Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Dr Albert V Hyzler

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (26 Ott 1993)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 186 tas-Seba' Parlament tas-26 ta' Ottubru 1993

KONDOLJANZI

ONOR. GUIDO DE MARCO (Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin): Sur President, illum b'dispjaċir kbir ngħid li tlift ħabib kbir tiegħi, il-Moviment Laburista tilef bniedem li ċertament kien iddedika ruħu ħafna għalih u l-Parlament tilef bniedem li ta servizz ta' kważi 24 sena. Dan il-bniedem huwa Dr Albert Hyzler, bniedem simpatiku u ta' kuraġġ kbir, bniedem li dak li jagħmel kien jagħmlu b'dedikazzjoni. Jien nista' ngħid li ili naf lil Albert għal ħafna snin u minn dejjem kien bniedem apert, dak li jrid jgħidlek jgħidhulek f'wiċċek mingħajr ebda ċerimonji, pero' kont tkun taf li Albert għandu qalbu tajba u li għandek ħabib minnu, huma x'inhuma ċ-ċirkostanzi. Proprju fil-bidu ta' Ottubru li għadda kien hemm intervista miegħu f'ġurnal hawn Malta. Kienet intervista li tixhed il-karattru ta' Albert, bniedem li jkun l-ewwel wieħed li jidħol fi kwestjoni biex jagħti l-opinjoni tiegħu, jgħidlek kif iħossha u bla inibizzjonijiet ta' xejn jipprova jgħaqqad fejn hemm il-firda u jsib linja ta' transazzjoni anke f'ċirkostanzi diffiċli. Kien bniedem li fil-Parlament kien rinomat għall-istil tiegħu għax kien jaf jiċċajta meta jidhirlu li hemm tensjoni kbira fil-Kamra. Ma nistax ninsa ħafna inċidenti li kien ikollna hawnhekk - għax kultant il-Kamra bħall-Mediterran, filli nkunu kalmi filli f'daqqa waħda tinqala' buffura enormi - imbagħad jiġi Albert, bl-istil inimitabbli tiegħu, u b'ċajta f'daqqa waħda jerġa' jġib is-serenita' fil-Kamra. Dawn huma tip ta' nies li jien ma ninsihom qatt f'ħajti u nixtieq li lil Albert lanqas il-poplu Malti ma jinsih.

Fil-memorja ż-żmien jgħaddi malajr u l-bniedem jinsa malajr ħafna. F'ħafna affarijiet huwa tajjeb li wieħed jinsa malajr - għax affarijiet li mhux tajjeb li wieħed jiftakarhom huwa tajjeb li wieħed jinsihom malajr - pero' servizz ta' 24 sena f'dan il-Parlament, fi żmenijiet li ċertament mhux dejjem kienu l-aħjar żmenijiet, anke għad-demokrazija f'Malta f'kontesti differenti tal-ħajja, fejn l-affarijiet ma kenux faċli, huwa tajjeb li wieħed jibqa' jiftakru. Albert Hyzler kien Ministru tas-Saħħa, Ministru tas-Servizzi Soċjali, Ministru tal-Posta, Ministru għall-Iżvilupp u għamel żmien ukoll bħala Aġent-President ta' Malta. Dawn huma kollha tappi differenti mill-ħajja ta' bniedem simpatiku u ta' bniedem battagliero. Jien naħseb li mhux kulħadd hawnhekk għadu jiftakru biżżejjed imma kien bniedem battagliero. GĦalih il-gost tal-battalja kien parti mill-ġenerożita' tiegħu anke, per eżempju, fil-mod kif kien jittratta lill kull naħa tal-Kamra. Meta konna qegħdin niddiskutu l-Mental Health Act li hu kien qiegħed jippilota fil-Parlament, jiena kont fl-Oppożizzjoni u peress li mil-lat legali tiegħu dan is-suġġett jinteressani ħafna, u naturalment kont ħadt parti attiva fih fid-dibattitu dwar dik il-liġi. U Albert Hyzler qalli: "Guido, ejja sad-dar ħalli noqogħdu nitkellmu ftit fuq il-Mental Health Act ħalli naraw kif se nagħmluha aħjar flimkien.". Intom tafu li f'din il-materja hemm ħafna aspetti bħall-eċċezzjoni tad-demenza u x'inhi s-sitwazzjoni li wieħed jista' joħroġ minnha ċerti affarijiet ... Jiena nista' ngħid li meta mort id-dar ta' Albert Hyzler fi Pjazza Indipendenza hawnhekk, rajt il-bniedem apert li Albert Hyzler kien jaf ikun ma' kulħadd.

Naturalment, Sur President ngħaddi l-kondoljanzi għan-nom tal-Kamra lill-mara tiegħu, is-Sinjura Hyzler, li Albert Hyzler kien emotivamet unit ħafna magħha, lill-familja Hyzler u lill-kollega tagħna George Hyzler, lill-ħbieb tiegħu kollha f'din il-Kamra u lil tant u tant nies li f'tant elezzjonijiet ivvotaw għalih għaliex raw fih bniedem ġentlom, bniedem battagliero u bniedem li kien jagħmel ħiltu kollha biex, dejjem skond il-fehmiet tiegħu - u ħadd m'għandu dritt jiġġudika l-fehmiet ta' dan il-bniedem li mexa fuqhom fl-iktar sens ta' rieda tajba - .... GĦalhekk wieħed iqim ħafna l-memorja tiegħu, memorja ta' parlamentari li ħabb ħafna lil dan il-Parlament u ħabb ħafna lil Malta tiegħu u Malta tagħna.

MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.

ONOR. ALFRED SANT: Għalkemm naħseb, Sur President, li jien wieħed fost l-anqas f'dan il-Parlament li kont naf personalment lil Bertu Hyzler, f'dan l-aħħar xahar jew ftit ġimgħat, forsi jien l-aħħar wieħed li tkellimt miegħu fit-tul fi tliet konverżazzjonijiet twal, tnejn minnhom fl-isptar u waħda minnhom fid-dar tiegħu. Nista' ngħid li għalkemm kien mgħakkes bil-marda li ħakmitu, moħħu kien għadu hemm u kien għadu moħħ luċidu li jista' jwassal il-messaġġ ta' bniedem politiku li għex ħajtu fil-qalba ta' ġrajjiet li seħħew f'pajjiżna u kien għadu qiegħed hemm fil-ġenerożita' ta' bniedem li l-politika għalih kienet impenn mill-bidu sa l-aħħar. Jien kelli l-okkażjoni nisma' mingħandu ċerti episodji tal-ħajja politika tiegħu, bħal meta kien fid-DAP, bħal meta daħal fil-Partit ta' Boffa biex iwassal lil dak il-Partit ħalli jkun parti integrali mill-Partit Laburista u meta sab li dan mhux se jiġri allura ħa pożizzjoni personali differenti bil-konsegwenza li l-ispejjeż personali li ħallas għal dan ma kenux żgħar. Hawn qed nirreferi għas-snin ħamsin, sittin u sebgħin. Kull diskors li għamel Bertu Hyzler, anke fl-aħħar ġranet ta' ħajtu, kien xiehda ta' bniedem li f'dak li jagħmel l-impenn tiegħu kien wieħed personali, sinċier u onest. Veru li kien bniedem magħruf għall-fatt li kultant kien żbozz, imma b'dik l-iżbozzaġni tiegħu dejjem kien bniedem li taf li qiegħed miegħek mija fil-mija, u jekk ikun kontra tiegħek, dan ikun fuq prinċipju u mhux fuq personalita'.

Per eżempju, kien sabiħ ħafna l-inċident li rrakkontali ta' meta kien se jiġi ċensurat mill-Partit ta' Boffa wara li ddeċieda li jieħu ċertu pożizzjoni vis-a-vis il-Partit Laburisa bejn l-1951 u l-1952. Meta kienu qed jiddeċiedu jiċċensurawhx jew le, stedinhom id-dar tiegħu ħalli jiddiskutu dik il-kwestjoni u mbagħad wara li ċċensurawh stedinhom biex jieklu għandu. Dak kien il-mod kif Bertu Hyzler kien jikkonċepixxi l-politika, li għalkemm tiġġieled fuq il-konċetti u l-prinċipji, fuq livell ta' bniedem ma' bniedem tibqa' Malti. Din hija xi ħaġa li nixtieq nenfasizza għax mit-tliet konverżazzjonijiet twal li kelli dan l-aħħar ma' Bertu Hyzler - u kont qed nistenna li se jkolli aktar, għax tassew ħadt gost nitkellem miegħu u nisma' l-impressjonijiet, il-memorji u l-analiżi tiegħu - l-iktar ħaġa li baqgħet f'moħħi kienet l-impressjoni ta' bniedem li fil-politika kien bniedem u ma kienx xi ħadd li sempliċement jiġġieled biex ikun iġġieled jew ikun ħabib biex ikun ħabib , imma li kien qiegħed hemm biex ikun bniedem għall-bnedmin ta' madwaru.

Matul dawn l-aħħar snin waslitli wkoll informazzjoni li Dr Hyzler, b'mod mhux daqstant magħruf, kien wieħed mill-aktar nies li stinkaw fil-politika sabiex hawn Malta ngħinu lil klassi ta' nies li llum m'għadhiex daqshekk numeruża, lil-lebbrużi. Meta kien Ministru fis-snin ħamsin għamel minn kollox biex il-marda tal-lebbra niffaċċjawha u neqirduha, u lil dawk li li kienu lebbrużi nagħtuhom l-għajnuna li kellhom bżonn. Xi wħud minnhom sal-lum għadhom jiftakru u għadhom jgħidu: Dik kienet l-għajnuna li tana Bertu Hyzler. Qed jgħiduli li kien jaħdem ħafna wkoll għal dawk morda bit-tuberkulożi, imma jien l-iktar li niftakar hija l-ħidma tiegħu biex jgħin lil-lebbrużi.

Sur President, Bertu Hyzler kien magħruf ukoll għal xi ħaġa li forsi f'dawn iż-żmenijiet qed issir inqas importanti fil-politika, u din kienet il-mod kif kien jitkellem fil-mass meetings. Hawn nies, partikolarment Laburisti anzjani, li kienu jmorru għall-meetings fejn kien jitkellem Bertu Hyzler, għax kellu dak l-istil ta' xi ħadd li qed jitkellem b'qalbu kollha, b'saħħtu kollha u bir-retorika kollha, imma fl-istess ħin b'mod li jipprova jikkommunika man-nies b'mod ħaj. Jiena kont staqsejtu kif kien jagħmel u hu qalli ċar u tond li kien jitkellem skond kif kien iħoss u jaħseb li għandu jitkellem dak il-ħin. GĦalija dik ukoll kienet xi ħaġa li tfisser ħafna għax, fl-opinjoni tiegħi, anke fl-aħħar snin ta' ħajtu - meta forsi kien intesa xi ftit u ma kienx għadu jidher daqstant fix-xena politika - il-politika għalih kienet xi ħaġa fejn mhux neċessarjament trid toqgħod tippjana fit-tul, imma dak li tħoss li hu tajjeb għandek tanalizzah u tgħidu.

Ma nistax ma nfakkarx dak li kien ġara fl-1958 wara l-avvenimenti tat-28 ta' April, meta Bertu Huzler sab ruħu akkużat u mpoġġi taħt ċerti ċrikostanzi fejn deher ċar li kien qed isir vittma ta' ċerti affarijiet, u spiċċa wkoll il-ħabs. Fil-fatt hemmhekk anke meta kien marid tellgħuh biex jiġi investigat b'mod li deher ċar li kienu qed jużaw bħala eżempju ta' ripressjoni. Tard bil-lejl tat-Tnejn, 19 ta' Mejju, 1958, kienet ħarġet stqarrija mill-Gvern Kolonjali li qalet li tħabbar li s-Sinjorina Agatha Barbara u t-Tabib Bertu Hyzler kienu arrestati u akkużati b'intimidazzjoni skond it-Trade Unions and Trade Disputes Ordinance ta' l-1945. Dak il-ħin stess, allavolja kellu marda qawwija fuqu, tellgħuh għall-investigazzjoni - liebes coat twil għax minkejja li kien Mejju, kif għidt, kien marid u kellu deni qawwi - u l-Ingliżi żammewh jistenna f'sala vojta u kiesħa għal ħames sigħat jew sitt sigħat sakemm ikunu jistgħu jinterrogawh. Huwa dam żmien twil għaddej minn dan it-tip ta' interrogatorju sakemm tellgħuh il-qorti, u għalkemm f'dawn l-aħħar tliet ġimgħat jew erbgħa kien jista' jidħak fuq dik l-esperjenza - li mbagħad wasslitu biex jgħaddi ċertu ammont ta' ġimgħat fil-ħabs, fejn kien jorganizza teams tal-football flimkien ma' sħabu l-ħabsin biex ikunu jistgħu jderru - dak iż-żmien kellu ċar f'moħħu li dik kienet esperjenza unika fil-politika Maltija fejn hu kien qed jiġi intimidat - fil-fehma ta' l-Ingliżi - b'mod li jkun jista' jservi bħala eżempju għal ħaddieħor. Minkejja li għadda minn din l-esperjenza kollha fiż- żmien kolonjali u anke wara, u minkejja l-partiti li biddel - per eżempju mill-Partit tal-DAP qaleb għal mal-Partit ta' Boffa u mbagħad mal-Partit Laburista, u dan dejjem għamlu fil-kontest ta' xi ħadd li kellu impenn lejn il-politika favur in-nies tax-xogħol - baqa' bniedem li fih tista' tara mpenn wieħed, impenn favur dawk li huma minn taħt, per eżempju l-lebbrużi, dawk morda bit-tuberkulożi u l-klassi tal-ħaddiema li dejjem kien solidali magħhom, anke meta kien fid-DAP.

Għalhekk m'għandix x'ngħid aktar ħlief li nirringrazzja lil Bertu Hyzler tal-kontribut qawwi li ta favur in-nies tax-xogħol f'pajjiżna u favur il-Partit Laburista. Filwaqt li nsellimlu, ngħid li huwa bniedem li jistħoqqlu kull unur f'dan il-pajjiż u nagħti l-kondoljanzi u s-simpatija tiegħi lis-sinjura tiegħu u 'l-familja kollha tiegħu. Min-naħa tagħna, l-impenn li nibqgħu nirrispettawh, nonorawh u nfakkruh, qiegħed hemm u jibqa' hemm.

MR SPEAKER: Nirringrazzjakom. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u tinkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal dawn is-sentimenti lill-familja ta' Dr Hyzler.

L-Onor. George Hyzler.

ONOR. GEORGE HYZLER: Sur President, għan-nom tal-mara tiegħu, l-armla Mrs Mary Rose Hyzler, għan-nom tal-familja Hyzler u f'ismi nixtieq nirringrazzja lilek, Sur President, lill-Onor. Guido De Marco, il-Leader of the House, u lill-Onor. Alfred Sant għall-kondoljanzi u l-kliem sbieħ li għidtu fuqu. Nirringrazzjakom.

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Karigi
Ministru tal-Iżvilupp - 21.06.1971
Waqqaf: 31.08.1974
Ministru tas-Saħħa - 01.10.1974
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976