TIFKIRA
TAL-EX DEPUTAT PARLAMENTARI
MICHAEL FALZON
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA
17 TA’ AWWISSU 1945 – 5 TA’ JANNAR 2025
MEMBRU TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI
bejn
24 TA’ NOVEMBRU 1976 - 28 TA’ OTTUBRU 1996
Michael Falzon
L-Ewwel Diskors fil-Kamra tad-Deputati
tal-Ex Deputat Parlamentari Michael Falzon
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 14
tal-Erbgħa, 29 ta’ Diċembru 1976
IR-RABA’ LEĠIŻLATURA
ABBOZZ TA’ LIĠI BIEX JIĠI EVITAT U KONTROLLAT IT-TNIĠĠIS TAL-BAĦAR
MARINE POLLUTION (PREVENTION AND CONTROL) BILL
ONOR. MICHAEL FALZON: Mr Speaker, għażilt li nitkellem fuq din il-liġi għall-ewwel darba fil-maiden speech tiegħi għaliex fl-opinjoni tiegħi din hija liġi importanti, liġi tassew importanti, illi qiegħda tipprova ssolvi problemi u tevita perikli illi bilfors aħna involuti fihom bħala pajjiż f’nofs il-Baħar Mediterran, u wkoll għaliex din il-liġi mhix kontroversjali, u allura ma rridx nagħmel wisq sforz biex ma nkunx kontroversjali jien.
Il-problema tat-tniġġis tal-baħar, Mr Speaker, hija problema serja, serja kullimkien, però f’baħar illi huwa magħluq – kif diġà qalu l-kelliema ta’ qabli – hija problema aktar serja għaliex il-bdil tal-ilma tal-Mediterran ma’ ilma ta’ ibħra oħra, huwa proċess li jsir bil-mod ħafna. U l-ammont ta’ tniġġis li qed isir illum il-ġurnata fil-Mediterran, huwa tali illi jekk il-pajjiżi tal-Mediterran mhumiex se jagħmlu xi ħaġa fuqu, se jiġri illi l-Mediterran bil-mod il-mod mhux se jibqa’ baħar ħaj, se jsir baħar mejjet, u filwaqt li nkunu qegħdin nitkellmu illi rridu nagħmlu baħar ta’ paċi – ħafna drabi smajnieha din, Mr Speaker – nispiċċaw illi l-baħar jilħaq imut, u minflok baħar ta’ paċi, ikollna għadira mimlija ħmieġ.
Sfortunatament, s’issa, ħafna pajjiżi jikkonsidraw il-baħar bħala post fejn wieħed jista’ jwaddab il-ħmieġ u l-imbarazz. Illum wasal iż-żmien illi aħna – u meta ngħid “aħna”, mhux biss aħna bħala poplu Malti, imma kull pajjiż illi għandu x-xtut tiegħu mal-baħar tagħna, il-Baħar Mediterran – nirrealizzaw kemm hi serja l-problema. Fil-fatt, sa ċertu punt, dan diġà seħħ, għaliex kif qal anke l-Ministru li ppilota din il-liġi, fi Frar ta’ din is-sena, f’Barċellona saret konferenza tal-pajjiżi tal-Mediterran, taħt l-awspiċi tal-United Nations Environment Programme, illi fil-konklużjoni tagħha sar trattat u dawk li ffirmawh ikkommettew ruħhom illi jieħdu l-passi neċessarji biex jittieħdu miżuri kontra t-tniġġis. Issa dan it-tniġġis jista’ jiġi mhux biss minn vapuri illi jitfgħu ż-żejt, imma anke minn stallazzjonijiet ta’ tħaffir taż-żejt u minn sorsi industrijali, minn xmajjar, minn sewage u anke minn ajruplani. Diversi pajjiżi minn dawk li attendew il-konferenza ffirmaw dan it-trattat fi Frar li għadda. Sfortunatament, mis-16-il pajjiżi li kien hemm, 12 iffirmaw, inkluż Malta. Kien hemm erba’ pajjiżi li ma ffirmawx dak it-trattat. Jien mhux infurmat jekk minn dak iż-żmien ’il hawn, dawk l-erba’ pajjiżi – il-Libja, is-Sirja, it-Tuneżija u l-Jugoslavja – iffirmawhx. Però huwa fatt ukoll illi kien hemm żewġ pajjiżi oħra tal-Mediterran, l-Albanija u l-Alġerija, illi lanqas biss attendew għal din il-konferenza.
Min-naħa l-oħra, wieħed irid jammetti wkoll illi ħafna pajjiżi rrikonoxxew illi din il-problema tat-tniġġis tmur oltre d-differenzi politiċi, oltre d-differenzi ideoloġiċi li jista’ jkollu poplu ieħor, tant illi wieħed jinnota illi f’din il-konferenza ħadu parti l-Eġittu, l-Iżrael, il-Lebanon, il-Libja, is-Sirja, il-Greċja, it-Turkija u Ċipru. Jiġifieri minkejja d-differenzi politiċi li jeżistu bejn dawn il-pajjiżi, dawn raw l-importanza illi jiltaqgħu flimkien u jiddiskutu din il-problema.
Saru wkoll żewġ protocols f’dik il-konferenza; wieħed minnhom jittratta l-blacklist ta’ kimiki. Jiġifieri saret lista ta’ kimiki illi ħadd ma jista’ jiddampja fil-Mediterran, u saret lista ta’ kimiki oħra illi biex jiġu ddampjati, il-gvernijiet iridu jagħtu permess speċjali.
Sar protokoll ieħor illi fih ġiet imwiegħda l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi li ffirmaw fil-każ ta’ tniġġis miż-żejt, u proprju parti minn dan il-protokoll kien it-twaqqif tal-Oil Combating Centre f’Malta. Però dan, Mr Speaker, filwaqt li hu pass ’il quddiem, fl-opinjoni tiegħi xorta hu pass żgħir. Huwa pass importanti, l-ewwel pass, però hu biss early warning system; hu biss mezz kif il-pajjiżi tal-Mediterran ikunu avżati li hemm xi spill jew leakage ta’ żejt, kif ukoll mod kif jiġu diretti operazzjonijiet kontra dan it-tniġġis. Però fil-verità, dan ma jmurx oltre dawn iż-żewġ skopijiet li semmejt, għax jekk tarahom kollha f’daqqa ssib li tista’ tiġborhom fi tnejn: is-sistema ta’ kif wieħed jagħti warning u direzzjoni ta’ operazzjonijiet kontra l-ispills.
Jien qed ngħid li dan huwa pass żgħir, Mr Speaker, għax fl-opinjoni tiegħi, jekk ma niħdux passi oħra immedjati se nsibu illi l-Baħar tagħna se jkun fl-inkwiet. Jekk it-tniġġis tal-Mediterran se jibqa’ sejjer bil-mod kif inhu sejjer illum, sa għaxar snin oħra l-Mediterran diġà jkollu partijiet minnu mejta għalkollox. Meta ngħid “mejta” jiġifieri l-ossiġnu tiegħu jkun spiċċa għaliex ma jkunx jista’ jlaħħaq mal-ammont ta’ pollutants li jkun hemm; u meta jkun baħar mejjet ma jgħixx ħut, ma jkunx hemm ħajja u jispiċċaw bħalma spiċċaw diġà partijiet mil-lagoon ta’ Venezja, li huwa speċi ta’ baħar żgħir magħluq, u anke partijiet mill-Baħar Adrijatiku. Kull min mar Venezja reċentement seta’ jara li hemm m’hemmx baħar, imma hemm ilma maħmuġ, ilma qiegħed li fih ma jgħix xejn. U l-problema li qed nitkellmu fuqha llum hija daqshekk serja, Mr Speaker, li jekk ma jitteħdux passi immedjati, il-Baħar Mediterran, sa għaxar snin oħra, se jkollu diġà partijiet minnu li jkunu hekk. U jekk jibqgħu ma jitteħdux passi immedjati oħra, wara ċertu żmien jispiċċa l-Mediterran kollu maħmuġ, kollu baħar mejjet. Dawn il-passi immedjati naturalment ma jistax jeħodhom il-Gvern Malti waħdu. Irid ikun hemm, bla dubju ta’ xejn, koperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi kollha.
Huwa minn dan il-lat li rridu nħarsu lejn din il-problema għaliex ikun kollu għalxejn li niġu nilleġiżlaw aħna din il-liġi, li hija liġi pożittiva, jekk ma jkunx hemm kooperazzjoni sħiħa bejn il-pajjiżi kollha li hemm fil-Mediterran, għax inkella dan ma jservi proprju għalxejn. Biżżejjed ngħid illi bħalissa fil-Mediterran huwa kkalkolat li qegħdin jintefgħu 100,000 tunnellata żejt fis-sena, u hawn min jikkalkola li dan l-ammont din is-sena ser ilaħħaq ’il fuq minn 400,000 tunnellata.
Issemma t-Torrey Canyon; it-Torrey Canyon kulma kellu spill ta’ 100,000 tunnellata żejt. Jiġifieri fil-Mediterran qed jintefa’ żejt, minimament, daqskemm intefa’ żejt meta ħabat it-Torrey Canyon. Hawn min jgħid li fil-verità qed jintefa’ żejt daqs tliet Torrey Canyons fis-sena. U biex iktar nuri kemm hija kbira din il-problema, ta’ min isemmi li għal kull litru żejt li qed jintefa’ fil-baħar, irid ikun hemm l-ossiġnu ta’ 400,000 litru baħar biex dan iż-żejt jiddiżintegra kemikalment u ma jibqax żejt. Nassumi li kulħadd jaf illi ż-żejt, jew kwalunkwe pollutant ieħor li jintefa’ fil-baħar, fil-parti l-kbira tiegħu jiddiżintegra bl-azzjoni kimika tal-ossiġnu li jeżisti fl-ilma, però għal kull litru żejt li jintefa’ fil-baħar irid ikun hemm l-ossiġnu illi hemm f’400,000 litru baħar. Jiġifieri hija ħaġa ċara li meta fil-Mediterran qegħdin nitfgħu 100,000 tunnellata żejt fis-sena, dan il-Baħar, għalkemm naħsbu li huwa kbir, ma jistax ikun illi jlaħħaq biex jiddiżintegra dan l-ammont kollu ta’ żejt. Dan apparti illi hemm pollutants oħra illi jinkoraġġixxu speċi partikolari ta’ ħut jew ta’ ħaxix, marine life, b’mod li jiżbilanċjaw il-bilanċ ekoloġiku, u hemm pollutants oħra illi għandhom affinità ma’ ċerti annimali, jew ma’ ċerti ħut, bħal pereżempju d-DDT u l-merkurju, li wkoll qegħdin jagħmlu ħsara kbira fil-Baħar Mediterran u fl-ibħra l-oħra.
Il-pollution, l-inkwinament, jew it-tniġġis, kif jgħidu, jista’ jsir, Mr Speaker, apposta jew inkella mhux neċessarjament apposta. Jista’ jsir apposta permezz ta’ industriji u permezz tad-drenaġġ li jintefa’ fil-baħar. Jekk naraw il-miljuni kollha ta’ nies li jgħixu fil-pajjiżi madwar il-Mediterran, illi d-drenaġġ tagħhom qed imur jew direttament ġol-Mediterran jew through ix-xmajjar għal ġol-Mediterran, naraw kemm fil-fatt qed jintefa’ sewage fil-Mediterran. Naraw ukoll illi l-waste ta’ diversi industriji ħafna drabi jkollu kimiki illi jagħmlu ħsara lill-baħar; l-istess, dawn qegħdin jintefgħu apposta. Ngħid apposta għax mhuwiex ikkontrollat. Ġieli jintefgħu wkoll pollutants f’containers. Ġieli jintefgħu bombi jew veleni li ma jkunx hemm użu għalihom, li jkunu bħala surplus militari; dawn jaqbdu u jagħmluhom ġo kaxxi tal-konkos u jgħerrquhom f’qiegħ il-baħar. Din fil-verità hija soluzzjoni ħażina ħafna għax biż-żmien kollox jiddeterjora.
Ma nafx f’liema baħar eżatt, mingħalija fil-Black Sea, darba sabu, pereżempju, konċentrazzjoni kbira ta’ arseniku; biżżejjed biex joqtol lil kulħadd. Dan kien surplus tal-gwerra ta’ xi ħadd li ddampjah hemmhekk wara li għalqu ġo kaxxi tal-konkos jew tal-ħadid li biż-żmien iddeterjoraw u ħareġ. Ġieli jiġru inċidenti - inċidenti mhux biss taż-żejt, bħalma għadna kif semmejna tat-Torrey Canyon - bħalma kien ġara fi Spanja, meta kien hemm ajruplan Amerikan illi waqgħulu erba’ bombi, li kienu bombi nukleari, u allura kien hemm tniġġis nukleari. Fil-fatt kien hemm problemi kbar u għalkemm il-Gvern Amerikan kien ħallas, kienu riedu jiġbru saħansitra l-ħamrija, li kienet radioactive, u riedu jfittxu dawn il-bombi kollha. Dan kollu huwa periklu illi fil-fatt qegħdin ngħixu fih aħna bħala pajjiż fil-Mediterran.
Dan kollu qed ngħidu, Mr Speaker, għax sfortunatament, l-Abbozz ta’ Liġi jagħti l-impressjoni illi l-pollution fil-baħar hi, tista’ tgħid, miż-żejt biss. Mhux qed ngħid li jingħad hekk, u veru li l-liġi tagħti d-dritt lill-Ministru biex jagħmel regolamenti li fihom ikun hemm il-lista ta’ pollutants li għandhom jiġu kkundannati. Però ta’ min isemmi illi llum il-ġurnata d-dibattitu bejn ix-xjentisti huwa fil-fatt jekk l-iktar pollutant serju fil-Baħar Mediterran hux iż-żejt jew il-merkurju. Il-merkurju għandu affinità għall-ħut. Issa dan work of nature; il-merkurju li tieħu ġo fiha l-ħuta jibqa’ fil-ġisem tagħha u, kif jgħidu, il-ħuta l-kbira tiekol il-ħuta ż-żgħira, imbagħad il-merkurju li kien fil-ħuta ż-żgħira jibqa’ fil-ħuta l-kbira u l-istorja tibqa’ sejra hekk sakemm fl-aħħar dik il-ħuta tiġi fil-platt f’xi restaurant, jew anke d-dar. Allura meta inti tiekol ħut tal-Mediterran, sfortunatament, inti tkun qed tieħu l-merkurju.
Xi ħadd qal xi mkien illi jekk tieħu żewġ kilos ħut mill-Mediterran fil-ġimgħa, ratlejn u nofs fil-ġimgħa, tista’ tmut b’mercury poisoning. (Interruzzjonijiet) Ma ssirx termometru, le! Mr Speaker, fil-verità, din il-figura, għalkemm forsi xjentifikament hija eżatta, ma għandhiex relazzjoni mal-ammont ta’ ħut illi nieklu hawn Malta, għaliex hawn Malta, almenu skont l-istatistika, fil-pixkerija s-sena l-oħra nbiegħu 1,800,000 ratal ħut. Jiġifieri ras għal ras, qisu xi sitt irtal u kwart fis-sena. Dan hu ’l bogħod mir-ratlejn fil-ġimgħa li semmejt. Però huwa fatt ukoll illi l-livell tal-merkurju fil-Mediterran dejjem qed jogħla u, ma nafx jien jekk il-Gvern qattx għamel xi test …
ONOR. DOM MINTOFF: Il-pixkerija mhux responsabbli …
ONOR. MICHAEL FALZON: Imma nsomma dan qed ngħidu għax hemm nies li jaqbdu l-ħut ukoll, u jikluh huma stess. Però anke jekk dan l-ammont tagħmlu multiplied by two xorta tkun għadek ’il bogħod.
Fil-fatt, ħafna nies jistaqsu minn fejn jiġi dan il-merkurju. Sfortunatament, il-merkurju huwa użat bħala fungicide fl-industriji tal-karti, fil-wood pulp, u fil-Mediterran hemm pajjiżi bħall-Italja, Spanja, il-Jugoslavja, l-Alġerija, il-Greċja u t-Turkija li kollha għandhom pulp mills u kollha jużaw il-fungicide biex jagħmlu l-karti, biex fil-proċess tagħhom ma jikbrilhomx dan il-fungus. Imbagħad meta jnaddfu kollox, jarmu kollox fil-baħar bir-riżultat li aħna nispiċċaw nieklu l-merkurju. Din hija l-verità tal-fatti.
Jien hawnhekk nixtieq ngħaddi l-ewwel rimarka tiegħi fuq din il-liġi. Veru li skont il-liġi l-Ministru jista’ jagħmel regolamenti – artikolu 3(2)(b) – biex ċerti pollutants ma jkunux jistgħu jintefgħu fil-baħar. Imma jien nistaqsi: Ladarba l-Gvern iffirma t-trattat u aċċetta illi dawk il-pollutants illi hemm fil-blacklist ma għandhomx jiġu mitfugħin fil-baħar, allura għaliex il-Gvern, minflok jagħmilha ħaġa ta’ regolamenti, din ma jagħmilhiex ħaġa tal-liġi? (Interruzzjonijiet)
Il-Ministru qed jgħid: Xorta. Veru illi legalment huma xorta. Però jien inħoss illi meta tħalliha f’idejn il-Ministru responsabbli – u dan bir-rispett kollu lejn il-Ministru – inti legalment tkun qed tagħti lill-Ministru l-fakultà illi ma jimxix fuq dik il-lista. Mhux qed ngħid li ser jikser it-trattat, però jien nifhem illi ġaladarba aħna ffirmajna t-trattat, ikun sinjal ta’ rieda tajba jekk aħna nniżżlu fil-blacklist l-oġġetti li ma għandhomx ikunu mitfugħin fil-baħar. Jien naf ukoll illi fil-verità f’Malta ma tantx għandna industrial wastes. Aħna ninsabu iktar on the receiving end milli nikkontribwixxu, però huwa fatt ukoll illi jeżistu l-industriji u ħafna drabi l-Gvern lil dawn l-industriji ġieli jagħmlilhom regolamenti biex ma jarmux il-wastes tagħhom fis-sistema tad-drenaġġ ta’ Malta. Issa, milli nista’ nifhem, din ma jagħmilhiex minħabba l-pollution, iżda biex jipproteġi l-makkinarju tal-pumping stations, eċċ. Ħaġa sewwa din … (Interruzzjonijiet) Le, le, jagħmilha għal hekk. Għax dawn xi mkien jarmuh. U ħafna drabi dawn qed jarmuh xorta fil-baħar, qed jarmuh direttament huma.
Ħaġa oħra illi fil-fatt qed jarmu direttament fil-baħar u li semmejtha diġà, huwa s-sewage, id-drenaġġ. Kif għedt diġà, hawn miljuni ta’ nies jgħixu fil-Mediterran u diġà qed jintefa’ ħafna sewage f’dan il-baħar. F’Malta aħna nitfgħu raw sewage, jiġifieri mingħajr ma hu ttrattat, u din, fl-opinjoni tiegħi, hija ħaġa li ma għandhiex issir, kemm mil-lat ta’ konservazzjoni ta’ ilma - għax hemm modi kif ħafna mill-ilma ta’ dak is-sewage terġa’ tieħdu - u kemm mil-lat ta’ nuqqas ta’ pollution. Jien naf li darba kien sar studju fuq din il-kwestjoni u l-Prim Ministru, meta rrefera għal din il-kwestjoni fil-winding up tad-diskussjoni fuq id-Diskors tal-President, kien ta l-impressjoni li din kienet tħalliet fuq l-ixkaffa għal ċertu żmien għax l-ewwel riedu jaraw x’modi orħos hemm available biex jinġieb l-ilma.
ONOR. DOM MINTOFF: Kien diġà sar l-istudju. L-istudju ta’ din il-fażi spiċċa qabel l-1971, u m’għamiltu xejn.
ONOR. MICHAEL FALZON: Le, le, biex inkunu preċiżi, fil-bidu tal-leġiżlatura l-oħra l-Ministru Sant kien qal fil-Parlament illi l-istudju dalwaqt ikun lest, jew lest, u darba jien staqsejtu fuq it-television fuqha din u kien qalli li din ma tistax issir għax trid deżert ...
ONOR. LORRY SANT: Tigdibx. Tkunx giddieb.
ONOR. MICHAEL FALZON: Hekk għedtli.
L-ISPEAKER: No interruptions. (Interruzzjonijiet)
ONOR. LORRY SANT: X’jimpurtani mill-maiden speech tiegħu! Ma jigdibx, ma joqgħodx jigdeb fuq il-gazzetta …
ONOR. MICHAEL FALZON: Hekk qal, Mr Speaker. Hekk qal. Jien dak iż-żmien ma tantx kont emmintu għax naf li ħrafa kienet dik.
ONOR. DOM MINTOFF: Jekk jippermettili l-Onor. Membru – u jien mhux qed nipprova nfixklu, imma aħjar ikun infurmat tajjeb fuq dan l-imbierek studju u mhux studju – irrid ngħidlu illi l-istudju kien jittratta ħafna affarijiet, mhux il-kwestjoni tad-drenaġġ biss u xi jsir mid-drenaġġ; kien hemm ħafna u ħafna affarijiet. U kieku aħna ma għednilhomx: “Isma’, Malta mhijiex guinea pig; ġejtu hawn biex tonfqu l-allocation kważi kollha tal-UNDP ħalli tibqgħu tistudjaw in aeternum u tagħmlu r-research works! Suppost li ġejtu hawn biex tagħtu parir lill-Gvern kif jagħmel affarijiet prattiċi”… Il-parti dwar id-drenaġġ kienet ilha ħafna lesta, jiġifieri kieku xi ħadd ried jattwaha, minflok ma jagħmel id-desalinators kien jagħmel id-drenaġġ …
ONOR. MICHAEL FALZON: Le, le, l-ilma tad-drenaġġ kien intenzjonat għall-agrikoltura, sa fejn naf jien.
ONOR. DOM MINTOFF: Le. Mhux billi tgħidli le, le! Issa aħna għamilna l-parti li tittratta l-ilma, jiġifieri l-ilqugħ tal-ilma biex ma noqogħdux nippurifikaw is-sewage għalxejn, u għedna: “Issa jekk ma naslux biex inżidu s-supply b’hekk, allura neħduh mis-sewage”. Però dan ma jfissirx illi inti qed tnaqqas mill-pollution; ma nafx kif jidħol il-pollution hawn.
ONOR. MICHAEL FALZON: Tgħin ħafna, żgur.
ONOR. DOM MINTOFF: Le, le, imma biex kulħadd jifhem x’qegħdin nagħmlu għax qegħdin inħawdu tal-għaġeb.
ONOR. MICHAEL FALZON: Lanqas xejn.
ONOR. DOM MINTOFF: Kif tidħol il-pollution hawn ma nafx, għax jekk tneħħi l-fatt li s-sewage ħadtlu l-ilma, xorta …
ONOR. VINCENT C. MORAN: Hemm is-solid matter.
ONOR. MICHAEL FALZON: Is-solid matter ma jintefax fil-baħar imbagħad. Ser noqogħdu nidħlu x’jagħmlu bis-solid matter! Inti taf daqsi …
ONOR. DOM MINTOFF: Le, x’naf daqsek! Dan li qed nipprova ngħidlu, illi m’hemm l-ebda idea li aħna nagħmlu s-sewage farms hawn. Trid ħafna spazju għalihom; il-Ministru responsabbli mill-works kien qal li jekk int sejjer tagħmel reclamation tas-sewage kollu trid area kbira, trid sewage farms b’area kbira. Għalhekk qal hekk. Jekk inti ser tagħmel reclamation tal-ilma biss mod; jekk inti ser tagħmel reclamation tas-solid matter ukoll, allura ser tmur għat-total process tas-sewage purification. Hemm parti mill-proċess, tista’ tagħmel nofsu, tista’ tagħmel tliet kwarti u tista’ tagħmlu kollu.
ONOR. MICHAEL FALZON: Le, jien nieħu gost li l-Prim Ministru jiftakar li l-Ministru kien qal hekk u allura jien ma kontx qed nigdeb.
ONOR. DOM MINTOFF: Le, le, jien ma niftakar xejn. Jien qed ngħidlek, jekk qallek hekk żgur ma kontx hemm jien. U naċċertah, lanqas narahom dawn għax ma jkollix ċans. Jien qed ngħidlek li jekk qallek hekk għax biex tippurifika s-sewage, trid area kbira, jekk ser tagħmel ir-reclamation tas-solids. U għalhekk qegħdin inħawdu hawn. Aħna mhux qed nistudjaw biex nagħmlu reclamation tas-solids, biex inkunu ftehemna. Aħna li qegħdin ngħidu hu li qed naraw nistgħux, at cost, nieħdu l-ilma minn dan is-sewage. Daqshekk.
ONOR. MICHAEL FALZON: Is-solids ma jirreklamawhomx. Is-solids jibqgħu jużawhom bħala fertilizer ġieli.
ONOR. DOM MINTOFF: Le, x’jużaw bħala fertilizer! U ħallina! Mela tista’ tużah hekk bħala fertilizer?! Le, sieħeb, bil-mod.
ONOR. MICHAEL FALZON: Iva, tista’.
ONOR. DOM MINTOFF: U le, staqsi. Jekk ma jkunx hemm treatment u dan …
ONOR. MICHAEL FALZON: Iva, wara t-treatment. Mhux dak kien l-iskop kollu tal-istudju, li jsir it-treatment?! Mhux dak kien l-iskop kollu?! (Għajjat)
ONOR. DOM MINTOFF: Allura m’aħniex niftehmu. Jiddispjaċini. Inti tista’ tagħmel biss ir-reclamation tal-liquids u spiċċa. Tagħmel reclamation tal-liquids, imma tista’ tagħmel ta’ kollox.
ONOR. MICHAEL FALZON: Imma s-solids ma tarmihomx fil-baħar wara! Hekk tkun ilħaqt l-iskop li tevita l-pollution. (Interruzzjonijiet) Tista’ taqbeż int il-baħar ukoll. (Interruzzjonijiet)
ONOR. CARMELO CARUANA: Eh! Issa made in Sweden!
ONOR. MICHAEL FALZON: Tagħtix kas.
ONOR. MEMBRU: Il-gazzetta!
ONOR. CARMELO CARUANA: Il-gazzetta jaqblu!
ONOR. DANNY CREMONA: Għaliex hu ma jippurifikahx il-ħmieġ.
ONOR. MICHAEL FALZON: Sinjal li hawn ħafna ħmieġ xi nġib.
MR SPEAKER: Ejja nkomplu.
ONOR. MICHAEL FALZON: Inkompli fuq is-suġġett, Mr Speaker. Aħna nafu li għalkemm għandna l-main sewer, f’partijiet oħra ta’ Malta, fin-naħa tan-North, qed nagħmlu sistema ta’ drenaġġ li għandha outfall naħa oħra. Fl-opinjoni tiegħi, hawn ukoll imissu jsir xi ħaġa biex ma jintefax raw sewage, jew crude sewage, ġol-baħar minn dik in-naħa.
Mr Speaker, l-iktar ħaġa importanti fuq din il-liġi hija li mhux biżżejjed illi niġu hawn, nagħmlu din il-liġi u ngħidu: “Issa għamilna liġi sabiħa” – avangardista, qalilna l-Ministru – imma rridu naraw li din il-liġi b’xi mod tiġi osservata. Nafu li anke liġijiet żgħar bħal, pereżempju, illi ma jistax isir tniġġis tal-arja bid-diesel fumes tal-buses, mhux qed jiġu osservati, għalkemm fuq din naf li l-Gvern qed jagħmel sforz. Imma llum naraw illi lanqas din ma tiġi osservata, aħseb u ara kemm ser ikun hemm diffikultajiet biex fil-verità titħaddem din il-liġi.
Huwa f’dan ir-rigward li jrid ikun hemm koperazzjoni kbira bejn il-pajjiżi tal-Mediterran. Jeħtieġ li jkun hemm ftehim bejn dawn il-pajjiżi. Hawnhekk fuq din il-problema, forsi għandna bżonn nagħmlu daqsxejn ta’ kumitat tal-ġirien fuq skala internazzjonali. Naħseb li l-Gvern Malti jkun qed jagħmel tajjeb kieku jieħu l-inizjattiva minn dan il-lat. L-ewwel ħaġa, jien nappella lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx it-trattat biex jirrattifikawh. Dawk il-pajjiżi li m’attendewx il-konferenza ta’ Barċellona, hemm bżonn illi jsiru trattattivi magħhom biex kulħadd jidħol fl-ispirtu għaliex jekk ikun hemm pajjiż wieħed li għax ma ffirmax it-trattat jibqa’ jitfa’ l-imbarazz u l-ħmieġ tiegħu fil-baħar, veru li l-pollution tkun inqas għax ikun pajjiż wieħed biss li qed jagħmel hekk, imma dan ma jkunx fair għall-oħrajn; ma jkunx sew. Allura tkun ħaġa tajba li l-Gvern Malti jagħmel appell u jipprova jieħu inizjattiva, anke diplomatika, biex dan iseħħ.
Niġi għal xi aspetti ta’ din il-liġi. Diġà sar aċċenn minn Dr Tabone fuq il-kwestjoni ta’ x’inhuma ibħra territorjali. Sfortunatament, fid-definizzjoni li hawn fil-liġi hawn miktub illi:
““ibħra territorjali”, dwar Malta, tfisser il-baħar kollu fil-limiti ta’ ibħra lejn in-naħa tal-baħar territorjali ta’ Malta u tinkludi l-ilmijiet ta’ kull port jew daħla u l-ilmijiet l-oħra kollha interni ta’ Malta f’dawk il-limiti”.
Però m’hawnx referenza għal liġi oħra illi tiddefinixxi x’inhi “ibħra territorjali”. U ngħid m’hawnx għax, pereżempju, taħt “port” hemm referenza għall-Ordinanza tal-1962 u taħt “bastiment Malti” hemm referenza għal liġi oħra. U l-liġi illi tiddikjara x’inhuma l-ibħra territorjali hi l-liġi XXXII tal-1971, it-Territorial Waters and Contiguous Zone Act. F’dik il-liġi hemm din l-espressjoni, “contiguous zone”, u l-ewwel ħaġa li tgħidlek hi illi t-territorial waters huma sitt mili mill-baseline. Imbagħad fuq il-fishing 12-il mil mill-baseline ukoll, però mhux definit bħala żona kontigwa fl-artikolu 2, għad-differenza tal-artikolu 3 tal-istess liġi. Din iż-żona kontigwa hija għall-iskop tad-dwana, ħwejjeġ fiskali, immigrazzjoni, sanità u tniġġis. Jiġifieri din iż-żona kontigwa ta’ 12-il mil hemm referenza għaliha f’din il-liġi, u fil-fatt ma tgħidx “territorial waters” għal dik iż-żona kontigwa. Mentri fil-liġi tat-tniġġis issa għandna referenza għal territorial waters mingħajr referenza għal-liġi l-oħra. Allura mhux ċar jekk aħniex qegħdin ngħidu għal territorial waters ta’ sitt mili, jew għaż-żona kontigwa ta’ 12-il mil għax it-12-il mil għal skop ta’ dwana, ħwejjeġ fiskali, immigrazzjoni, sanità u tniġġis, mhumiex indikati bħala territorial waters f’din il-liġi, imma indikati bħala żona kontigwa. Mentri fil-liġi tat-tniġġis qed ngħidu biss “ibħra territorjali”.
Issa jien nixtieq immur oltre minn dan. F’Jannar ta’ din is-sena kienet saret konferenza f’Malta, il-Mediterrean Students’ Meeting, illi kien fetaħha l-Ministru Cassar, il-Ministru li ppilota din il-liġi. Nixtieq naqra żewġ sentenzi mill-ispeech li kien għamel dakinhar fil-ftuħ ta’ din il-konferenza l-Ministru Cassar. Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa speech importanti għax kienet okkażjoni fejn il-Gvern, jew Ministru tal-Gvern, qal x’inhi l-politika tal-Gvern Malti rigward il-baħar. U dan kien qal hekk:
“Under the first category the Government of Malta would give priority to the exclusive economic zone and we feel that this concept should be institutionalized at the earliest possible date.
“In the view of the Government of Malta the economic zone should extend to a distance of up to 200 nautical miles measured from the baselines from which the territorial sea is drawn.
“Within the zone the coastal state should have sovereign rights over the living and non-living resources and exercise jurisdiction and control over scientific research and vessel-source pollution.”
Jiġifieri l-Avukat Cassar kien ta indikazzjoni illi l-intenzjoni tal-Gvern kienet illi ż-żona kontigwa, li tinkludi wkoll l-iskop tal-pollution, kienet li tiġi estiża sa 200 mil. Issa aħna nafu li fil-każ ta’ Malta ma tkun imkien kważi 200 mil minħabba l-ġeografija. U l-Ministru Cassar fil-fatt iktar tard qalha din. Però qal:
“Nevertheless our Government has continued to support this maximum limit as the one best suited for universal application”.
Jiġifieri dan f’Jannar kien qal illi fl-ewwel opportunità li jkollu l-Gvern se jestendi dan il-baseline għaż-żona kontigwa … (Interruzzjonijiet) Mhux il-baseline.
ONOR. DOM MINTOFF: Il-Gvern ma qalx li se jagħmel hekk. Jekk ser ninterrompi, ser ninterrompi biex anke l-membri hawnhekk ikunu jafu x’qed jiġri u ma jiġrix. Dan hemm konferenza mondjali għaddejja kontinwament fuq dawn l-affarijiet u l-Ministru Cassar hawnhekk żamm mat-teżi tal-Gvern f’din il-konferenza mondjali. Dak li qal, mhux li l-Gvern jagħmilhom waħdu! Mela l-Gvern jista’ jagħmilhom waħdu dawn?! (Interruzzjonijiet) Jien naċċertak li qatt ma qal li l-Gvern se jdaħħal dawn il-liġijiet hu. It-teżi li qed iżomm il-Gvern meta jitkellem fil-United Nations dwar is-seabed! Dak li qal.
ONOR. MICHAEL FALZON: Jien ikkwotajt …
ONOR. DOM MINTOFF: Ikkwotajt, imma ma kkwotajtx li l-Ministru Cassar qal li se jagħmel din il-liġi.
ONOR. MICHAEL FALZON: Ħa ngħidlek x’qal:
“This concept should be institutionalized at the earliest possible date”.
ONOR. DOM MINTOFF: Institutionalized fil-United Nations imma! Mhux li se ssir liġi!
ONOR. MICHAEL FALZON: Jiġifieri …
ONOR. DOM MINTOFF: Issa jien qed nagħmlu dan biex ma niħdux impressjonijiet ħżiena hawn, li ma jmurx xi ħadd jaħseb illi aħna se nagħmlu liġi waħedna, illi ngħidu illi se nżommu t-territorial waters, jew il-continguous zone, jew inkella l-fishing limits ta’ 200 mil. Nagħmluha waħedna?! Ma tarax! Kif jista’ jkun?
ONOR. MICHAEL FALZON: F’dan l-istadju …
ONOR. DOM MINTOFF: Institutionalized tfisser illi tkun il-United Nations illi tagħmel il-law of the sea u fil-law of the sea tagħmel dawn l-affarijiet. F’dak is-sens institutionalized. Jiddispjaċini nqum nitkellem imma ma rrid li jiġi żvijat ħadd għax inkella noqogħdu nirrepetu dawn l-affarijiet kull darba. Mhux li aħna se nagħmlu xi liġi hawnhekk … Din hi d-differenza! Id-differenza hi li jekk dawn l-affarijiet isiru mill-United Nations ikun hemm charter, ikun hemm il-law of the sea, tkun xi ħaġa institutionalized, issir mad-dinja kollha. Jekk nagħmluha waħedna, allura nkunu ħriġna liġi aħna …
ONOR. MICHAEL FALZON: Kien hemm pajjiżi li għamluhom waħedhom.
ONOR. DOM MINTOFF: Le, issa jien qed ngħidlek għal xiex kien qed jgħid il-Ministru Cassar mhux x’jgħidu Iceland. Iceland hekk jgħidu, 200 mil, u spiċċa. Jien qed ngħidlek x’ngħidu aħna u niġu kkwotati aħna u l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dak li ngħidu aħna. Għax mhux sewwa, nerġa’ ngħid, illi din ninterpretawha illi aħna rridu nagħmluha liġi hawn. Tiġi institutionalized jekk jaqblu n-nazzjonijiet l-oħrajn meta jitkellmu fuq il-law of the sea. Daqshekk.
ONOR. MICHAEL FALZON: Jien l-iskop kollu li qajjimt dan il-punt f’dan id-dibattitu huwa …
ONOR. DOM MINTOFF: Ser inħawdu …
ONOR. MICHAEL FALZON: Le, m’aħniex inħawdu. Jien qrajtha u għedtha.
ONOR. DOM MINTOFF: U dan qegħdin iħawdu …
ONOR. MICHAEL FALZON: Għax issa rridu nkunu nafu x’kellu f’moħħu l-Ministru. (Interruzzjonijiet) Għalhekk ukoll.
ONOR. DOM MINTOFF: Skużi?
ONOR. MICHAEL FALZON: Irridu nkunu nafu x’kellu f’moħħu l-Ministru meta qal hekk.
ONOR. DOM MINTOFF: Le, imma int qed tgħid, mhux trid tkun taf.
ONOR. MICHAEL FALZON: Jien ikkwotajt.
ONOR. DOM MINTOFF: Kieku staqsa!
ONOR. DANNY CREMONA: Żgur ma kellux f’moħħu li jinterpretaw ħażin illum!
ONOR. MICHAEL FALZON: L-iskop kollu hu għaliex jien verament naħseb illi fid-definizzjoni ta’ “territorial waters” f’din il-liġi għandha tidħol referenza għal-liġi l-oħra, l-Att XXXII tal-1971, li hija t-Territorial Waters and Continguous Zone Act. U jekk għada pitgħada l-Ministru Cassar jikkonvinċi lill-United Nations biex jistituzzjonalizzaw din, imbagħad, qed jgħid hu, jemenda l-Att l-ieħor biex minn 12-il mil isir 200 mil jew ossia sal-median line. Però minkejja dan kollu xorta hemm din l-anomalija fid-definizzjoni – irrispettivament minn xi jrid jgħid il-Ministru Cassar – ta’ ibħra territorjali li hawn f’din il-liġi, għax fil-liġi d-definizzjoni ta’ ibħra territorjali ma tfisser xejn. Bejn wieħed u ieħor tgħid li l-ibħra territorjali huma l-ibħra territorjali. Allura żgur li hemm lok li din tiġi emendata u ssir referenza għal dik il-liġi.
Ħaġa oħra li xtaqt ngħid …
ID-DEPUTY SPEAKER: Nosserva li l-Onor. Membru skadielu l-ħin.
ONOR. CARMELO CARUANA: Nipproponi li jkompli jinstema’.
ONOR. MICHAEL FALZON: Ma tantx ħa ndum.
ID-DEPUTY SPEAKER: Min jissekonda?
ONOR. VINCENT C. MORAN: Nissekonda.
ID-DEPUTY SPEAKER: Il-Kamra taqbel? (Onor. Membri: Iva)
Il-mozzjoni għaddiet nem. con.
ONOR. MICHAEL FALZON: Nirringrazzja lill-proponent, lis-sekondant u lill-Kamra talli ħallewni nkompli bid-diskors.
Ħaġa oħra li xtaqt ngħid hija li l-Ministru illi huwa indikat li se jħaddem din il-liġi huwa l-Ministru responsabbli mix-shipping. Jiena naf li fil-fatt qalulna li huwa l-Prim Ministru fis-set-up preżenti ta’ Kabinett. Naf li ħafna mill-affarijiet li hawn hawn jirrigwardaw il-vapuri u x-shipping però ġaladarba llum il-Gvern ħass il-bżonn li jagħmel Ministeru tas-Saħħa u tal-Ambjent …
ONOR. MEMBRU: Tal-ambjent illum?! Mela qabel ma kienx hemm?
ONOR. MICHAEL FALZON: … li qabel ma kienx, ifisser li tant qed jagħti importanza lill-ambjent ….
ONOR. LORRY SANT: Piscopo wkoll kien responsabbli tal-Ambjent.
ONOR. MICHAEL FALZON: Ma kienx hemm portfolio hekk, “tal-Ambjent”. Le, ma kienx hemm. (Interruzzjonijiet) Però jien inħoss li issa tkun ħaġa utli kieku dan il-Ministeru tal-Ambjent jagħmel pjan organiku, pjan sħiħ ta’ kif ħa jittekiljaw il-problemi tal-inkwinament u tal-ambjent. (Interruzzjonijiet) Nassumi li hemm. Jien qed ngħid li jsir pjan organiku għax hija daqsxejn, fl-opinjoni tiegħi, ta’ anomalija li jekk hawn xi ħaġa li tirrigwarda l-ambjent hija proprju din il-liġi u mbagħad din titħaddem minn Ministru li huwa responsabbli mix-shipping.
ONOR. DANNY CREMONA: Mhux għalhekk aħna għednielhom: “Żommu Malta nadifa, ivvutaw Labour”!
ONOR. MICHAEL FALZON: Ħaġa oħra. Il-Ministru Cassar semma wkoll li l-liġi tagħmel distinzjoni bejn ir-responsabbiltà kriminali u r-responsabbiltà ċivili, u pprova jiġġustifika l-£50,000 multa li hemm fit-taqsima tal-kriminalità, f’każ li xi ħadd jinstab ħati, minħabba l-ispejjeż li jistgħu jinqalgħu minn inċidenti li jagħmlu t-tniġġis. Fil-fatt, jien mhux qed ngħid li l-multa ta’ £50,000 hija esaġerata għax din hija problema serja, problema importanti. Imma dik li qal il-Ministru mhix ġustifikazzjoni, minħabba l-fatt illi l-ispejjeż li jsiru huma koperti minn liability ċivili. Anzi jidher, anke jekk tipparaguna t-taqsima tal-liability kriminali mat-taqsima tal-liability ċivili, illi jkun hemm ħafna każi fejn wieħed jista’ jeħel ċivilment imma ma jeħilx kriminalment. Ovvjament, jekk ikun hemm inċident, ħaġa li ma saritx apposta, fair enough li dan ma jeħilx kriminalment imma ċivilment xorta jkun responsabbli.
Imbagħad nixtieq nistaqsi: Għaliex fl-artikolu 12 li jittratta l-insurance, fis-subartikolu hemm l-eżenzjoni? Wara li hemm artikolu sħiħ fuq li l-vapuri jridu jkunu insured skont il-konvenzjoni, imbagħad donnu qisu spiċċa kollox, b’daqqa ta’ linja dan kollu neħħejnieh għax is-subartikolu (6) jgħid hekk:
“Dan l-artikolu ma japplikax għal xi biċċa tal-baħar li tkun iġġorr bi kwantità tagħbija ta’ żejt tax-xorta preskritta mill-Ministru.”
Din l-eċċezzjoni jien personalment ma nistax nifhimha għax filwaqt li huwa importanti li jkun hawn dawn l-insurances – u ħaġa sewwa li nilleġiżlaw b’dan il-mod, li jkun hemm assikurazzjoni kontra r-responsabbiltà għat-tniġġis – imbagħad fl-istess nifs li qed nagħmlu dan, nagħmlu subartikolu illi kważi jagħti s-setgħa lill-Ministru, jekk qed nifhem sew, illi dan kollu ma japplikax.
Hemm diffikultà żgħira oħra fuq l-artikolu 21, subartikolu (2), fejn għall-ewwel darba hemm imsemmija l-kelma “solidi”; “sabiex jiġu depożitati solidi fil-baħar”. Jien ma nistax nifhem għaliex din hija ristretta għal “solidi” u mhux għal “sustanzi”.
Nasal biex nikkonkludi, Mr Speaker. Filwaqt illi kulħadd jifhem kemm hija serja din il-problema, u fil-fatt kulħadd jispera li bil-passi u bil-miżuri illi jkunu possibbli, wara li din il-liġi tgħaddi, inkunu nistgħu b’xi mod innaqqsu t-tniġġis fil-baħar tagħna, jiena ngħid illi fil-verità l-Gvern, wara li jkun għadda din il-liġi, ikollu speċi ta’ għażla quddiemu. Jista’ jgħid: “Issa għaddejna din il-liġi, għandna liġi sabiħa ħafna, avangardista u kulħadd ser jikkopjaha”, imbagħad noqogħdu b’idejna fuq żaqqna ferħanin għax għandna din il-liġi, li – kif qal anke l-istess Prim Ministru – jekk ma jkunx hemm koperazzjoni minn pajjiżi oħra, ikun diffiċli li din il-liġi tkun tista’ titħaddem. Min-naħa l-oħra jien nispera illi l-Gvern ma jagħmilx hekk, imma jieħu inizjattiva mal-pajjiżi kollha biex il-ftehim illi semmejt, ta’ Barċellona, jirratifikah kulħadd u bil-koperazzjoni reġjonali tal-pajjiżi kollha tal-Mediterran, din il-liġi verament ma tkunx saret biex ngħidu li għamilna liġi sabiħa, imma jkun possibbli li nsalvaw dak li hu tagħna, il-baħar tagħna, tagħkom u ta’ kulħadd, il-baħar li nistgħu ngħidu li hu l-ħajja ta’ pajjiżna. Mingħajr Baħar Mediterran ħaj ikollna Malta mejta. U dan għal ħafna raġunijiet. Jien nawgura lill-Gvern illi din il-liġi mhux biss jgħaddiha mill-Parlament, imma jagħmel l-inizjattiva diplomatika li hemm bżonn biex verament bis-serjetà jinqata’ t-tniġġis fil-Mediterran. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)
Estratt mis-Seduta Parlamentari 298 tal-Erbatax-il Leġislatura tat-Tlieta 14 ta' Jannar 2025
KONDOLJANZI
L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Grazzi. Skont il-ftehim milħuq illum il-Kamra se tgħaddi għall-kondoljanzi fir-rigward tal-Eks Membru Parlamentari l-Perit Michael Falzon li ħalliena fil-5 ta’ Jannar 2025. Nagħti merħba lill-membri tal-familja, il-mara tiegħu Marianne u t-tifel David u l-familjari kollha. F’din l-okkażjoni, bħalma nagħmlu f’kull okkażjoni oħra simili, ippubblikajna ktejjeb bl-ewwel diskors li kien għamel il-mikbi Michael Falzon fil-Parlament, il-maiden speech tiegħu li saret fid-29 ta’ Diċembru 1976. Il-Perit Michael Falzon kien membru mill-1976 sa Ottubru 1996.
Insejjaħ issa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, l-Onor. Owen Bonnici, biex jagħmel id-diskors tiegħu għan-naħa tal-Gvern.
ONOR. OWEN BONNICI (Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali): Grazzi. Sur President, huwa verament mument importanti f’dan il-Parlament li nsellmu persuna li għamlet ħafna u ħafna ġid f’dan il-pajjiż. Il-Perit Michael Falzon huwa bniedem li bla dubju u f’kull mument ħabb lil pajjiżu. Kulħadd jaf x’kienu l-fehmiet politiċi tiegħu iżda dawn il-fehmiet politiċi qatt ma fixkluh, qatt ma impedewh, qatt ma żammewh milli jkun oġġettiv, u oġġettiv favur pajjiżu. Il-Perit Falzon kien bniedem tal-pajjiż. Il-politika qatt ma ra kif se tkun biss għall-battuti politiċi. Issa rridu ngħidu li l-Perit Falzon kellu parola facile; biżżejjed naqraw dan il-maiden speech tiegħu, saħansitra ħadha mal-Perit Mintoff fl-aqwa tiegħu! F’dan id-diskors naraw lill-Perit Falzon, li kien għadu jibda fil-Parlament, imerih il-Perit Mintoff u Michael Falzon jiqaflu! Ma ddejjaqx minnu. Issa hemmhekk il-Perit Mintoff kien fl-aqwa tiegħu. Imma għalkemm fil-politika kellu parola facile u kien jaf jirrispondi, qatt ma ra l-politika bħala mezz ta’ kif wieħed jagħmel il-battuti biss imma ra li l-politika tkun mezz kif il-pajjiż igawdi minna.
Fil-fehma tagħna kollha kemm aħna, il-Perit Michael Falzon kien bniedem kolt u għaqli. Għalkemm kien bniedem li jgħidha kif iħossha u kelma żgur li ma jżommhiex għalih, kien jiżen il-kliem. Dak li jkun jgħidlek: Imma kif jista’ jkun li kelma ma jżommhiex u fl-istess ħin jiżen il-kliem? Iva, kellu din l-abilità li kien jgħid l-affarijiet kif iħosshom imma fl-istess waqt kull kelma li jgħid kien jiżinha. Kien bniedem, għall-inqas mill-esperjenza tagħna minn din in-naħa, li konna nafu fejn qegħdin miegħu. Opinjonijiet kellna u kellna ħafna, ġieli qbilna u ġieli ma qbilniex - konna niltaqgħu miegħu sa ftit ilu - imma dejjem ammirajna fih il-konvinzjoni li biha kien jitkellem biex l-affarijiet imorru ’l quddiem, biex kollha kemm aħna nagħmlu affarijiet għall-aħjar.
Il-Perit Falzon kellu xi ħaġa li tolqtok. Minkejja li kien beda jikber fiż-żmien, dejjem baqa’ jitkellem fuq il-futur. Din tidher anke mill-kitbiet tiegħu fil-gazzetta, dejjem jitkellem dwar il-Malta li jrid jara, dwar Malta aħjar li jrid jara. Kellu din l-ossessjoni sabiħa li jitkellem fuq il-futur. Fil-fehma tiegħi, lill-Perit Falzon tammirah anke għall-fatt li baqa’ jikteb sal-aħħar u kellu din il-persważjoni li jrid jikkontribwixxi biex ikompli jtejjeb l-affarijiet. Jien nemmen li l-Perit Falzon stabbilixxa ruħu bħala awtorità mhux biss f’oqsma bħalma huma dawk marbuta mal-professjoni tiegħu bħala perit, imma anke fejn tidħol il-midja. Jien kont nammirah għall-fatt li kien jipparteċipa f’diversi programmi fuq il-mezzi tax-xandir u kien wieħed mill-ftit persuni li meta jitkellmu, tieqaf tismagħhom. Tista’ taqbel miegħu u tista’ ma taqbilx miegħu imma tieqaf tisimgħu u tgħid: Ħa nara x’qed jgħid il-Perit Falzon. U dak li jgħid ħafna drabi jagħmel differenza. Naħseb li nkun qed nitkellem għan-nom ta’ ħafna f’din il-Kamra jekk ngħid li l-Perit Falzon kien mentor importanti għal ħafna minna. Jien kelli x-xorti li mal-Perit Falzon ikkontestajt l-ewwel elezzjoni f’dan il-pajjiż għall-Parlament Ewropew u mill-ewwel - għalkemm hu kien kbir fl-età u jien kont għadni ħafna iżgħar - kellna relazzjoni sabiħa ħafna ta’ ħbiberija. F’dik il-kampanja rajt is-sabiħ tal-Perit Falzon li minn fejn qiegħed – żgur li qiegħed f’post aħjar milli qegħdin aħna - qed jismagħna u bil-mod tiegħu qed jgħidilna li kull amministrazzjoni, kemm dik li għamel parti minnha hu u kemm dik li m’għamilx parti minnha hu - dejjem tat kontribut biex pajjiżna jkun aħjar.
F’isem il-Gvern u f’isem il-Prim Ministru u l-Grupp Parlamentari kollu tal-Partit Laburista, noffri l-kondoljanzi tagħna lill-familja Falzon. Għandkom verament għaliex tkun kburin u f’isem pajjiżna nirringrazzjakom tas-sapport li tajtuh. Grazzi ħafna.
L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Bernard Grech.
ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, grazzi ta’ din l-opportunità. Jien ningħaqad mal-ħsibijiet li għadu kif esprima l-Onor. Owen Bonnici. Ovvjament għalina t-telfa ta’ Michael Falzon mhijiex biss telfa fuq livell nazzjonali. U dan se nitkellem dwaru għaliex huwa importanti li dan il-pajjiż, il-poplu Malti, ikompli jifhem li f’kull żmien il-poplu kellu x-xorti li jitfaċċaw politiċi ta’ statura, politiċi li jħobbu lill-pajjiż u li jagħmlu d-differenza. Però qabelxejn nixtieq li nesprimi d-diqa tat-telfa ta’ Michael Falzon ukoll bħala bniedem li serva fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, fil-familja Nazzjonalista, però serva lill-familja Maltija kif għandu jkun kull politiku, li fl-aħħar mill-aħħar inkunu hemm mhux għalina, mhux għal tagħna imma għall-poplu kollu.
Meta niġu hawn biex insellmu persuna bħal Michael Falzon jiġu f’moħħi diversi ħsebijiet u memorji. L-ewwelnett Michael, sa minn età żagħżugħa, għażel li jkun ta’ servizz fil-ħajja politika. Kien jirrakkonta - m’għandix dubju li intom tafuha sew din - li l-ewwel inkontru li kellu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kien ma’ George Borg Olivier li kien tah l-ewwel inkarigu biex jittajpjalu dokument importanti. Mingħand Borg Olivier kien tgħallem ukoll li fil-politika m’għandekx taħdem għall-grazzi għax l-akbar sodisfazzjon jiġi milli tkun tajt is-servizz tiegħek. Din naħseb li hija tagħlima li Michael dejjem baqa’ jġorr miegħu.
Meta mbagħad it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għaddiet f’idejn Eddie Fenech Adami, Michael Falzon serva bħala Segretarju Informazzjoni. Din ma kenitx kariga faċli, Sur President, anke għaliex parti mill-inkarigu tiegħu kienet li jagħmel li jista’ favur xandir oġġettiv u imparzjali, li f’dawk iż-żmenijiet - ikolli ngħid li mhux dak iż-żmien biss - kienet xi ħaġa lampanti ħafna. Meta mbagħad il-Partit Nazzjonalista tela’ fil-gvern fl-1987, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami kien fdalu Ministeru impenjattiv u ta’ sfidi kbar. X’aktarx illum nistgħu ngħidu li l-Ministeru li kien fdalu, dak tal-infrastruttura jew, kif ħafna għadhom isibuh, tal-Public Works, kien il-Ministeru li dak iż-żmien ġab bidla straordinarja għaliex pajjiżna kellu bżonn investiment kbir infrastrutturali. Fil-fatt kien hu li ttrasforma l-Public Works fil-Works Division bil-ħatra ta’ diretturi differenti biex jieħdu ħsieb id-diversi oqsma fi ħdan il-Works Division. Dan kien ifisser ukoll il-bini ta’ Project House, li għadha parti kruċjali minn kif hija organizzata l-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur. Ħafna mill-infrastruttura f’pajjiżna kellha tinbena mill-ġdid. Wieħed mill-aqwa eżempji kien il-proġett li Malta jkollha air terminal ġdid bil-faċilitajiet kollha li jirrikjedi, proġett li dak iż-żmien u anke fis-snin ta’ wara ffaċilita t-tkabbir tal-industrija tat-turiżmu. Dak il-bini jibqa’ parti importanti ħafna mil-legat tal-ħidma ta’ Michael favur il-pajjiż kollu.
Michael kien ħa l-pass kuraġġuż ukoll li jwaqqaf l-Awtorità tal-Ippjanar, pass li permezz tiegħu ħafna mill-poter li qabel kien direttament f’idejn il-Ministru ma kellu ebda biża’ li jgħaddih hu stess f’idejn struttura organizzata bid-Direttorat tagħha u fejn kienu jispikkaw il-persuni ta’ kompetenza u integrità li riedu din l-Awtorità tirnexxi u timxi ’l quddiem. Ikolli ngħid li eventwalment ma naħsibx li kien kuntent b’dak li l-Awtorità saret tfisser iżda min-naħa tiegħu għamel li seta’ biex fil-qasam tal-ippjanar Malta bis-serjetà jkollha bidu ġdid.
Tislima lil Michael ma tistax ma tinkludix tislima lejn il-karattru u l-personalità tiegħu, kif esprima l-Ministru Bonnici. Iva, kien persuna ta’ intelliġenza kbira b’sens ta’ analiżi. Kien ifittex dejjem il-verità li kien jiddefendi anke jekk ikollu jirfes fuq saqajn persuni oħrajn. Kien sal-aħħar nett ta’ ħajtu opinjonista rispettat minn kulħadd anke jekk ma taqbilx miegħu, anke għaliex filwaqt li dak kollu li kellu xi jgħid kien jgħidu, kien jagħmel dan mingħajr ma jonqos mir-rispett uman lejn ħaddieħor. Jibqa’ magħruf ukoll għas-sens ta’ umoriżmu intelliġenti tiegħu jew aħjar, kif ngħidu bl-Ingliż, l-wit uniku li kellu.
Jien minn hawnhekk insellimlu anke fuq livell personali. F’dawn l-aħħar snin kelli l-opportunità li niltaqa’ miegħu u niddiskuti miegħu privatament diversi materji. Insellem lill-familja tiegħu, familja li tinkludi n-neputijiet, bla dubju lin-neputi tiegħu James li gawda għal ftit xhur biss. Kif qal anke l-qassis fil-funeral tiegħu, it-twelid tal-għażiż neputi tiegħu kien forsi l-uniku mument meta raw lil Michael Falzon jibki u kommoss. Grazzi Michael, grazzi wkoll lis-Sinjura tiegħu li m’għandix dubju kienet ta’ bastun fil-mumenti s-sbieħ però żgur li wisq iżjed ta’ konfort fil-mumenti diffiċli. Grazzi anke lit-tifel David. Kondoljanzi min-naħa ta’ din il-Kamra, u m’għandix dubju mill-Parlament kollu, għal din it-telfa, telfa li ma nħossuhiex biss aħna, għax il-poplu Malti tilef persuna li ħabbet lil pajjiżha. Grazzi (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi kemm min-naħa tal-Ministru Bonnici, kif ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Jien se mmur daqsxejn lura fiż-żmien għal meta sirt naf lil Michael Falzon. Kif intqal, dak iż-żmien hu kien il-Ministru għall-Infrastruttura u jien kont għadni Supretendent tal-Pulizija. Kienet saret protesta bit-trakkijiet u kien ċempel biex jara x’inhu jiġri – naħseb li s-Sinjura tiftakar – għax kienu marru jipprotestaw quddiem id-dar tiegħu. Jien kont mort fuq il-post mill-ewwel u kollox kien ... Niftakar li mbagħad rani l-Mosta u kien qalli: Grazzi, Supretendent. Għedtlu: Mhux xogħli qed nagħmel jien! Imma kien dak it-tip, avviċinani hu.
Wara sirt nafu għax imbagħad hu kien joħroġ fuq id-distrett tal-Mosta u ovvjament jien mill-Mosta. Meta konna qed nirriċerkaw l-ewwel diskors tal-Perit Falzon biex nippubblikawh f’dan il-librett li noħorġu, kif nagħmlu s-soltu f’okkażjonijiet bħal dawn, u qrajt id-diskors li għamel - tinsewx li dan kien il-maiden speech tiegħu; dak iż-żmien kellu 30 sena – innotajt kemm mhux biss għamel diskors b’saħħtu fuq il-liġi dwar il-kontaminazzjoni fil-Baħar Mediterran, imma daħal b’mod dettaljat anke fil-liġi internazzjonali, f’dik li hija l-contiguous zone u t-territorial waters. Dak iż-żmien kien qam il-Perit Mintoff jikkontesta ċerti argumenti li kien qed jagħmel Michael Falzon. Issa dak iż-żmien, fl-1976, kif qal il-Ministru Bonnici, il-Perit Mintoff kien fl-aqwa tiegħu. Però bilfors ikollok tammira kif Michael Falzon, taqbel jew ma taqbilx miegħu, irrisponda b’mod iffokat. U waqt l-istess diskors kien hemm interventi oħrajn minn Lorry Sant, Carmelo Caruana, eċċ. Issa mhux normali li fl-ewwel diskors ta’ Membru, fil-maiden speech, ikun hemm dawn it-tip ta’ interventi. Dan kien diskors twil – hawnhekk hawn 20 faċċata – li meta taqrah tinduna kemm ta’ dik l-età kien diġà qiegħed iħares ’il quddiem.
Issemma t-twaqqif tal-Planning Authority. Jien niftakar li kont għamilt kawża kontra l-Planning Authority fl-1997 jew l-1998, meta allura kien hemm il-Labour Party fil-gvern u jien kont fil-Parlament, u l-kawża kont irbaħtha fl-appell; mingħalija kien hemm il-Prim Imħallef Said Pullicino. Imbagħad darba minnhom kont dieħel il-Parlament u ltqajt mal-Prof. Josef Bonnici - insellimlu minn hawn - li qalli: Anġlu, qiegħed first page inti! Biex niċċajta, għedtlu: Ta’ xiex, tan-Nazzjon? Qalli: Le, ta’ The People ta’ Michael Falzon. Issa jien lanqas kont naf li kien joħroġ il-gazzetta The People. Fil-fatt kont mort niċċekkja u sibt li kien ġab it-titlu: ‘Super Tanti ... Super Anġ’. Għaliex dik kienet kwestjoni fuq kiosk tal-ġelati. Kien interessanti li ried jagħti l-messaġġ li membru Parlamentari min-naħa tal-Gvern għamel kawża kontra l-Gvern ... U fhimtu l-messaġġ. Wara kien hemm inċident interessanti fil-Parlament ... Imma dik tgħaddi.
Kien hemm ħafna drabi li kiteb fil-konfront tiegħi, però kull meta kont narah Strada Rjali mal-ħabib tiegħi Charlie Camilleri u oħrajn, dejjem konna nieqfu nitkellmu. Kien jgħidli: Hemmhekk ma naqbilx miegħek imma kellek punt. Tafu kif kien; spjegajtu bl-eżatt il-karattru tiegħu. Dak kien Michael Falzon. Żgur li nista’ ngħid li Michael Falzon kien dejjem persuna valida, taqbel jew ma taqbilx miegħu, għaliex kull argument kien jispjegah, mhux jgħid xi ħaġa u ma jidħolx f’ċertu dettall tagħha. Għal dan kont nammirah.
Jien insellem lill-familjari tiegħu li qegħdin hawnhekk, lilek Marianne, il-mara tiegħu u lilek David u l-familjari l-oħra preżenti. Se nagħti struzzjoni lill-Clerk of the House biex dawn l-interventi jiġu traskritti u mgħoddija lilkom. Nirringrazzjakom. (Onor. Membri: Hear, hear)
Ġie elett: | 04.10.1976 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.11.1976 |
Xoljiment tal-Parlament: | 09.11.1981 |
Ġie elett: | 18.12.1981 |
Ġurament tal-Ħatra: | 29.03.1983 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.02.1987 |
Ġie elett: | 13.05.1987 |
Ġurament tal-Ħatra: | 09.07.1987 |
Xoljiment tal-Parlament: | 20.01.1992 |
Ministru għall-Iżvilupp tal-Infrastruttura - 14.05.1987 |
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992 |
Ġie elett: | 22.02.1992 |
Ġurament tal-Ħatra: | 04.04.1992 |
Xoljiment tal-Parlament: | 23.09.1996 |
Ministru għall-Ambjent
- 27.02.1992
Waqqaf: 28.03.1994 |
Ministru ta' l-Edukazzjoni u Riżorsi Umani - 29.03.1994 |
Xoljiment tal-Parlament: 23.09.1996 |