Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Dr John Micallef

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (6 Ott 2003)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 43 tal-Għaxar Parlament tal-Erbgħa, 15 ta' Ottubru, 2003


KONDOLJANZI

 

ONOR. LAWRENCE GONZI (Aġent Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali): Mr Speaker, fis-6 t’Ottubru tħabbret il-mewt ta’ Dr. John Micallef li kien jgħix ġo Vancouver fil-British Columbia ġewwa l-Kanada. Dr. John Micallef kien membru ta’ l-assemblea leġislattiva Maltija bejn l-1955 u l-1959 u kien ġie elett fit-tmien distrett ta’ dak iż-żmien, li kien jinkludi lil Għawdex. Fil-fatt ta' min jgħid li huwa kien twieled Għawdex minn familja Għawdxija. Eventwalment, wara li Dr. Micallef kien ta l-kontribut tiegħu fl-assemblea leġislattiva Maltija f’perijodu ta’ żmien ta’ importanza, anke għall-iżvilupp storiku u kostituzzjonali ta’ pajjiżna, dan kien emigra u stabbilixxa ruħu ġewwa l-Kanada.

Minn dak li qrajt fuqu - għaliex irrid nammetti li ma kontx nafu - u minn dak li qaluli anke l-membri tal-familja tiegħu, dan kien studjuż ħafna u kien professur tal-filosofija għall-parti kbira ta’ ħajtu, anke wara li emigra minn Malta. Dan ħalla warajh lill-mara tiegħu Marija, lil ħutu, lis-sitt itfal tiegħu u lin-neputijiet tiegħu. Din in-naħa tal-Kamra tixtieq tesprimi s-sobgħa tagħna f’din l-okkażjoni u twassal il-kondoljanzi tagħha lill-familja kollha ta’ Dr. Micallef.

MR SPEAKER: Grazzi. L-Onor. Mangion.

ONOR. CHARLES MANGION: Mr Speaker, jien ningħaqad ma’ l-Onor. Gonzi u f’isem l-oppożizzjoni nagħti l-kondoljanzi lill-familjari ta’ Dr. John Micallef, li għalkemm aħna ma niftakruhx hawnhekk, nagħrfu li kull persuna li ġiet qabilna u tat kontribut għall-iżvilupp politiku ta’ dan il-pajjiż ħaqqha l-apprezzament tal-ħidma u l-kontribut li tkun tat.

MR SPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u titlob lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Dr. John Micallef.