Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Dr Lino Gauci Borda

Lura għal-Lista

Ktejjeb tal-Kommemorazzjoni

TIFKIRA TA’ LINO GAUCI BORDA FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA


8 TA’ DIĊEMBRU 1936 - 13 TA’ FRAR 2019

 

Dr Lino Gauci Borda

Ġurament ta' Lealtà


 MEMBRU TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI BEJN IL-25 TA’ SETTEMBRU 1976 U L-4 TA’ LULJU 1994

 

L-EWWEL DISKORS TA’ LINO GAUCI BORDA 

FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

 

ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 34 TAL-24 TA’ FRAR 1977 

L-EWWEL SESSJONI – IR-RABA’ LEĠIŻLATURA

ONOR. LINO GAUCI BORDA: Sur President, dan id-diskors li se nagħmel illum hu l-ewwel wieħed li qed nagħmel f’din il-Kamra tar-Rappreżentanti u nista’ nserraħ ras il-Membri kollha, kemm ta’ naħa u kemm tan-naħa l-oħra, li dan l-ewwel diskors tiegħi mhux se jkun wieħed twil u lanqas se jkun wieħed li, anke jekk ikun permissibbli, isiru ħafna rimarki minn naħa għall-oħra, allavolja meta wieħed jagħmel maiden speech f’din il-Kamra, tiġih it-tentazzjoni li jibda jitkellem u jibqa’ jitkellem għax jidher li meta wieħed jagħmel il-maiden speech biss jitħalla jitkellem bil-kwiet. Għalhekk, illum il-ġurnata jien qed inħossni b’vantaġġ f’idejja imma nassigura lill-Membri li m’iniex se nagħmel użu minn dan il-vantaġġ allavolja naf li f’maiden speech, tgħid xi tgħid, fl-aħħar kulħadd se jċapċaplek u, tgħid xi tgħid, ma jkunx hemm interruzzjonijiet. Però m’iniex se nagħmel użu minn dan il-vantaġġ li għandi llum, mhux illum biss, imma kull meta nitkellem. Nista’ nwiegħed minn issa lill-Membri taż-żewġ naħat li jekk .... jew aħjar kull meta nqum biex nitkellem f’din il-Kamra se nqum biex nagħmel xi suġġeriment, suġġeriment li dak il-mument ikun jidhirli li hu validu, jew inkella biex nagħmel kritika illi dak il-mument inkun naħseb li hi ġustifikata. Ilbieraħ kont qiegħed nisma’ lill-Ministru Abela jitkellem u fost kollox qal illi mhux sewwa li aħna l-Oppożizzjoni, dak kollu li jagħmel il-Gvern, nikkritikawh, dak kollu li jagħmel il-Gvern ngħidu li huwa ħażin. Bla dubju ta’ xejn jien naqbel ma’ dak id-diskors li qal il-Ministru Abela lbieraħ. Imma hu daqstant veru li mhux sewwa li kull meta xi ħadd min-naħa tal-Oppożizzjoni jqum biex jagħmel kritika, anke jekk dik il-kritika tkun f’waqtha, jiġi mgħajjar, jilqgħuh b’ħafna interruzzjonijiet u jiġi mgħajjar ukoll li qiegħed ixewwex lill-poplu.

Hemm bżonn Mr Speaker, li f’din il-Kamra jkun hemm aktar tolleranza għal xulxin, u hemm bżonn li jkun hemm aktar rispett lejn xulxin, u hemm bżonn li jkollna aktar fiduċja f’xulxin. Kuntenti u m’aħniex, irridu u ma rridux, il-Membri ta’ dik in-naħa qegħdin fil-maġġoranza, allura qegħdin fil-Gvern. Aħna ta’ din in-naħa qegħdin fil-minoranza, allura qegħdin fl-Oppożizzjoni. Imma ma nistgħux ninsew, Mr Speaker, illi t-tnejn flimkien, dik in-naħa u din in-naħa, nagħmlu l-Parlament. Ilkoll kemm aħna, aħna rappreżentanti tal-poplu u għandna dover, kemm jekk inkunu fin-naħa tal-Oppożizzjoni u kemm jekk inkunu fin-naħa tal-Gvern, x’naqdu lejn il-poplu, lejn dawk li tellgħuna biex nirrappreżentawhom. Mhux sewwa, Mr Speaker, li f’din il-Kamra nagħtu impressjoni lill-poplu illi ta’ din in-naħa u ta’ dik in-naħa qisna kelb u qattus. Mhux sewwa l-aktar meta hawn ġew isir ħafna ġlied u mbagħad noħorġu barra, immorru fil-bar, u ssib li Membri ta’ din u dik in-naħa jixorbu, jidħku u jieħdu b’idejn xulxin qisu qatt ma kien xejn .... (Interruzzjonijiet) S’issa, lil kulħadd rajt minbarra lil Dr Mifsud Bonnici u l-Onor. Cremona; il-bqija kważi lil kulħadd rajt jitkellem. (Interruzzjonijiet)

MR SPEAKER: Order.

ONOR. LINO GAUCI BORDA: Però li rrid ngħid jien hu li mhux sewwa li nagħtu l-impressjoni lill-poplu li aħna qisna kelb u qattus u mbagħad minn wara dahar il-poplu mmorru nixorbu flimkien. Hemm bżonn li l-poplu nuruh illi hawn qegħdin naħdmu flimkien għall-ġid tal-pajjiż. Jekk ma nagħmlux hekk, se nibqgħu bil-poplu maqsum min-nofs kif kien f’dawn l-aħħar ħames snin li għaddew. U bil-poplu maqsum, kif kien u kif sfortunatament għadu sal-lum, il-pajjiż żgur li ma jistax jimxi ’l quddiem. Kemm-il darba smajniha kemm ilna hawn ġew f’dawn il-ftit xhur li ilna hawn ġew, il-frażi: “’Il-quddiem fis-sliem”. Imma jien nistaqsi, kemm lil tan-naħa l-oħra u kemm lil ta’ din in-naħa: Min minna forsi ma jridx illi pajjiżna jimxi ’l quddiem? Tajjeb ukoll insaqsu: Min minna hawn ġew ma jridx illi f’pajjiżna jkun hawn is-sliem? Imma hemm bżonn li dan is-sliem fil-pajjiż ma jkunx sliem bil-kliem biss, imma jkun sliem bil-fatti.

Anzi f’dan l-ewwel diskors tiegħi, ippermettuli nagħmel suġġeriment lin-naħa l-oħra, li flok forsi jibdew jgħidu “’Il quddiem fis-sliem”, jibdew jgħidu “’Il quddiem flimkien fis-sliem”, imma mhux bil-kliem. (Onor. Membri: Hear, hear) Mr Speaker, aktar ma toqrob is-sena 1979, aktar hemm bżonn li din is-sena, meta tasal, issib il-poplu magħqud, mhux mifrud, mhux maqsum min-nofs; aktar hemm bżonn illi l-poplu jara lilna, kemm in-naħa tal-Oppożizzjoni u kemm in-naħa tal-Gvern, ninsew il-Partit u niftakru biss fil-pajjiż. Qed tissemma ħafna din is-sena 1979. Hemm nies li verament qegħdin jistennew din is-sena bil-ħerqa u ferħanin għax dalwaqt tasal. Imma mbagħad hemm ċertu numru ta’ nies, li forsi juru li huma ferħanin, imma fil-fond ta’ qalbhom għandhom ċertu biża’. U fl-aħħar nett hemm sezzjoni kbira tal-poplu li tħares lejn din is-sena b’ċertu biża’, biża’ mhux għaliha nnifisha, imma biża’ għal li jista’ jiġri lil pajjiża wara l-1979. Però kif diġà għidt, inħarsu kif inħarsu lejn din is-sena, hemm bżonn li din is-sena ssibna magħqudin flimkien. Hemm bżonn li din is-sena ssib lill-Oppożizzjoni magħquda mal-Gvern u l-Gvern magħqud mal-Oppożizzjoni. Hemm bżonn li tispiċċa dik id-distinzjoni esaġerata bejn il-Mintoffjani u Nazzjonalisti u Nazzjonalisti u Mintoffjani, għax wara kollox kemm in-Nazzjonalisti u kemm il-Mintoffjani huma kollha Maltin, u huma kollha flimkien li jagħmlu l-poplu Malti.

Però din l-għaqda hemm bżonn li tibda minn hawn ġew. Mhux sewwa, pereżempju, li tiġi hawn ġew u tara ċerti Membri jiġu bil-badge tal-partit fuq il-pavru. Jien ukoll, qabel l-elezzjoni kont nilbes il-badge tal-partit fuq il-pavru, imma hekk kif għaddiet l-elezzjoni u l-poplu għoġbu jagħżilni bien inkun rappreżentant tiegħu, jien ħassejtu d-dover tiegħi li din il-badge inneħħiha minn fuq il-pavru u niġi mingħajrha hawn ġew. Għax hemm bżonn ... (Interruzzjonijiet) Il-badge tal-partit tiegħi. Għax sal-elezzjoni aħna konna rappreżentanti tal-partit, imma mill-elezzjoni ’l hawn aħna m’għadniex rappreżentanti ta’ partit imma rappreżentanti ta’ pajjiż.

Fl-aħħar nett, Mr Speaker, hemm bżonn li jkollna aktar fiduċja fil-poplu. Lill-poplu Malti rridu nistmawh ta’ li hu, irridu nistmawh ta’ poplu żviluppat, ta’ poplu matur. Hemm bżonn li lill-poplu nuruh il-verità. Jekk xi ħaġa fil-pajjiż ma tkunx sejra tajjeb, hemm bżonn ngħidulu lill-poplu li din il-ħaġa mhix sejra tajjeb. Jekk hemm fabbrika li mhix timxi tajjeb daqskemm nixtiequha, hemm bżonn li lill-poplu nuruh il-fiduċja tagħna, u ngħidulu li dik il-fabbrika mhix sejra tajjeb. Mhux sewwa li llum ngħidulu “kemm sejra tajjeb, kemm qed tagħmel qligħ, kemm tħaddem nies”, u mbagħad ftit ġranet wara nsibu li din il-fabbrika falliet.

Jekk forsi t-turiżmu ma jkunx sejjer tajjeb daqs kemm nixtiquh, hemm bżonn li ngħidu, ikollna l-kuraġġ ngħidu, fejn sejjer ħażin, u x’irrdu nagħmlu biex dan jerġa’ jaqbad rotta li nixtiquh li jibqa’ fuqha. Hemm bżonn fiduċja fil-poplu Malti, hemm bżonn li lill-poplu dejjem ngħidulu, nuruh il-verità. Jekk nagħmlu dan, iżjed hemm ċans li l-poplu jirrispondi għaċ-challenge, iżjed hemm ċans li l-poplu Malti jagħmel sforz akbar, u mbagħad, imma “imbagħad” biss, Malta tkun tista’ timxi aktar ’il quddiem. Grazzi Mr Speaker. (Onor. Membri: Hear, hear)

 

 

Kondoljanzi (8 Diċ 1936 - 13 Fra 2019)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 201 tat-Tlettax-il Parlament tat-Tnejn 25 ta' Frar 2019

KONDOLJANZI

L-ISPEAKER (L-Onor. Anglu Farrugia): Ngħaddu għall-kondoljanzi fir-rigward tat-Tabib Lino Gauci Borda, li ħalliena fit-13 ta’ Frar 2019. Insellem lill-membri tal-familja, lill-mara, lit-tifla tiegħu u lir-raġel tat-tifla hawnhekk preżenti. Hawnhekk għandkom ukoll ktejjeb tal-ewwel diskors li għamel il-mibki Lino fis-seduta tal-24 ta’ Frar 1977. Insejjaħ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, biex jagħmel l-osservazzjoni tiegħu dwar il-kondoljanzi.

ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Nirringrazzjak. Sur President, u ningħaqad miegħek f’isem il-membri tal-Kamra u f’isem in-naħa tal-Gvern. Naf li l-Oppożizzjoni se jkunu qed jagħmlu r-replika wkoll.

Sur President, nagħti l-kondoljanzi lil Rosanne, il-mara tal-mibki Lino Gauci Borda, lit-tifla tiegħu Annabelle, lill-familjari l-oħra, ħbieb u l-ħafna parroċċjani tiegħu li kienu jafuh għal ħafna snin. Dr Lino Gauci Borda kellu żewġ professjonijiet u passjoni. Kellu żewġ professjonijiet għax kien iggradwa bħala tabib fl-1961. Għalkemm huwa kien minn Tas-Sliema, l-iktar li serva kien fi Fleur de Lys fejn kien joqgħod hu. Ta’ min jgħid li Fleur de Lys kien iħobb lit-Tabib Gauci Borda, u t-Tabib Gauci Borda kien iħobb lil Fleur de Lys. Tant huwa hekk li saħansitra kiteb fuljett fuq l-istorja ta’ Fleur de Lys. Huwa serva għal ħafna snin bħala tabib tal-familja, ħafna nies kienu grati lejh u baqgħu jafuhulu anke għall-kura mill-qalb li kien jagħti lill-familjari u lill-klienti tiegħu.

Però t-Tabib Lino Gauci Borda kellu wkoll il-professjoni ta’ politiku. Kien ikkontesta għall-ewwel darba l-elezzjonijiet ġenerali tal-1971 tela’ għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-1976 u għamel 18-il sena fil-Parlament bejn Settembru 1976 u Ġunju 1994 meta kien irriżenja minn membru parlamentari u irtira mill-ħajja pubblika. Matul iż-żmien tiegħu bħala deputat parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista, it-Tabib Lino Gauci Borda serva kemm meta l-Partit Nazzjonalista kien fl-Oppożizzjoni, imma mbagħad anke għal xi snin fil-Gvern. Matul dawn is-snin kollha kien attiv ħafna drabi f’din il-Kamra u kien magħruf għall-ħafna diskorsi li kien jagħmel. Kien jagħmel diskorsi anke bħala membru tal-kumitat eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth, jiġifieri kien attiv anke b’mod internazzjonali.

Maż-żewġ professjonijiet tiegħu, il-professjoni tat-tabib u dik ta’ membru parlamentari u ta’ politiku, it-Tabib Lino Gauci Borda kien ukoll appassjonat tal-karozzi antiki. Mhuwiex xi hobby żgħir li jogħġbuk il-karozzi antiki, imma t-Tabib Lino Gauci Borda dam President tal-għaqda tal-karozzi antiki kważi daqs kemm dam membru parlamentari. Kien President tal-Assoċċjazzjoni u tal-Klabb tal-karozzi antiki għal 16-il sena sħaħ. Kien ukoll strumentali biex sabilhom il-premises fil-Mosta minn fejn joperaw.

Ċertament, it-Tabib Lino Gauci Borda se jibqa’ magħruf u mfakkar mhux biss bħala tabib, mhux biss bħala politiku, mhux biss bħala appassjonat tal-karozzi antiki, imma fuq kollox bħala raġel, bħala gentleman li ma kien jirrifjuta għajnuna lil ħadd. Kien dejjem lest biex jgħin lil kulħadd huwa ta’ liema kulur politiku huwa, u fuq kollox bħala tabib kien jifhem il-problemi individwali ta’ kull persuna li kienet tkellmu.

Sur President, f’ismi, f’isem il-familja tiegħi, f’isem il-grupp parlamentari Laburista, u f’isem il-Gvern nixtieq ningħaqad mas-Sedja u ċertament mal-Oppożizzjoni biex inwassal il-kondoljanzi tiegħi lill-familjari u ħbieb tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Insejjaħ lill-Onor. David Agius, min-naħa tal-Oppożizzjoni.

ONOR. DAVID AGIUS: Nirringrazzjak. Sur President, kellu qalbu taz-zokkor u dejjem lest li jgħin lil dak li jkun. Kien anke jinkwieta għan-nies li ma jafhomx. Kien jgħidilna: Tgħid ngħidlu li għandu hekk u hekk? Għajnejh kienu veru ta’ tabib! Kien dejjem jgħid li jekk jerġa’ jitwieled, tabib jerġa’ jsir.

“Kull fejn kien ikun dejjem jiġu u jkellmuh in-nies. Il-papà kien jieħu veru pjaċir jitkellem ma’ dak li jkun. Ir-rispett lejh qatt ma naqas matul is-snin u n-nies baqgħu jħobbuh u jfaħħruh sal-aħħar! Ma nistgħaġibx, għax ma ried deni lil ħadd.”

Dan hu kliem it-tifla tat-Tabib Lino Gauci Borda, Annabelle, li qiegħda fostna llum ukoll u nsellmilha. Naħseb li dan il-kliem biss huwa biżżejjed biex jiddiskrivi lill-eks deputat Lino Gauci Borda. Naħseb li t-Tabib Lino Gauci Borda jibqa’ nfakkar bħala l-politiku tan-nies li ta kontribut siewi lejn il-politika f’Malta anke matul żminijiet li xi kultant ma kenux daqshekk faċli. Meta dan l-aħħar kiteb l-Avukat Tonio Borg, Eks Viċi Prim Ministru u Eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara t-telfa tat-Tabib Lino Gauci Borda qallu: Grazzi Lino. Hu kiteb dan il-kliem:

“Għalija Lino jibqa’ mudell ta’ kif wieħed jirrappreżenta lill-poplu, mingħajr storbju u ħafna għaġeb, iżda fil-kwiet u l-perseveranza. Ir-riżultati elettorali juru li l-poplu jaf jagħraf politiku tajjeb u jaf isostnieh kif sostna lil Lino.”

L-aħħar persuna li se nikwota huwa l-persuna li għamel l-omelija. Il-konċellebrant Dun Karm Busuttil qal hekk:

“Fl-Omelija tiegħu, il-konċelebrant ewlieni Dun Karm Busuttil qal li l-ħajja ssib il-milja tagħha meta l-ħajja tkun waħda ta’ servizz lill-oħrajn, bħall-ħajja ta’ Lino Gauci Borda, kemm fil-professjoni tiegħu bħala tabib tal-familja kif ukoll fil-ħajja pubblika bħala deputat.”

Nixtieq nikkwota wkoll mill-ktieb li permezz tiegħu aħna stess ġewwa l-Parlament qed infakkru lit-Tabib Lino Gauci Borda. Se nikkwota mill-ewwel diskors tiegħu, kważi 42 sena ilu, fl-24 ta’ Frar 1977. Isimgħu ftit id-diskors tiegħu, u forsi nistgħu nattribwih għal-lum ukoll:

“Hemm bżonn li l-poplu nuruh ili hawn qegħdin naħdmu flimkien għall-ġid tal-pajjiż. Jekk ma nagħmlux hekk, se nibqgħu bil-poplu maqsum min-nofs kif kien f’dawn l-aħħar ħames snin li għaddew. U bil-poplu maqsum, kif kien u kif sfortunatament għadu sal-lum, il-pajjiż żgur li ma jistax jimxi ’l quddiem.”

Dan 42 sena ilu! Sur President, naħseb li t-tabib u l-politiku Lino Gauci Borda tana ħafna tagħlimiet fil-kwiet tiegħu u bil-mod kif ħadem. Insellmulu, għaliex ovvjament ħadem mhux biss fil-Partit Nazzjonalista imma fil-pajjiż u barra mill-pajjiż, anke fl-Assoċċjazzjoni tal-Commonwealth.

Kif smajna wkoll mid-Deputat Prim Ministru, kellu affarijiet oħrajn għal qalbu, għaliex aħna l-politiċi mhux biss fil-politika, imma nieħdu pjaċir nagħmlu affarijiet oħra wkoll. Għal qalbu kellu l-Old Motors Club, bil-post il-ġdid ġewwa l-Mosta, li llum huwa president onorarju tiegħu. Kien iħobb il-football ukoll, kien iżomm mal-Manchester United, u qaluli wkoll li ma kienx jitlef logħba. Għalhekk insellimlu u niringrazzjah ta’ dak kollu li għamel għal pajjiżna u f’isem l-Oppożizzjoni u f’isem il-Partit Nazzjonalista nwassal il-kondoljanzi lill-familja u l-qraba ta’ Lino Gauci Borda l-istess kif għamliltu inti, Sur President, u d-Deputat Prim Ministru. Nirringrazzjak. (Onor. Membri: Hear, hear)

L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad man-naħa tal-Gvern kif ukoll man-naħa tal-Oppożizzjoni. Jien iltqajt miegħu reċentement meta kien qed jiġi rikoverat l-isptar. Dejjem kont konvint li kien persuna paċifika. Fil-fatt, anke meta taqra d-diskors li għamilt referenza għalih, Onor. Agius, issib li f’diskors qasir fi tliet okkażjonijiet jgħid li għandna nkunu aktar tolleranti lejn xulxin, jerġa’ jgħid li hemm bżonn li lill-poplu nuruh li aħna qegħdin magħqudin flimkien u jerġa’ jgħid li m’għandhiex issir distinzjoni bejn dawk li huma Mintoffjani u Nazzjonalisti għall-ġid tal-pajjiż.

Lino Gauci Borda kien bniedem paċifiku, kellu kuxjenza dejjem nadifa u dejjem mexa b’kuxjenza anke fid-doveri tiegħu. Għalhekk nerġa’ nsellem lill-membri tal-familja tiegħu u ningħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra biex nagħti l-kondoljanzi lilkom ukoll. (Onor. Membri: Hear, hear)

 

Electoral History

Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 25.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.12.1981
Ġurament tal-Ħatra: 29.03.1983
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987
Is-Sitt Leġiżlatura (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 13.05.1987
Ġurament tal-Ħatra: 09.07.1987
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992
Is-Seba' Leġiżlatura (1992 - 1996)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 22.02.1992
Ġurament tal-Ħatra: 04.04.1992
Ta r-rizenja tiegħu mill-Parliament: - 04.07.1994