Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Dr John Muscat

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (4 Set 1992)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 49 tas-Seba' Parlament tat-Tnejn 28 ta' Settembru 1992

KONDOLJANZI

ONOR. UGO MIFSUD BONNICI (Aġent Prim Ministru): Sur President, waqt li konna fil-vakanzi ġrat il-mewt tat-tabib John Muscat li kien tela' bħala deputat għall-ewwel darba fl-1955. Dr Muscat mhux biss ikkontribwixxa f'din il-Kamra għal ħafna żmien imma kkontribwixxa wkoll f'uliedu - wieħed il-mibki Dr Pierre Muscat li għamel żmien f'din il-Kamra u kien ukoll Segretarju Parlamentari u l- ieħor l-Onor. Claude Muscat.

Dr Muscat kien bniedem li dejjem qeda dmiru b'attenzjoni kbira kemm bħala tabib fil- kostitwenza tiegħu kif ukoll bħala Membru Parlamentari u kien wieħed minn ta' l-ewwel li kien jiġi għas-seduta anke meta kien marid. Sa ftit ilu jiena niftakru tiela' t-taraġ igħidli li qalbu ma tantx kienet tgħinu u madanakollu xorta kien wieħed minn ta' l-ewwel li kien jattendi.

Huwa kien jagħmel dmiru b'attenzjoni kbira f'diversi leġislaturi, sew meta l-partit tiegħu kien fil-gvern, kif ukoll meta kien fl- oppożizzjoni, permezz ta' domandi, interventi, aġġornamenti u suġġerimenti ġenerali oħra. Anke fil-partit li kien jappartjeni għalih kellu kontribuzzjoni x'jagħti, billi jagħti s-suġġerimenti tiegħu filwaqt li kien dejjem ġentlom ma' sħabu kollha. Naħseb li l-Membri kollha ta' din il-Kamra li jiftakruh hawn ġew jafu b'liema ġentlomerija kien jimxi fil-politika. Kien bniedem li jagħti eżempju lil kulħadd u naħseb li l-pajjiż kollu ddispjaċih għat-telfa tiegħu. Jiddispjaċini li ma kontx hawn Malta biex inkun nista' nattendi għall-funeral tiegħu.

Jien se nibqa' niftakar fih bħala bniedem li l-politika għamel minnha mhux biss karriera u vokazzjoni sabiħa imma kien ta' eżempju għal ħutu l-bnedmin. J'Alla fil-politika jkollna nies ta' l-istess kalibru u li jagħtu eżempju tajjeb bħall-Onor. John Muscat. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER (Onor. Lawrence Gonzi): Grazzi. L-Onor. George Vella.

ONOR. GEORGE VELLA: Sur President, jien xtaqt nikkondividi ma' l-Aġent Prim Ministru l-kliem sabiħ u ta' tifħir fuq l-Onor. John Muscat. Jien personalment qed ngħaddi dawn il-kondoljanzi f'isem il-Kap ta' l- Oppożizzjoni, f'ismi u f'isem sħabi kollha.

Jien nista' ngħid illi lill- Onor. John Muscat ma nafux daqshekk personali, pero' niftakar id-dehra ta' sodisfazzjon fuq wiċċu meta f'Jannar ta' l-1978, jien flimkien mal-mibki seħibna Pierre Muscat, ġejna co-opted fil-Parlament. Hu ukoll kien Membru ta' din il-Kamra u għalkemm ma nafux smajt ħafna fuqu u fuq il-mod kif kien jagħti sehemu għall-pazjenti u l-kostitwenti tiegħu. Jien dejjem niftakar id-dehra sobria tiegħu u anke l-mod dinjituż kif dejjem ġab ruħu f'din il- Kamra.

Jien nixtieq li għan-nom ta' sħabi kollha, permezz tiegħek u anke permezz ta' seħibina l- Onor. Claude Muscat, nagħtu l- kondoljanzi tagħna lill-familja tiegħu għalkemm dawn bl-ebda mod m'huma se jnaqqsu mit-telfa ta' missier, tabib tajjeb u politiku onest u sinċier. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Nirringrazzjak. Is-Sedja tassoċja ruħha mas- sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u tinkariga lill-Iskrivan tal-Kamra sabiex iwassal dawn il-kondoljanzi lill-familjari ta' Dr John Muscat.

MR SPEAKER: L-Onor. Muscat.

ONOR. CLAUDE MUSCAT: Jien nirringrazzja lilek, Mr Speaker, lill-Gvern u lill- Membri ta' l-Oppożizzjoni tal- kondoljanzi u l-ġieh li għoġobkom tagħtu lil missieri. Grazzi.

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 25.09.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.12.1981
Ġurament tal-Ħatra: 29.03.1983
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987
Is-Sitt Leġiżlatura (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 27.04.1990
Ġurament tal-Ħatra: 30.04.1990
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992