Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Mr Danny Cremona

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (7 Lul 1982)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 37 tal-Ħames Parlament  tas-7 ta' Lulju 1982

KONDOLJANZI

ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, inqum biex b'dispjaċir kbir u b'sogħba kbira nħabbar il-mewt tal-ħabib tagħna, Danny Cremona, Ministru tax-Xogħol u Servizzi Soċjali.

Danny Cremona huwa magħruf ħafna kemm fil-kamp politiku u kemm fil-kamp tredjunjonistiku. Kien bniedem illi ħa parti minn ċkunitu, parti attivissima, fiż-żewġ kampijiet. Fi żminijiet diffiċli ħafna, meta kien hemm fin-nofs l-għixien tiegħu u tal-familja tiegħu u anke forsi persuntu stess, huwa wera kemm verament kien bniedem li jemmen fil-prinċipji li għalihom kien qiegħed jiġġieled meta l-Partit, flimkien mal-General Workers' Union, kellhom ġlieda qalila mal-Gvern Ingliż. Taqsima Ċivili tas-Servizzi Ingliżi, Danny Cremona mhux talli ma beżax u ma baqax lura, iżda kien jaffronta sidru bla ebda ħabi, juri kemm kien bniedem sinċier u lest biex jitlef kollox għall-prinċipji li fihom kien jemmen. Il-Ministru Cremona jibqa' jitqies bħala simbolu tal-Moviment tal-Ħaddiema għax huwa ħadem fl-istess ħin fil-kamp tal-Partit Laburista u dak tal-G.W.U. u għamel żmien President fl-istess ħin taż-żewġ fergħat tal-Moviment tal-Ħaddiema. Dan juri kemm verament il-Partit Laburista u l-G.W.U. kienu minn dejjem jaħdmu mill-qrib u id f'id.

Il-ħabib tagħna, Danny Cremona, ħalla jibkuh lil martu, lil uliedu, lil ħutu u lil ħafna minn qrabatu; u żgur li ħalla jibkuh ukoll lil ħafna partitarji Laburisti, il-għaliex Danny, kif nafuh aħna, veru li kien bniedem li jeċita ruħu ħafna u malajr, u li fis-saħna kien jagħmel kollox, imma, Mr Speaker - u hawn naħseb li jien jaqbel miegħi kull min jafu, anke forsi dawk li ma kenux jaqblu miegħu - fuq kollox, Danny kellu qalbu tad-deheb, kien jinsa malajr f'dawn l-affarijiet, fis-saħna tad-demm jagħmel kollox, u kważi kważi anke jasal biex jiġġieled ma' l-istess ħbieb tiegħu, imma wara jinsa kollox, jammetti u anke jmur jitlob skuża. Dan kien il-ħabib kbir tagħna, Danny Cremona. Hekk nibqgħu niftakru lil dan seħibna b'qalb tad-deheb.

Mr Speaker, jien inħoss illi l-Kamra - mhux biss il-għaliex Danny Cremona miet in harness, waqt li kien għadu Ministru tax-Xogħol u Servizzi Soċjali, imma anke bħala persuna illi hija ħabiba tagħna, anke kieku stess ma kienx Ministru - jien inħoss illi allavolja llum kienet se tkun l-aħħar ġurnata tal-Parlament qabel ma jien kont sejjer naġġorna għar-recess, jiġifieri għal Awissu, jien inħoss li bħala sinjal ta' rispett illum mhux biss nissospendu l-Kamra, imma nipproponi li din is-seduta ma ssirx; u li l-business li kellna nagħmlu llum, li kien xogħol importanti, isir f'seduta oħra u li għalhekk il-Kamra tiltaqa' nhar it-Tnejn li ġej. Nitlob ukoll lis-Sinjorija Tiegħek, Mr Speaker, biex twassal lill-familja tiegħu, lill-mara, lil uliedu u l-familja tiegħu kollha s-sogħba kbira ta' din il-Kamra għat-telfa kbira li huma sofrew.

Qabel ma naġġornaw, Mr Speaker, nixtieq illi aħna lkoll flimkien mas-Sinjorija Tiegħek inqumu bil-wieqfa u bħala rispett għal Danny Cremona, il-mibki ħabib tagħna, nagħmlu żewġ minuti silenzju.

Fis-7.16 il-Membri kollha qamu bil-wieqfa u żammew żewġ minuti silenzju.

MR SPEAKER (L-Onor. Daniel Micallef): Jien ili snin twal naf lill-mibki Ministru Danny Cremona, infatti sa mill-1963 meta ltqajt l-ewwel darba miegħu f'Londra, meta konna hemmhekk għall-Konferenza ta' l-Indipendenza. Ħabbejtu mill-ewwel jum li ltqajt miegħu għax sibtu mill-ewwel bħala bniedem sinċier ħafna u simpatiku; kif fil-fatt jikkonferma wkoll id-diskors tad-Deputat Prim Ministru Anzjan. Lill-Ministru Danny Cremona, jien bqajt nirrispettah dejjem, u ma nistax insib kliem aħjar biex niddiskrivih, milli ntenni dak li qal il-Ministru, li l-mibki ħabib tagħna kellu qalbu tad-deheb, minkejja li kien ta' tempra li jitlagħlu pjuttost malajr. Iżda anke meta Danny seħibna kien jitlagħlu, ma kienx jitlagħlu b'odju u dan kien japplika għal kulħadd, kemm ħbieb kif ukoll avversarji, l-aktar fil-qasam politiku. Kull meta jien ersaqt lejn Danny għal xi raġuni jew oħra, hu dejjem laqagħni bl-ikbar ġentilezza u komprensjoni; għax hu hekk kien magħġun fil-karattru tiegħu ma' kulħadd; allavolja għal xi waqtiet kien forsi jitlagħlu. Hu iżda kien dejjem jipprova jgħin lil kulħadd kemm lil dawk li kienu fil-kamp tiegħu kif ukoll lill-oħrajn fil-kamp oppost.

Jien bil-qalb kollha u kif inhu dmir tiegħi bħala President ta' din il-Kamra, sejjer il-leja stess inwassal personalment is-simpatija u l-kondoljanzi ta' dan il-Parlament, lis-Sinjura Cremona, lil uliedha u lill-qraba l-oħra tagħhom kollha.

Issa skond il-qbil li ntlaħaq; il-Kamra hija aġġornata b'sinjal ta' rispett u simpatija, għal nhar it-Tnejn, 12 ta' Lulju, fis-6.00 p.m., bl-istess agenda ta' llum.

 

Electoral History

Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 24.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Karigi
Ministru tal-Industrija, Sajd u Agrikoltura - 24.09.1976
Waqqaf: 16.10.1978
Ministru tat-Turiżmu - 17.10.1978
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.12.1981
Ġurament tal-Ħatra: 15.02.1982

Died in Office

- 07.07.1982
Karigi
Ministru tax-Xogħol u Servizzi Soċjali - 19.12.1981
Waqqaf: 07.07.1982