| Ikkuntattjana |
| Fittex
Tifkira ta'
tal‑Ex Deputat Parlamentari
Dr Paul Chetcuti Caruana
fil‑Kamra tad‑Deputati
Parlament ta’ Malta
10 ta’ Settembru 1948 – 14 ta’ Jannar 2026
Membru tal‑Kamra tad‑Deputati bejn l-24 ta’ Novembru 1976 u d-9 ta’ Novembru 1981

Paul Chetcuti Caruana
bħala
Membru tal-Kamra tad-Deputati
L‑Ewwel Diskors tal‑Eks Deputat Parlamentari
Paul Chetcuti Caruana
fil‑Kamra tad‑Deputati
ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 16
It-Tlieta, 4 ta’ Jannar 1977
IR-RABA' LEĠIŻLATURA
ABBOZZ TA’ LIĠI DWAR L-ENEMALTA
ENEMALTA BILL
ONOR. PAUL CHETCUTI CARUANA: Sur President, jien nixtieq naf għaliex it-tliet kelliema tal-Oppożizzjoni - Dr Mario Felice, Dr Refalo u Dr Vincent Tabone - meta tkellmu fuq din il-liġi ġdida tal-Enemalta, isservew b’din il-liġi biex jattakkaw il-politika barranija tal-Gvern Soċjalista. L-iktar li għamlu enfasi u li għamlu plejtu kien fuq il-kwestjoni tal-Median Line. Issa jien ma nistax nifhem għaliex flok ippruvaw jgħinuna u jissuġġerixxu xi ħaġa aħjar minn Enemalta, ħaduha qatta’ bla ħabel fuq il-kwestjoni tal-Median Line. Jien nixtieq ngħidilhom lil dawn it-tliet Onor. Membri tal-Oppożizzjoni, li din tal-Median Line mhix ħaġa li qajjimha l-Gvern Soċjalista biss; dan il-Median Line minn dejjem kien hemm, minn żmien Adam. Jekk irid jisma’ Dr Ċensu Tabone, ngħidlu: Kif meta huma kienu fil-Gvern - dak iż-żmien kien għad m’hemmx Gaddafi, kien hemm ir-Re Idris tal-Libja, li kien imperjalist u li l-policies tiegħu ma kienx jiddettahom hu imma kienu jiddettawhomlu l-Amerikani u l-Ingliżi – kif l-Ingliżi, li aħna konna taħthom dak iż-żmien, ma ftehmux xi ħaġa mar-Re Idris?
ONOR. MEMBRU: Hear, hear.
ONOR. PAUL CHETCUTI CARUANA: X’interessi kien hemm iżommu lill-Gvern Nazzjonalista, ċjoè lill-Gvern Kolonjalista Nazzjonalista? Għax mhux huma kienu jmexxu dak iż-żmien. La kienu jmexxu lil Malta, u wisq inqas kienu jmexxu l-baħar li jeżisti bejn Malta u l-Libja! (Onor. Membri: Hear, hear) X’kienu dawn l-interessi? Nistgħu nkunu nafuhom dawn l-interessi li żammewhom milli jibdew l-esplorazzjoni għaż-żejt? X’żammhom f’dawk id-disa’ snin? Forsi dak iż-żmien ir-Re Idris ma kienx iebes daqs kemm hu Gaddafi. Jew dawn huma affarijiet sigrieti wkoll bħal dik li qallu Joseph Luns fuq in-NATO?! (Onor. Membri: Hear, hear) Kemm għandhom sigrieti dawn?
Dr Mario Felice, li jien qabel ma smajt dan l-ispeech tiegħu kelli idea aħjar tiegħu, isserva bil-Liġi tal-Enemalta biex jgħid li l-Gvern Soċjalista, aħna, subservient. Tkellem bl-Ingliż. Ma nafx hemmx ekwivalenti għaliha bil-Malti. Qal li aħna subservient għall-Gvern tal-Libja …
ONOR. MEMBRI: Lagħaqa. Ħasbuna bħalhom!
ONOR. PAUL CHETCUTI CARUANA: Għax aħna għadna ma ftehemniex fuq din il-biċċa xogħol. L-ewwel nett allaħares aħna u l-Gvern tal-Libja, il-ħbieb tagħna, konna mifrudin kif inhuma mifrudin huma. Għax wieħed jitkellem “hekk”, l-ieħor jitkellem “hekk”, ħallata ballata, iktar u iktar f’dan il-perjodu, f’din il-fażi li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista, li hi doloruża ħafna għalihom. Nixtieq naf kif dawn in-nies għandhom il-wiċċ jgħidu li aħna subservient tal-Gvern tal-Libja. Mela kemm huma iktar subservient minna huma stess, ġejjin u sejrin f’dawn il-pajjiżi Għarab, ġejjin u sejrin Beirut, ħafna minnhom anke waqfu Beirut meta kien hemm il-ġlied. Ara x’interessi għandhom! Ġejjin u sejrin Riyadh fis-Sawdi Arabia, u Abu Dhabi. Kemm huma iktar subservient …
ONOR. MICHAEL FALZON: Point of order, Mr Speaker.
ONOR. PAUL CHETCUTI CARUANA: Jien qed ngħid biex isservejtu intom.
ID-DEPUTY SPEAKER: Point of order.
ONOR. PAUL CHETCUTI CARUANA: Il-maiden speech li kellek! Se tara tiegħi!
ID-DEPUTY SPEAKER: Point of order, Dr Chetcuti Caruana.
ONOR. MICHAEL FALZON: Point of order. Dan mhux in order. Riyadh, Beirut u dawn il-postijiet m’għandhom x’jaqsmu xejn.
ONOR. PAUL CHETCUTI CARUANA: Jien qed ngħid kif huma nqdew bil-Liġi tal-Enemalta flok li ssuġġerew xi ħaġa prattika biex jgħinuna. Għax aħna nieħdu pjaċir bl-għajnuna; aħna m’aħniex xi supermen, ma nippretenduhiex, m’għandniex pretensjonijiet bħalhom. Kemm huma iktar subservient minna meta huma ġejjin u sejrin f’dawn il-pajjiżi barranin! Kienu jgħidu tant kontra dawn in-nies, għax Għarab! Issa jilagħquhom – ħa nuża l-kelma Maltija; huma użaw il-kelma Ingliża – u jinnegozjaw magħhom. U anke jduru magħhom bil-karrozzi nhar ta’ Ħadd hawn Malta, u jieklu magħhom! X’inhuma dawn l-interessi mela?! Dak li nixtieq nistaqsi lill-Onor. Membri tal-Oppożizzjoni, mhux dejjem jgħidu bis-sigrieti ...
Niġi għat-tisħiħ tal-infrastruttura li tkellem fuqha l-ħabib tagħna s-Sur Joe Grima. Jien jidhirli li meta jkollok tliet affarijiet f’ħaġa waħda ... Pereżempju meta tiġi biex ittejjeb il-kondizzjonijiet tal-ħaddiema, speċjalment meta tkun f’diskussjonijiet mal-union tagħhom, iktar ikun faċli biex tiddilja ma’ korporazzjoni bħalma se tkun Enemalta milli kif inhuma llum.
Imbagħad komplew jikkritikaw din il-liġi tal-Enemalta billi qalu: Mela kollox se nagħmlu korporazzjoni? Ma jiftakrux kif fi żmienhom, għall-inqas skuża li jsibu, kienu jwaqqfu l-bordijiet, bordijiet b’pagi kbar biex il-ħbieb tagħhom ipappu minnhom. Flok dawn il-flus warrbuhom għall-karità, biex isaħħu l-liġijiet soċjali li kien beda l-Gvern Laburista fl-antik - għax huma qatt ma kellhom il-ħila joħolqu liġi soċjali waħda, li hi waħda; forsi emendaw xi liġi biss – dawn waqqfu dawk il-bordijiet fi żmienhom. Bħax-xita kellhom minn dawn il-bordijiet, f’kull qasam. U qabel ma jagħmlu xi ħaġa kienu jistudjawha, u jistudjaw, u jistudjaw, idumu s-snin jibagħtu għall-esperti minn barra, isiefru huma barra, jieħdu holiday mal-istaff tagħhom, u jerġgħu jiġu ’l hawn, u ħafna diskussjonijiet ... Dan qed jaraw bi kbir, għax waqqafna l-liġi tal-Enemalta! Fuq ħaġa waħda biss iffissaw. Flok issuġġerew xi ħaġa prattika, dawn għamlu bħan-nassaba, ippruvaw jonsbu; ħasbuna xi għasafar, ħasbu li se jonsbuna. Iridu jkunu jafu b’kemm inġibuh iż-żejt mil-Libja, u kif u x’fatta. (Interruzzjonijiet) Dik m’hemmx għalfejn nerġa’ nirrepetihielu. Dawn taf xi jridu? Dawn forsi qed joħolmu. Hekk naħseb jien. Dawn raqdu raqda wara l-elezzjoni u ġiethom ħolma bħal ta’ Sleeping Beauty, stenbħu hawn fil-Parlament, u għadhom ma jistgħux iġerrħuha li l-elezzjoni tilfuha u ċerti affarijiet ma jistgħux ikunu jafuhom, kif aħna ma stajniex inkunu nafuhom meta kienu fil-gvern huma. Issa aħna nafu li llum u fil-ħames snin li għaddew, għamlu minn kollox, anke nqdew b’ħafna spjuni fid-dipartimenti tal-Gvern biex ikunu jafu dik u l-oħra, però qatt ma rnexxielhom. Dak li nixtieq ngħid, Mr Speaker, fuq il-Liġi ġdida tal-Enemalta. (Onor. Membri: Hear, hear)
Estratt mis-Seduta Parlamentari 430 tal-Erbatax-il Leġislatura tat-Tnejn 2 ta’ Frar 2026
KONDOLJANZI
L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Illum il-Kamra se tgħaddi għall-kondoljanzi fir-rigward tat-Tabib Paul Chetcuti Caruana, li serva bħala Membru tal-Parlament bejn Novembru tal-1976 u Novembru tal-1981 u li ħalliena fl-14 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Nibda biex inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
Ktejjeb maħruġ mill-Uffiċċju tal-Ispeaker b’tifkira tal-Eks Deputat Paul Chetcuti Caruana.
F’dan il-ktejjeb insibu l-ewwel diskors li kien għamel it-Tabib Paul Chetcuti Caruana fil-Parlament nhar l-4 ta’ Jannar, 1977.
Nagħti merħba lill-mara tiegħu, is-Sinjura Chetcuti Caruana, kif ukoll lil ibnu Leo Chetcuti Caruana, li llum jinsabu preżenti hawnhekk.
Rimarki? Id-Deputat Prim Ministru.
ONOR. IAN BORG (Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu): Sur President, qabel xejn nixtieq nibda dan id-diskors billi f’isem il-Gvern nagħti l-kondoljanzi lil mart it-Tabib Paul Chetcuti Caruana, Lina, kif ukoll lit-tliet uliedu. Qed nara lil ibnu Leo, li nzertajt nafu personalment.
Jien sirt naf lit-Tabib Paul Chetcuti Caruana - li min jaf kemm inti għandek xi tgħid dwaru, Sur President, bħala Mosti - fit-tieni fażi tal-ħajja pubblika u politika tiegħu, meta eventwalment huwa kien ikkontesta b’suċċess fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, però qabel ma nasal għal dak l-episodju, tajjeb li wieħed ifakkar iż-żmien li matulu huwa serva bħala Deputat Laburista bejn l-1976 u l-1981. Il-kostitwenza Mostija, b’mod partikolari dawk in-nies fil-komunità tal-Mosta li kienu jafuh mill-viċin, esprimew in-niket tagħhom għat-telfa tiegħu mhux biss minħabba l-ħajja politika tiegħu imma iktar u iktar minħabba l-karatteristiċi personali li kellu, li sawrulu karattru uniku u wassluh biex ikun tabib tajjeb ħafna. Fil-fatt minn ġewwa l-klinika tiegħu bħala tabib huwa serva lil eluf ta’ familji Mostin u lil nies oħra li jgħixu fil-madwar. Il-Mostin kienu għarfu l-ħiliet tiegħu immedjatament. Ma kienx xi wieħed li jaqbad u jippreskrivi l-mediċini bl-addoċċ. Kien jaf lill-pazjenti tiegħu wieħed wieħed u waħda waħda. Min-naħa tagħhom, il-pazjenti tiegħu kienu jafdawh ħafna tant li minn kitbiet li saru online, intqal li kien hemm saħansitra nies li kienu jafdawlu ċ-ċwievet tad-dar tagħhom għal meta kien imur iżurhom.
Jien ukoll kelli relazzjoni pożittiva ħafna miegħu. Fl-2005 jien kont ilħaqt sindku ta’ raħal twelidi filwaqt li t-Tabib Paul Chetcuti Caruana ħareġ għall-Elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali tal-2007. Sa dakinhar il-Mosta qatt ma kellha maġġoranza Laburista, u allura dik kienet elezzjoni partikolari. Is-Segretarju Ġenerali ta’ dak iż-żmien Jason Micallef, bħala Mosti, kien ra li jkun hemm l-aħjar tim ta’ kandidati sabiex il-Partit Laburista jkun jista’ jirbaħ għall-ewwel darba l-maġġoranza f’dik il-lokalità, u fost il-kandidati li ntgħażlu kien hemm it-Tabib Paul Chetcuti Caruana. M’hemmx għalfejn ngħidu li aħna lqajnieh bħala parti mill-familja tal-kunsilliera fi ħdan il-Partit Laburista, u jien bħala sindku kont ta’ spiss nitkellem miegħu. Kont nitkellem miegħu dwar l-opportunitajiet li jkun hemm għall-kunsilli lokali kif ukoll dwar kif għandna negħlbu l-isfidi li kien ikollna. Ġieli kont anke ninżel il-Mosta sa ħdejh biex niddiskutu, liema diskussjonijiet kienu jkun twal u ħajjin ħafna, però t-Tabib Paul Chetcuti Caruana kellu karattru li jien niddeskrivih bħalma jgħid is-saying Malti, nar tat-tiben, fis-sens li jiżbroffa, jgħidlek x’jaħseb, u mbagħad jikkalma, jisma’ u jaħdem għall-kostitwenti u għal dawk in-nies li tawh il-fiduċja. Eventwalment, anke bħala President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista, il-laqgħat miegħu kienu jsiru aktar ta’ spiss, anke għaliex mhuwiex xi sigriet li kien hemm numru ta’ sfidi ġewwa l-lokalità li tagħha hu kien sindku. Il-ħidma tiegħu bħala sindku waslet fi tmiemha meta eventwalment jien ma bqajtx sindku u ġejt elett bħala Membru Parlamentari, però wara xorta waħda bqajna nikkomunikaw, kif bqajt nikkomunika wkoll mat-tifel tiegħu.
Sur President, illum it-Tabib Paul Chetcuti Caruana mhux biss huwa mibki mill-familjari tiegħu iżda wkoll minn ħafna pazjenti u familji li hu tant indokra u ħa ħsieb, speċjalment fil-lokalità tal-Mosta. Kemm in-naħa tal-Gvern kif ukoll il-Partit Laburista jsellmu l-memorja tiegħu filwaqt li jirringrazzjawh għall-ħidma li wettaq kemm bħala professjonist, kemm bħala ċittadin attiv fil-komunità tal-Mosta, inkluż bħala sindku tal-lokalità, kif ukoll fiż-żmien li huwa serva bħala Deputat ta’ din il-Kamra. Għaldaqstant, Sur President, nixtiquk li twassal il-kondoljanzi tagħna min-naħa tal-Gvern lill-mara tiegħu Lina kif ukoll lit-tliet uliedu li ħalla jibku t-telfa tiegħu. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. ALEX BORG (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, illum qegħdin insellmu lil Dr Paul Chetcuti Caruana, li ħalliena fl-età ta’ 77 sena. F’dan il-mument ta’ niket aħna minn din in-naħa tal-Kamra nixtiequ nwasslu l-kondoljanzi sinċiera tagħna lill-familjari u lill-ħbieb tiegħu.
Qabel kollox Dr Paul Chetcuti Caruana kien tabib, jiġifieri persuna li għażlet il-vokazzjoni tal-kura u tas-servizz. Minkejja l-kliem li ħafna drabi nisimgħu dwar il-politika, hemm mumenti li jfakkruna li l-istorja ta’ pajjiżna hi magħmula minn nies li għexu żminijiet diffiċli u li ħadu sehem fihom b’kuraġġ. Ma nistgħux ma nsemmux episodju li baqa’ mnaqqax fl-istorja kollettiva ta’ pajjiżna; dak tal-istrajk tat-tobba. Dr Chetcuti Caruana kien fost dawk li għaddew minn ġranet sħaħ ta’ tensjoni. Dan seħħ fl-istess perjodu li ittra bomba oħra ħalliet bħala vittma innoċenti lil Karin Grech; traġedja li tibqa’ tiftaħ ferita fil-kuxjenza nazzjonali ta’ pajjiżna. Qed insemmi dan kollu mhux biex nidħlu f’xi kontroversja, iżda biex infakkru kemm hu importanti li bħala pajjiż nibqgħu dejjem inħarsu l-ġid komuni u qatt ma nħallu l-mibegħda jew il-vjolenza jsiru normalità.
Sur President, Dr Chetcuti Caruana kellu wkoll ħajja pubblika. Daħal fix-xena politika fl-1976 meta ġie elett bħala Membru Parlamentari f’isem il-Partit Laburista u aktar tard fl-2007 meta ġie elett bħala sindku tal-Mosta. Minkejja d-differenzi politiċi li jista’ jkollna, illum hu jum li fih nagħrfu li kull min jagħżel li jagħti sehem minn ħajtu għas-servizz pubbliku jħalli warajh kapitlu importanti ta’ servizz lejn in-nazzjon fil-ħajja normali ta’ pajjiżna. Għalhekk f’isem din in-naħa tal-Kamra nixtieq inwassal il-kondoljanzi lill-familjari kollha ta’ Dr Chetcuti Caruana filwaqt li nawgura li huma jsibu l-faraġ u s-saħħa f’dawn il-mumenti diffiċli. Nitolbu wkoll biex il-memorja tiegħu tibqa’ ta’ għożża għal min kien jafu u biex dan il-mument ifakkarna lkoll fir-rispett lejn xulxin. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi.
Naħseb li minna lkoll li hawn preżenti f’din il-Kamra llejla, jien għandi x-xorti li nkun l-iktar wieħed li naf lil Dr Paul Chetcuti Caruana. Lil Pawlu ilni nafu snin twal. Fil-fatt mill-arkivju tiegħi sibt ritratt tagħna flimkien; ritratt li ttieħed waqt konferenza taż-żgħażagħ organizzata mill-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti fl-1973 jew fl-1974 meta Pawlu kien diġà tabib. Niftakar li dakinhar kien hemm ħdejna wkoll l-eks Prim Ministru Dom Mintoff u xi ministri, fosthom Patrick Holland. Dakinhar meta tkellem Dr Chetcuti Caruana - li dak iż-żmien kien għadu żagħżugħ għaliex ftit kien ikbar minni - huwa kien qal li se jagħti l-kontribut tiegħu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fil-fatt meta saret l-elezzjoni ġenerali fl-1976, huwa kien ġie elett bħala Membru Parlamentari.
Jien lil Dr Chetcuti Caruana dejjem kont nafu - hekk bqajt nafu sal-aħħar għax ftit qabel ma miet qal lill-mara tiegħu li jixtieq ikellimni u għalhekk jien kont mort inżuru l-Isptar Mater Dei - bħala persuna li jemmen f’dak li jagħmel. Tista’ ma taqbilx miegħu, però.... Jien bħad-Deputat Prim Ministru qattajt ħafna sigħat nitkellem miegħu, però nista’ nikkonferma li minkejja li kien jargumenta, kien dejjem jagħmel hekk b’mod ġenwin u ma kien ikollu l-ebda aġenda, la ’l hemm u lanqas ’l hawn. Bħalma qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Chetcuti Caruana kien tabib determinat. Bħala tabib huwa kien popolari ħafna, u dan mhux ġewwa l-Mosta biss. Huwa kellu klijentela qawwija ħafna, u meta fis-27 ta’ Diċembru, 1977 irċieva l-ittra bomba għax kien qed jagħmel xogħlu, għax kien strikebreaker u ma ħassx li għandu jifforma parti mill-grupp ta’ tobba li strajkjaw, ... Fil-fatt huwa kien fetaħ din l-ittra bomba, però ma ħaditx minħabba xi difett li kien hemm fiha, u dan l-episodju baqa’ jkissirlu rasu sal-aħħar. Kull meta kont nitkellem miegħu, dejjem kien jgħidli: “Mela qatlu lil Karin Grech u ma rnexxilhomx joqtlu lili!” Nerġa’ ngħid li dan kollu ġara minħabba kawża ġusta; minħabba li hu kien jemmen li għandu jibqa’ jaħdem ta’ tabib u ma jipparteċipax fl-istrajk tat-tobba.
Niftakar li fiż-żmien li jien kont ikkontestajt l-elezzjonijiet ġenerali ta’ bejn l-1996 u l-2008, huwa kien ikkontesta biss xi darba jew darbtejn. Kien popolari, imma huwa kien jemmen li la n-nies jivvotawlu, l-importanti li hu qiegħed hemmhekk. Fil-fatt imbagħad in-nies reġgħu tawh il-fiduċja tagħhom fl-2007 meta sar sindku tal-Mosta.
Meta tanalizza d-diskorsi ta’ Dr Paul Chetcuti Caruana - fosthom l-ewwel diskors tiegħu li jinsab fil-ktejjeb li qassamna - tirrealizza li huwa mingħajr ma jaf kellu foresight. Pereżempju, dak iż-żmien kienet qed tiġi diskussa liġi dwar il-kwestjoni tal-Enemalta u kien hemm problema minħabba l-median line bejn Malta u l-Libja. Fil-fatt dakinhar Dr Chetcuti Caruana kien qed jitkellem proprju fuq dan il-median line. Dak iż-żmien ħadd ma basar li kienet se tispiċċa tinfetaħ kawża fil-World Court ġewwa The Hague u li finalment aħna bħala pajjiż konna se nieħdu raġun dwar fejn għandu jkun il-median line bejn Malta u l-Libja! Jien nistedinkom taqraw dak id-diskors. Hemmhekk huwa kien qed jitkellem fuq dan il-median line bejn Malta u l-Libja, però ovvjament sa dakinhar kienet għadha ma nfetħitx kawża fil-kamp internazzjonali f’dan ir-rigward.
Jien li nista’ ngħid hu li għandi memorji sbieħ ta’ Pawlu. Huwa dejjem ħa ħsieb kemm il-professjoni tiegħu kif ukoll lill-familja tiegħu. Minn hawnhekk insellem lil martu, lil ibnu Leo u lill-membri l-oħra kollha tal-familja tiegħu li ma jinsabux preżenti hawnhekk, fosthom lil Joshua, filwaqt li ningħaqad mad-Deputat Prim Ministru u mal-Kap tal-Oppożizzjoni biex inwasslu s-sentimenti tagħna lill-familjari ta’ Dr Chetcuti Caruana. Se nitlob ukoll lill-Iskrivan tal-Kamra biex twassal il-kondoljanzi tagħna lill-familjari kollha tiegħu. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear)
| Ġie elett: | 25.09.1976 |
| Ġurament tal-Ħatra: | 24.11.1976 |
| Xoljiment tal-Parlament: | 09.11.1981 |