Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Dr Joseph Fenech

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (2 Apr 1931 - 2 Apr 2005)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 252 tal-Għaxar Parlament tat-Tnejn 11 ta' April 2005

KONDOLJANZI

ONOR. TONIO BORG (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern): Sur President, kif jaf kulħadd matul il-vaganzi ta’ l-Għid miet Dr Joe Fenech. Dan kien membru ta’ din il-Kamra bħalma kien missieru, Tumas Fenech li kien tela’ bħala deputat Nazzjonalista fl-1927 u fl-1932.

Dr Joe Fenech dam deputat ta’ din il-Kamra għal 20 sena sħaħ. Fil-fatt ġie elett f’erba’ elezzjonijiet konsekuttivi, mill-1976 sa l-1992 u baqa’ membru ta’ din il-Kamra sa l-1996. Peress li dejjem ġie elett mid-distrett ta’ Birkirkara, jiena bħal ħafna oħrajn fil-partit, inzertajt kont nafu sew u mill-viċin.

Dr Joe Fenech kien jifforma parti mill-gvern darbtejn, l-ewwel bħala segretarju parlamentari għall-affarijiet marittimi u offshore u mbagħad bħala ministru tal-ġustizzja fit-tieni gvern ta’ Fenech Adami. Kien ukoll l-ewwel president tal-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi u okkupa wkoll karigi pubbliċi oħrajn, anke qabel ma sar membru parlamentari, kemm bħala membru ta’ l-awtorita` tax-xandir kif ukoll bħala membru tal-kunsill ta’ l-universita`.

Jekk imbagħad inħarsu lejn il-ħajja tiegħu fil-partit Nazzjonalista nsibu li għamel żmien twil bħala segretarju tal-grupp parlamentari. Qabel ma tela’ f’dan il-parlament kien ukoll kandidat darbtejn oħra – eżattament fl-1971 u fl-1976 – u kulħadd jaf kemm ħadem għall-organizzazzjoni tal-partit inkluż għall-bini tad-dar ċentrali l-ġdida.

Apparti dan, fil-ħajja soċjali ta’ Birkirkara għamel 30 sena – l-itwal żmien li qatt għamel President – bħala president tad-Duke of Connaught Band Club, dak li aħna ta’ Birkirkara nafuh bħala l-każin ta’ l-għama. Ta’ min igħid ukoll li qabel il-gwerra anke missieru kien president ta’ dan il-club.

Sur President, jien ma naħsibx li figura bħal dik ta’ Dr Joe Fenech għandha tiġi mfakkra f’dan il-parlament b’rakkont aridu ta’ statistika u fatti. Kif qal ibnu, Mark Fenech fid-diskors ta’ l-għeluq tal-quddiesa funebri, jiġu quddiem għajnejk diversi ħsebijiet dwar Dr Joe Fenech. Għalija dan kien bniedem mimli enerġija. Per eżempju, fis-sajf il-familja tagħna kienet tkun ġirien tiegħu fix-Xemxija u dejjem niftakru attiv u jagħti l-ordnijiet qisu qatt m’għandu kwiet f’ġismu.

Kien jitkellem fuq l-affarijiet li kien jemmen fihom b’ċerta konvinzjoni u entużjażmu u jien ikolli diskursati interminabbli miegħu fil-każini u anke fil-parlament u ġieli ma qbilniex pero` l-mod ta’ kif kien jippreżenta l-affarijiet, kien wieħed b’saħħtu ħafna. Meta kien jemmen f’xi ħaġa kellu rasu iebsa daqs iż-żonqor. Għallinqas miegħu dejjem kont tkun taf fejn qiegħed għax l-iva tiegħu tfisser iva u l-le tiegħu kien ifisser le.

Kont nammira fih ukoll il-ħeġġa li biha kien jiġġieled għall-interessi tal-kostitwenti tiegħu f’Birkirkara u baqa’ jirrappreżentahom anke wara li spiċċa minn dan il-parlament. Kien politiku ta’ azzjoni. Meta kien responsabbli għall-portijiet ħadem bla heda biex immodernizza l-operazzjonijiet ta’ dan il-pulmun ekonomiku ta’ pajjiżna u fil-qasam tal-ġustizzja qered ħafna anakroniżmi billi rriforma u mmodernizza l-kodiċi tal-proċedura ċivili tagħna.

Dr Joe Fenech kien avukat u oratur tajjeb. Jien niftakar li meta kont student kont immur il-qorti u nisimgħu jittratta kemm kawżi kostituzzjonali kif ukoll kawżi li kien jispeċjalizza fihom u li ddefenda l-partit fihom dwar ix-xandir f’pajjiżna. Għal ħafna nies dan kien avukat fighter li jiġġieled favur il-kawża sa l-aħħar. Jien tgħallimt mingħand Dr Joe Fenech il-perseveranza u l-importanza li meta tkun ministru ma tinsiex li inti wkoll deputat u l-ħeġġa għal dak li temmen fih.

Għalhekk f’mument ta’ niket bħal dan nixtieq nesprimi l-kondoljanzi sinċieri ta’ dan il-parlament lill-martu Marlene u lit-tliet uliedu Mark, Joanna u Tonio.

MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): Grazzi. Insejjaħ issa lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.

ONOR. ALFRED SANT (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, jien ningħaqad mal-kondoljanzi li għadhom kemm ġew espressi mill-Onor. Tonio Borg.

Li nista’ ngħid hu li f’din il-Kamra, jien u Dr Joe Fenech kemm-il darba ksirna x-xwabel flimkien u naħseb li nkun qed nagħmillu ġieħ meta ngħid, kif wara kollox għadu kif qal l-Onor. Borg, li dan kien fighter u kien politikament tough. Dan kien jaf fejn irid jasal u kemm personalment u anke politikament kien jaf kif jaħdem, jistinka u jiġġieled biex jasal fejn irid jasal u xi ħaġa bħal din wieħed bilfors irid japprezzaha. Aħna hawnhekk qegħdin ġo forum politiku u wieħed japprezza min ikun jaf jaħdem b’mod effettiv ġo fih. Trid tapprezzah ukoll, ħaġa li jien ma nistax nagħmel fuq bażi personali, minn dak li jgħidu l-oħrajn dwaru. Per eżempju, matul dan l-aħħar ġimgħatejn kont impressjonat bil-kbir minn dak li qalu u kitbu nies oħrajn dwaru.

Għalhekk nixtieq li nagħtuh ġieħ lilu bħala persuna. Naf li l-Onor. Joseph Brincat minn din in-naħa tal-Kamra, il-Ministru Zammit Dimech min-naħa tal-gvern u s-Sur Tony Mangion, ex-civil servant kitbu artikli dwaru u kollha ffokaw fuq il-kwalitajiet personali ta’ Dr Joe Fenech li jien ma nafhomx. La hawn din il-konverġenza ta’ min nagħtuha ġieħ. Minkejja li Dr Fenech kien politikament tough kellu mod kif jaġixxi li ħalliet traċċa kbira fil-kuxjenza u l-ħsieb ta’ dawk li matul dawn l-aħħar snin ħadmu miegħu jew kontra tiegħu fil-qasam politiku u oqsma oħra. Jien kont nisma’, minn Birkirkara speċjalment, li Dr Joe Fenech kien maqbud f’marda qalila u li b’mod kuraġġuż kien qiegħed jiġġeldilha u jgħixha. Tkellimt dwaru ma’ l-Onor. Joe Debono Grech, li kien iltaqa’ miegħu u żaru kemm-il darba u konna ftehemna li se mmorru narawh. Pero` jiddispjaċini li għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ ħin ma rnexxilix immur narah għax naħseb li kienet tkun ħaġa tajba ħafna.

Fil-funeral tiegħu l-bażilika ta’ Birkirkara kienet mimlija bin-nies. Dawn kienu nies li kienu qegħdin hemm mhux sempliċement bħala protokoll imma għaliex ħassew għalih u jien rajthom ġenwinament imbikkma. F’dan is-sens aktar u aktar inħoss li għandna nagħtuh ġieħ – l-aktar għaliex jien apprezzajtu biss bħala fighter politiku – bħala persuna.

Din hija persuna li fil-ħajja tagħna rnexxielha tħalli ċerti traċċi u fil-karigi li okkupat irnexxielha twettaq affarijiet li forsi nies li kienu aktar politikament ‘il quddiem fil-partit tiegħu ma wettqux tajjeb daqsu. Fuq dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħol marittimu u xogħol ta’ offshore aħna kkritikajnieh bil-kbir - jien l-ewwel wieħed – pero` kkritikajnieh f’sens ta’ kunsens ukoll. Dr Joe Fenech irnexxielu jwassal biex ċerti affarijiet isiru.

Għalhekk f’dan is-sens naħseb li jkun tajjeb li llum fil-kapaċita` personali tiegħi u anke bir-rappreżentanza ta’ l-oppożizzjoni, nagħti ġieħ lilu bħala persuna u bħala politiku li ma qbilniex miegħu imma li issa napprezzaw il-fighting spirit tiegħu. Fuq kollox nieħdu din l-opportunita` sabiex ningħaqdu man-naħa tal-gvern kif espressa mill-Viċi Prim Ministru biex nagħtu lill-familja kollha tiegħu l-kondoljanzi profondi tagħna.

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja - kif ukoll jien fil-kapaċita` personali tiegħi għax Dr Joe Fenech kien kollega tiegħi fil-parlament u anke fil-kabinett - tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu.

Electoral History

Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 25.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.12.1981
Ġurament tal-Ħatra: 29.03.1983
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987
Is-Sitt Leġiżlatura (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 13.05.1987
Ġurament tal-Ħatra: 09.07.1987
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992
Is-Seba' Leġiżlatura (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 22.02.1992
Ġurament tal-Ħatra: 04.04.1992
Xoljiment tal-Parlament: 23.09.1996
Karigi
Ministru tal-Ġustizzja - 27.02.1992
Xoljiment tal-Parlament: 23.09.1996