Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Patrick Holland

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (27 Aww 1986)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 375 tal-Ħames Leġislatura tal-15 ta' Settembru 1986

Kondoljanzi

ONOR. JOSEPH CASSAR (Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet tal-Parlament): Mr Speaker, kif taf il-Kamra fil-ferie ta' dan il-Parlament, fis-summer recess u proprju fis-27 ta' Awissu miet Membru anzjan ħafna ta' din il-Kamra, l-Onor. Patrick Holland. Minn żmien bikri ħafna f'ħajtu l-Onor. Patrick Holland kien figura importanti ħafna u attivissima fil-Partit Soċjalista. Huwa okkupa diversi karigi importanti fil-Partit, fosthom dik bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit għal sentejn. Meta kien żgħażugħ, okkupa wkoll postijiet importanti ħafna f'organizzazzjonijiet tal-Partit bħalma hija llum l-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti, li allura kienet magħrufa bħala l-Labour League of Youth u kien President tagħha għal tmien snin. Kien ukoll Teżorier tal-Partit. Kellu diversi karigi oħra bħalma huma l-Kumitat tal-Partit tal-Belt u l-każin tiegħu fejn Patrick Holland kien President għal diversi snin ta' dak il-Kumitat. Barra minn dawn il-karigi li semmejt, Patrick Holland kien figura attivissima, figura li kienet tidħol intimament fl-organizzazzjoni u fl-attivitajiet tal-Partit Soċjalista. Dan deher anke fil-funeral tiegħu li apparti l-uffiċjali li wieħed stenna li jkun hemm għal Membru hekk prominenti ta' dan il-Parlament kien hemm ukoll -u dak li laqatni ħafna u li lili impressjonani - dik li ngħidulha l-folla, il-massa li jien rajt mhux mid-distrett tiegħu, mhux min-naħa ta' fejn hu kien naturalment għax forsi għamel xi favuri bħala Membru rappreżentant ta' dik il-kostitwenza, mhux kellu membri tal-Partit imma anke oħrajn illi mhumiex membri tal-Partit li fil-funeral tiegħu infexxew f'ċapċip sinċier ta' spontanjeta' meta l-kadavru tiegħu ħareġ mill-Knisja tal-Karmnu ta' San Ġiljan fejn sarlu l-funeral. Dan għar-rigward il-parti - għidt fil-qosor ħafna - ta' Patrick Holland f'dik li hija attivita' fil-Partit Soċjalista li huwa kien igħożż, li hu ħadem, li hu sofra għalih ukoll. Tant hu hekk li fl-1958 huwa kien weħel il-ħabs għal 13-il ġurnata u peress li f'dawk il-ġranet kienu qed isiru l-eżamijiet ta' l-Universita' fil-Kors tal-Liġi huwa kellu anke jagħmel l-eżami ta' wieħed mis-suġġetti tal-kors tal-ħabs.

Jien kelli l-unur li niddefendi lil Patrick Holland u lil sħabu, li kienu tlieta oħra miegħu - wieħed minnhom illum mejjet - f'dik il-kawża, li naturalment għamilna l-almu tagħna, għamilna l-ħila tagħna kollha u ddefendejna bl-abbilta' kollha. Pero' l-liġi kienet, illi anke jekk tagħtas jistgħu jġibuk li b'dik l-għatsa tista' tikser il-buon ordni u malajr issib ruħek, kif sabu ħafna oħrajn flimkien miegħu, il-ħabs f'dawk iż-żmenijiet hekk koroh għall-Partit fejn id-demokrazija kienet ħafna ħafna 'l bogħod mix-xtajtiet tagħna, mill-gżira tagħna.

Apparti l-karigi li għidt li Patrick Holland okkupa fil-Partit Soċjalista, huwa wkoll okkupa diversi pożizzjonijiet importanti anke fil-Gvern Laburista. Fl-1971 Patrick Holland kien ġie nominat Segretarju Parlamentari taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja u tad-Djar, u tliet snin wara fl-1974 huwa ġie elevat għall-post ta' Ministru tad-Djar u Artijiet. Aktar tard, Patrick Holland ħalla dik il-kariga, u ġie avdat lilu l-Ministeru tal-Kummerċ. Aktar tard ukoll, fl-1978 ġie mogħti lulu l-inkarigu ta' Ministru ta' l-Investimenti Parastatali u tal-Poplu.

Patrick Holland f'dawn l-okkupazzjonijiet dejjem kien ġab ruħu u bniedem kapaċi, bniedem assidwu, bniedem li kien verament jaħdem minn qalbu u b'ċerta kapaċita'. Naturalment, bħalma fid-dinja kulħadd ikollu l-inkwiet tiegħu, bħalma kulħadd ikollu s-slaleb tiegħu, Patrick Holland sofra wkoll personalment. Hu sofra ħafna minħabba saħħtu, imma b'danakollu kien xempju ta' determinazzjoni, ta' kuraġġ, ta' bniedem ma jaqta' qalbu minn xejn. Proprju din kienet il-kwalifika li hija ħafna rari u ħafna diffiċli fil-bniedem, speċjalment taħt iċ-ċirkostanzi li kien qiegħed igħix - ċirkostanzi fiżiċi - Patrick Holland. Din hija ħaġa rarissima, imma din kienet waħda li tiddistingwi lil Patrick Holland - u ddistingwietu ferm - proprju fi żmenijiet l-aktar koroh ta' ħajtu. U kienet din ix-xintilla, din

il-fjamma li kellu ġo fih, dan il-kuraġġ li kellu ġo fih li żammitu ħaj kuntrarjament għall-pariri ta' l-aqwa esperti meta kienu jagħtuh ftit ġranet ħajja, u dan bil-kuraġġ kollu tiegħu, bid-determinazzjoni tiegħu kollha, irnexxielu li jtawwal u jtawwal ħajtu sakemm miet. Dan li qed ngħid jien, illi tawwal ħajtu mill-inqas mill-inqas sitt snin sħaħ, kontra l-pariri, kontra l-opinjonijiet ta' kif għidt jien, ta' esperti anke internazzjonali.

Mr Speaker, Patrick Holland ħalla jibku lil martu Rose u lill-bintu ċkejkna Helena. Dwn għalihom hija telfa kbira speċjalment, għat-tifla illi fl-eta' tagħha, fiċ-ċokon tagħha għadha fil-bidu tal-ħajja. Ħalla wkoll jibku lil ħutu bniet u subien. Ir-rispett li kellhom diversi nies lejh, jien ċert illi jibqa' trasmess, jibqa' muri lejn il-familja tiegħu speċjalment lejn martu u lejn bintu.

Mr Speaker, jekk kemm-il darba il-mewt ta' Patrick Holland kienet telfa kbira, kif għidt, għall-familja tiegħu, kienet ukoll telfa kbira għall-Partit Soċjalista li għalih kien jippartjeni, u anke għal dan il-Parlament. Għalkemm Patrick Holland f'dan l-aħħar żmenijiet ma kienx jista' jikkontribwixxi minħabba saħħtu, li kienet ħażina ħafna u ma kenitx tippermettilu, pero' kien jagħmilha bħala parti mid-dover tiegħu li lili, bħala Leader of the House kull meta ma kienx jista' jattendi minħabba saħħtu, dejjem, mingħajr l-ebda eċċezzjoni kien jinformani, u kien igħidli illi jekk kemm-il darba jkun hemm bżonnu għal xi raġuni jew oħra ta' xi voti, ta' xi division, dejjem kien igħidli: "Qiegħed id-dar, ejjew għalija u jien niġi". Anke kultant kien ikun kważi mejjet, kważi mejjet. Dan huwa Mr Speaker, Patrick Holland illi kif għidt jien, okkupa dawn il-postijiet kemm fil-Partit Soċjalista, kemm fil-Gvern u kemm f'dan il-Parlament li jien ngħid illi bil-mewt tiegħu mhux lill-familja tiegħu biss ħalla telfa kbira imma anke għan-nazzjon.

Għalhekk, Mr Speaker, wara li għidt dan kollu jiena nixtieq illi l-ewwelnett is-Sinjorija Tiegħek twassal il-kondoljanzi tagħna lil martu u lill-bintu u lill-familja tiegħu, jiġifieri ħutu bniet u subien u jesprimilhom il-kondoljanzi sinċieri tagħna. Ukoll bħala sinjal ta' rispett lejn il-mejjet Dr Patrick Holland li kien ilu Membru ta' din il-Kamra interrottament mill-1962, kważi 25 sena, jiena nipproponi li s-Seduta ta' llum tiġi aġġornata għal għada bl-istess agenda.

MR SPEAKER: Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

ONOR. EDWARD FENECH ADAMI: Mr Speaker, nixtieq nissekonda din il-mozzjoni li għadu kif għamel il-Minsitru Cassar u nassoċja ruħi wkoll mal-kliem u mal-messaġġ ta' kondoljanzi li f'ismi u f'isem din in-naħa tal-Kamra nixtiequ aħna wkoll nibagħtu lill-familjari ta' Patrick Holland, partikolarment lil martu u lil bintu.

Jiena lil Patrick sirt nafu meta dħalna flimkien l-Universita', fl-1951, l-istess eta' kważi preċiż - infatti l-birthday tiegħu kien fil-5 ta' Frar, tiegħi hu fis-7 ta' Frar - għixna seba' snin l-Universita' fejn sirna nafu lil xulxin sew mill-qrib, u m'hemmx dubbju, kif qal il-Ministru, kienet karatteristika tal-karattru ta' Patrick, l-assidwita', kif jintefa' għal xi ħaġa u jagħmilha bl-enerġija kollha tiegħu. Huwa dmir tagħna li aħna nqimu lil kull min b'xi mod allavolja bid-differenzi kollha politiċi li jista' jkun hemm, jagħti s-servizz tiegħu għal dan il-pajjiż.

Għalhekk, kif għidt, diġa', Mr Speaker, nixtieq li s-Sinjorija Tiegħek f'isimna wkoll tibgħat il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu u li l-Kamra taġġorna. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Jiena bħala l-Ispeaker ta' din il-Kamra nixtieq nassoċja ruħi ma' dak li ntqal f'din il-Kamra dwar Patrick Holland. Ftit hemm lok x'inżid partikolarment ma' dak li qal il-Ministru Cassar l-għaliex dak kollu li qal jien kont ukoll nafu bħalma jafuh sħabi l-oħra ta' dan il-Parlament partikolarment tan-naħa tal-Gvern u tal-Partit. M'hemmx kważi x'inżid, ħlief li ngħid li jiena bħalkom kelli l-isfortuna nitlef ħabib li kont ilni nafu minn meta kien għadu jistudja l-Universita', attiv mill-bidu sa l-aħħar minuta, nista' ngħid, li miet. Naturalment, sejjer nitlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi tal-Kamra lill-familja Holland.

Il-Kamra taqbel illi naġġornaw issa? (Onor. Membri: Iva)

Il-mozzjoni għaddiet nem. con.

 

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Karigi
Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Bini Pubbliku u Xogħol - 28.08.1971
Ministru tad-Djar u Artijiet - 01.10.1974
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 24.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Karigi
Ministru tal-Kummerċ - 24.09.1976
Waqqaf: 17.10.1978
Ministru tal-Kummerċ, Industrija u Industriji Parastatali u tal-Poplu - 17.10.1978
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.12.1981
Ġurament tal-Ħatra: 18.05.1982
- 27.08.1986
Karigi
Ministru tal-Investimenti Parastatali u tal-Poplu - 19.12.1981
Waqqaf: 27.08.1986