Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Dr Jackie Frendo Azopardi

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (13 Ott 1998)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 2 tad-Disà Parlament tas-26 ta' Ottubru 1998

KONDOLJANZI

ONOR. LAWRENCE GONZI (Ministru għal Politika Soċjali u Kap tal-Kamra tad-Deputati): Mr Speaker, ftit ġranet ilu tħabbret il-mewt ta' Dr. Jackie Frendo Azopardi. Fil-fatt skond informazzjoni li għandi huwa miet ta' 83 sena fit-13 t'Ottubru fil-Kanada fejn kien ilu jgħix għal dawn l-aħħar 39 sena.

Dr. Jackie Frendo Azopardi kien beda l-karriera politika tiegħu mal-Partit Nazzjonalista meta kien ikkontesta l-elezzjoni ta' l-1947 fuq il-ħames distrett u fil-fatt kien ġie elett u okkupa karigi differenti matul il-leġislaturi ta' bejn l-1947 u l-1955. Jackie Frendo Azopardi okkupa wkoll il-kariga ta' ministru tal-finanzi bejn l-1950 u l-1955 u l-istess perijodu okkupa diversi karigi oħrajn fl-eżekuttiv, kemm temporanjament kif ukoll bħala aġent. Per eżempju, fl-1951 huwa assuma l-kariga ta' ministru ta' l-edukazzjoni, bejn l-1951 u l-1954 kien okkupa wkoll il-kariga ta' aġent prim ministru u mill-1955 sa l-1958 kien ukoll deputat kap ta' l-Oppożizzjoni. Ovvjament jien lil Dr. Jackie Frendo Azopardi ma kontx nafu, pero' minn dak li pprovajt infittex dwaru naħseb li nista' ngħid li huwa kien xempju ta' individwu li joffri s-servizzi tiegħu għall-pajjiż senza interessi u kien lest jissagrifika lilu nnifsu u saħansitra lill-familja għall-pajjiż, tant li wara li spiċċa minn dawn il-karigi sab ruħu f'sitwazzjoni fejn kellu jemigra u jistabbilixxi ruħu ġewwa l-Kanada.

Mr Speaker, dan il-bniedem ma kienx magħruf biss fil-qasam politiku u għas-sehem li ta fl-eżekuttiv u fil-gvernijiet li kellna imma kien magħruf ukoll fil-karriera professjonali tiegħu. Ta' min jgħid li Jackie Frendo Azopardi kien avukat u jkun tajjeb li wieħed iżid jgħid ukoll - għax fl-opinjoni tiegħi din hija ħaġa sabiħa ħafna - li huwa kien jagħti l-kontribut tiegħu anke f'oqsma oħrajn, inkluż fil-qasam sportiv. Fil-fatt jirriżulta li huwa kien anke okkupa l-kariga ta' president tal-Malta Football Association, apparti li hu stess kien sportiv u attiv ħafna tant li wasal biex saħansitra għamel isem għalih innifsu.

Mr Speaker, jien, f'isem din in-naħa tal-Kamra u b'rispett lejn kull min ta s-sehem tiegħu għall-pajjiż, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mat-tmexxija tal-pajjiż fil-qasam governattiv, u allura b'rispett b'mod partikolari lejn Dr. Jackie Frendo Azopardi, kif inhu xieraq u kif dejjem sar f'dan il-Parlament, nixtieq nesprimi l-kondoljanzi tiegħi lill-familjari kollha tiegħu u min-naħa tagħna ġentilment nitolbuk biex, bħala Speaker tal-Parlament Malti, twassal dawn il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

ONOR. ALFRED SANT (Kap ta' l-Oppożizzjoni): Mr Speaker, l-Oppożizzjoni Laburista tagħti ġieh lill-memorja ta' Dr. Jackie Frendo Azopardi u testendi l-kondoljanzi sinċieri tagħha lill-familjari tiegħu. Jiena personalment - u naħseb miegħi anke sħabi ta' din in-naħa - m'għandix konoxxenza personali ta' Dr. Frendo Azopardi imma f'okkażjonijiet bħal dawn huwa dmir tagħna li nagħtu ġieh lil kul min ikun ikkontribwixxa fil-ħajja politika ta' pajjiżna. Dan il-bniedem temm il-karriera politika tiegħu f'pajjiżna madwar 40 sena ilu u bħal politiku ieħor, is-Sur Cole, emigra wara li spiċċa l-karriera politika tiegħu preċiżament fl-istess żmien. Dak iż-żmien kien perijodu mqalleb ta' l-istorja politika ta' pajjiżna, għalkemm hawn wieħed jista' jistaqsi meta l-istorja politika ta' pajjiżna ma kenitx imqallba.

Mill-bijografija li għandna ta' Dr. Frendo Azopardi jidher li huwa kellu esperjenza diversifikata u uża din l-esperjenza bl-aħjar mod li seta'. Ta' min jgħid ukoll li huwa mhux biss kien attiv fil-qasam politiku u laħaq quċċati kbar fil-ħidma politika tiegħu imma kien attiv ukoll fuq bażi sportiva. Fil-fatt biżżejjed ngħid li fl-1936 huwa pparteċipa fl-Olimpjadi ta' Berlin biex b'hekk kien sar wieħed mill-ewwel atleti Maltin li ħadu sehem f'logħob barra mill-pajjiż. Għalhekk huwa xieraq li dan il-Parlament jagħti ġieh lit-tifkira ta' Dr. Jackie Frendo Azopardi u jestendi l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu. Aħna lkoll nerġgħu nagħtu konferma mill-ġdid ta' kemm ix-xogħol li għamel hu u sħabu tal-ġenerazzjoni tiegħu matul is-snin nibqgħu ngħożżuh u nagħtuh ġieh fiż-żmien li ġej.

MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kamra tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u jien, min-naħa tiegħi, ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari ta' Dr. Jackie Frendo Azopardi.