalgħet il-kalunnja, li ġiet miċħuda kategorikament aktar minn tlieta, erba’ darbiet mill-istess Mons. Arċisqof, il-kalunnja li Mons. Arċisqof mar u tkellem ma’ Lennox-Boyd u qallu li l-Maltin huma kuntenti taħt l-istat kolonjali tagħhom. Wara li saret dik id-distinzjoni biex allura saru dawk l-attakki u dik il-firda, u wara li l-istess kelliemi, li kien allura l-Onor. Mintoff, qal li għandu l-provi għal dik il-kalunnja, qal li għandu dokumenti biex jippruvaha, u wara li kien hemm ħafna min qed jgħid mingħajr ħadd ma seta’ jwieġeb there and then għax kien hemm min qal li hemm provi b’tape recordings u b’ittri, u wara li sal-lum għadu ma deher xejn minn dawn il-provi li qalu, avolja saru challenges f’meetings qabel l-elezzjoni min-naħa tal-partit tagħna, cioè tal-Partit tal-Ħaddiema Insara, u dawn il-provi għadhom sal-lum ma ġew ippubblikati imkien, aħna allura għandna bir-raġun kollu nieħdu l-kelma aktar awtorevoli u aktar veritjiera ta’ Mons. Arċisqof milli l-kelma mgħawġa ta’ dakinhar tal-Onor. Duminku Mintoff!

Dik id-distinzjoni li kienet il-bidu tal-firda tagħna l-ħaddiema, li kienet il-bidu tal-firda ta’ ħafna ħaddiema mill-Awtorità tal-Knisja, li kienet il-bidu li wasslet lil ħafna għall-interdizzjoni u li kienet il-bidu li wasslet għall-firda diżgrazzjatament anke lit-tfal li kienu preżenti għal dak il-meeting, għaliex kienet l-ewwel darba li diżgrazzjatament kien hemm il-brigata qiegħda tisma’, li skont il-gazzetti Laburisti kien hemm 500 minnhom u xi 40,000 ruħ, dik id-distinzjoni li serviet biex sar ċertu għajjat u ċertu sinjali ta’ disprezz lejn l-Awtorità tal-Knisja kull darba li Mons. Arċisqof beda jissemma apposta skont dik id-distinzjoni bħala Sir Michael Gonzi, kif diġà għedt, anke fl-istess programm elettorali li ħareġ bih il-Partit Laburista illum aħna nsibu dik id-distinzjoni avolja wara l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu tgħallem li dik kienet distinzjoni Luterana. Dik id-distinzjoni qiegħda bl-iswed fuq l-abjad fl-istess programm Laburista għaliex dawn jgħidu li jridu jġibu liċ-ċittadini kollha komuni bla ebda distinzjoni u li min jazzarda jiftaħ ħalqu kontra ...

ONOR. D. PISCOPO: Fejn?

ONOR. EMIDIO CARUANA: Dan hu fil-paragrafu 2 tal-programm elettorali tal-Labour Party. F’dan l-insult lil Malta Kattolika, f’dan l-insult lill-Awtorità tal-Knisja, f’dan l-insult lill-kuxjenza nisranija, ma nistgħux ma narawx li dik id-distinzjoni ma kenitx biss għall-Mons. Arċisqof Gonzi għaliex ladarba dik daħlet fil-programm, jiġifieri li dik kellha tidħol b’liġi u l-liġi tkun anke għas-suċċessuri kollha ta’ Mons. Arċisqof Gonzi, tkun għal kulħadd inkluż l-Isqof t’Għawdex u għas-saċerdoti kollha ta’ Malta. Aħna nafu, bħalma suppost jaf kulmin jiftaħar li hu nisrani daqs ħaddieħor, li dan hu kontra l-liġi kanonika, skont il-Canone 120. U mhux biss hekk, iżda hu kontra l-istess Konċilju ta’ Trento, sessjoni 25, kapitlu 20.

Dan qed ngħidu speċifikament għal min jgħid li jrid jibqa’ mal-Knisja Kattolika, għaliex jiena ma ngħid xejn kontra min apertament jgħid li hu Luteran u Soċjalist jew Komunist. Fid-dinja, il-libertà, it-tolleranza personali bejn bniedem u ieħor hija mgħallma fondamentalment fir-reliġjon tagħna u nitolbu għal kulmin ma jħaddanx it-twemmin Kattoliku għaliex aħna bħala Kattoliċi m’għandna xejn kontra ħadd, la kontra l-Komunisti, la kontra l-Luterani u kontra ħadd bħala persuni; imma aħna kontra l-pedament fondamentalment anti-Kattoliku li huma mgħallmin fih. Jiġifieri rrid nispjega ruħi li għal persuna li naħdem magħha, li nkun magħha, m’għandi xejn kontra tagħha jekk hija ma taqbilx mat-twemmin tiegħi u nittollera t-twemmin tagħha u ma nistax infixkel it-twemmin tagħha, imma ma naqbilx u nargumenta kontra dak it-tagħlim kollu li ma jaqbilx mat-tagħlim tar-reliġjon tagħna Kattolika kif tispjegah il-Knisja.

U jekk allaħares qatt – nispera li ma jkun qatt – ikollna gvern b’dak il-programm, xi jfisser? Ifisser li dak il-programm idaħħal l-iskomunika riservata biss lis-Santa Sede skont il-Canone 2341. Qiegħed ngħid li jekk xi ħadd ikun fil-gvern u jittanta biex jgħodd bħala ċittadin komuni lill-Arċisqof – kif ikun sar dak iż-żmien l-Arċisqof ta’ Malta – għax forsi jkun ikkundanna l-aġir Soċjalista ta’ ċertu membri u jgħidu li dan hu ndħil politiku, jista’ jiġi arrestat, għax dan jiġi magħdud bħala delitt, u skont il-Canone min jagħmel dan iġib fuqu l-iskomunika ipso facto. Min jogħġbu jitkellem meta nkun qiegħed nikkwota, jista’ jfittex dawn l-awtoritajiet li aħna qegħdin insemmu.

Mr Speaker, jiena nixtieq nikkonkludi dan id-diskors qasir tiegħi billi nikkwota wkoll lill-istess missierna San Pawl, Rom. Kap. 13 vers 2, li jmur jgħid lilna ilkoll biex inkunu sottomessi għas-setgħa tas-superjuri l-għaliex min jieqaf kontra s-setgħa ikun qiegħed jieqaf kontra l-istess kmandament ta’ Alla. San Pawl jgħidilna li min jieqaf kontra s-setgħa jkun qiegħed jixtri t-telfien tiegħu nnifsu.

Kondoljanzi (1 Nov 2011)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 406 tal-Ħdax-il Leġislatura l-Erbgħa 9 ta' Novembru 2011

KONDOLJANZI

MR SPEAKER (Onor. Michael Frendo): Illum din il-Kamra se tfakkar lill-ex Membru tagħha Emidio Caruana. Nistieden lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin biex jibda d-diskors tiegħu ta’ tifkira.

ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin): Sur President, fl-1 ta’ Novembru tħabbret il-mewt tas-Sur Emidio Caruana, fl-età sabiħa ta’ 89 sena. Is-Sur Emidio Caruana serva f’dan il-Parlament bejn l-1962 u l-1966. Fil-fatt hu kien tela’ fil-Parlament permezz ta’ by-election tas-Sur Tony Pellegrini li kien tela’ minn żewġ distretti fl-1962 u ċeda wieħed minnhom, għalhekk is-Sur Emidio Caruana mela s-siġġu vakat minnu. Is-Sur Caruana kien membru attiv tal-Christian Workers’ Party u kien ħaddiem ukoll. Forsi jkun tajjeb li nikkummenta ftit dwar l-ewwel diskors li kien għamel f’dan il-Parlament fit-18 ta’ Mejju, 1962.

Jien inzertajt kont nafu xi ftit lis-Sur Caruana u f’waħda mill-kampanji elettorali kont mort inżuru fid-dar tiegħu. Hu kien membru politiku li kien jgħix il-fidi Kattolika tiegħu, naturalment bil-ħsebijiet u bl-attitudnijiet ta’ dak iż-żmien, imma anke jekk tħares lejn il-ħajja tiegħu ssib li l-ewwel kien soċju tal-Mużew u meta mbagħad iżżewweġ xorta baqa’ jgħin lill-Mużew. Fil-fatt kien membru tal-fergħa tal-koperaturi tal-Mużew, li huma dawk li jissapportjaw il-Mużew minn barra. Kien ukoll President tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla. Fil-fatt, fil-funeral tiegħu, li sar fil-Knisja ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara, kien hemm preżenti diversi fundaturi jew membri li kienu attivi ħafna fix-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla.

Jimpressjonani l-fatt li fil-maiden speech tiegħu - diskors li fih suppost ħadd ma jinterrompik u fil-fatt kellu interruzzjoni waħda biss – tkellem dwar kemm il-fidi Kattolika tiegħu kienet tixprunah biex ikun attiv fil-politika, naturalment dan kif kien jaraha hu bil-lenti ta’ 50 sena ilu. Għalkemm hemm ċerta distinzjoni bejn iż-żewġ affarijiet, naħseb li kultant ma tistax tissepara l-bniedem bejn dak li jemmen politikament u dak li jipprattika.

Sur President, naħseb li s-Sur Caruana se jibqa’ mfakkar bħala ġentlom. Jiena smajt ħafna affarijiet sbieħ dwaru matul il-ħajja twila tiegħu. Kien bniedem ta’ prinċipju, ma kien jgħawweġ il-prinċipji b’xejn u serva kif kien jaf hu f’dan il-Parlament għal erba’ snin, kif diġà semmejt. Għalhekk naħseb li huwa xieraq li, kif nagħmlu s-soltu, is-Sedja tibgħat il-kondoljanzi tagħha għan-nom tagħha stess u għan-nom tad-deputati kollha lil uliedu Mary Rose, Margaret u Monica. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Anġlu Farrugia.

ONOR. ANĠLU FARRUGIA: Sur President, jien inzertajt nafu wkoll lis-Sur Emidio Caruana, Alla jaħfirlu, għax kien għamel żmien joqgħod fi Triq Sant’Antnin, il-Mosta u meta kont iltqajt miegħu għaxar snin ilu kien għadu joqgħod hemm. Kien iħobb jiddiskuti l-politika b’mod oġġettiv u kien jieħu pjaċir jispjega minn xiex għadda fil-ħajja politika tiegħu fl-erba’ snin li għamel f’dan il-Parlament.

Jirrakkonta li dak iż-żmien, meta kien attiv fil-Partit tal-Ħaddiema Insara, kien perijodu ta’ dwejjaq fl-istorja politika għax ħafna mid-dibattiti fil-Parlament kienu jispiċċaw attakki wieħed kontra l-ieħor minħabba l-kwestjoni politika reliġjuża. Niftakru jispjegali li kien żmien li ma serviex ta’ ġid għall-pajjiż. Fil-fatt jekk wieħed jara l-maiden speech tiegħu jsib li kien qed jagħmel difiża fuq xi kliem li kien ġie indirizzat mill-Perit Mintoff fil-konfront tal-Arċisqof Mikiel Gonzi u qabdu mal-fatt li Mintoff ma rreferiex għall-Arċisqof bħala “Monsinjur” Mikiel Gonzi. Il-punt jibqa’ li kien bniedem twajjeb, serju, tal-familja u kellu ħin għal kulħadd, bla distinzjoni ta’ xejn. Kulmin kien iħabbatlu l-bieb, kien jiftaħlu u kien mill-ewwel jaqbad diskussjoni miegħu.

Jien ukoll nixtieq ningħaqad mal-Viċi Prim Ministru fil-kondoljanzi lejn il-familja tiegħu. Nirringrazzjak.

MR SPEAKER: Grazzi. Huwa xieraq li nfakkru deputat li serva f’dan il-Parlament u naħseb li l-kliem li sar miż-żewġ naħat tal-Kamra jista’ juri lill-familjari tiegħu li qegħdin preżenti magħna, ir-rispett u s-sogħba li għandha din il-Kamra għat-telfa tas-Sur Emidio Caruana li kien deputat u li serva f’din il-Kamra bejn l-1962 u l-1966.

Għalhekk ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex twassal il-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Emidio Caruana. Nixtieq nirringrazzjahom ukoll talli kienu qegħdin magħna llum waqt din it-tifkira.

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966