Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Mr Pierre Muscat

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (17 Apr 1990)

Estratt mis-Seduta Parlamentati Nru 367 tat-30 ta' April 1990

KONDOLJANZI

ONOR. GUIDO DE MARCO (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Intern u Ġustizzja): Sur President, huwa b'kommozzjoni kbira illi llum qegħdin niltaqgħu hawnhekk biex nitkellmu dwar il-kollega tagħna Pierre. L-għada ta' l- Għid ġriet l-aħbar ma' Malta kollha li Pierre Muscat kien ħalliena. Għal diversi minna dan il-fatt ma kienx fatt daqshekk mhux mistenni għaliex proprju l-Ħadd fil-għaxija ħafna minna konna qegħdin miegħu. Dħalna ħdejh, kellim¬nieh u huwa kien qiegħed isegwi kulma kien qiegħed jiġri madwaru u kienet xena illi naturalment għalija u għal sħabi li huma l-Prim Ministru, l-Ministru Ugo Mifsud Bonnici u nies oħra li kienu magħna, tibqa' dejjem f'moħħna. L- aħħar għafsa ta' l-id illi kelli ma' Pierre hija ċertament għafsa ta' ħabib, li kellna għal mument ninfirdu minn xulxin.

Il-kontribut ta' Pierre Muscat f'dan il-Parlament huwa wieħed utili. Huwa kontribut ta' żagħżugħ illi daħal hawn fostna wara l-mewt tal-kollega tagħna n-Nutar Sammy Abela. Minn dakinhar kont tara l-istil tiegħu. Stil kwiet, serju, ma jniggiżx, u ma jweġġa' lil ħadd. Wieħed jaf illi Pierre Muscat dejjem kien jaħdem kemm fil-kuntest ta' Parlament kif ukoll fil-kuntest ta' kif jiżviluppa l-kostitwenza tiegħu. Ċertament is-suċċess elettorali li kellu fl-aħħar Elezzjoni huwa xhieda tax- xogħol, ta' l-attenzjoni u tad-dedikazzjoni li Pierre Muscat għaraf jiżviluppa fil- personalita' tiegħu. L-istil ta' Pierre kien li ma jgħidx x'inhu jagħmel. Kien iħalli għemilu jitkellem għalih. L- istil tiegħu kien illi jkellmek b'nofs daħka. Jisimgħek u mill-ewwel jikkomprendik. Ma jkunx irid bl-ebda mod jostakola. Dejjem kien jara kif jista' jaqdik mingħajr kjass. L-aħħar ħaġa li kien irid kien l-applaws għax-xogħol illi huwa għamel. Bħala Segretarju Parlamentari ċertament ta kontribut lin-nazzjon għall-modernizzar tat- telekomunikazzjonijiet. Għalija u għal Prim Ministru u għall- Ministri kollha niftakru l- aħħar seduta tal-Kabinett li attenda. Konna qegħdin niddiskutu kambjamenti u affarijiet oħra anċillari għas- servizzi tat-telephone u telekomunikazzjonijiet. U qagħad jispjega, b'ċertu entużjażmu, dwar il-pjanijiet futuri li kien qed jipprova jlesti għalina u għall-pajjiż. U niftakar jiena kont ħdejn il- Prim Ministru u naturalment innotajna li kienet qed tinħass xi ħaġa f'wiċċu li ċertament ippreokkupatni ħafna. U anke l- Prim Ministru stess kien ukoll ferm preokkupat. Kellha tkun l-aħħar seduta tal-Kabinett illi Pierre attenda. Imbagħad beda l-kalvarju li wassal għall-mewta tiegħu.

Għalina lkoll li konna viċin tiegħu, Sur President, dawk il- fjuri hemmhekk fil-post tiegħu jirrappreżentaw sinċerament l-imħabba li aħna kellna għalih. M'hemmx retorika fiha. Il-mewt ta' Pierre ċertament għalina hija t-telfa li nibqgħu nħossuha. Telfa ta' ħabib li mingħalik għadu dejjem hemm imma f'daqqa waħda tirrealiżża li mhux qiegħed iktar magħna. Pero' forsi fil-verita' qiegħed iktar magħna milli naħsbu aħna. Il-ħajja għandha l-ironiji tagħha, Sur President. Il- ħajja għandha l-loġika li hija l-loġika li mbagħad tieħu x- xeħta li trid taċċettaha. Illum għadu kemm ħa l-ġurament it-Tabib John Muscat, il-papa' ta' Pierre. Naħseb li din żgur hija unika fl-istorja ta' Malta. Ma nafx f'ta' pajjiżi oħrajn setax kien hemm każ ieħor bħalu fejn il-missier jieħu l-post tat-tifel. Ġieli ġara li t-tifel jieħu post il- missier f'diversi parlamenti, imma naħseb din li l-missier ħa l-post tat-tifel, naħseb li huwa uniku iktar milli rari. Jien nista' nifhem xi tfisser din il-ġurnata għal Dr John Muscat. Nifhem li jħoss li għandu jkompli hu fejn Pierre kellu jieqaf. Jien konvint, Sur President, illi l-preżenza ta' Dr John Muscat hija preżenza li fina lkoll iġġibilna l-preżenza ta' Pierre hawnhekk.

Jiena lil Felicity u t-tlett itfal tiegħu nixtieq infissrilhom li l-Kamra kollha hija unita fil-kondoljanzi tagħna lejhom. Aħna lkoll nifhmu n-niket kbir li għaddew minnu. Hawnhekk verament tħoss il-bżonn tal-fidi. Jien naħseb illi l-ikbar don li għandna, għal min għandu l-fidi, huwa dan it-twemmin ta' non omnis moriar, illi l-bniedem ma jispiċċax mat-trapass tiegħu imma nemmnu f'dinja oħra. Nemmen f'dinja fejn l-għeżież tagħna ħafna drabi iktar milli forsi aħna nitolbu għalihom, huma jitolbu għalina, Sur President.

Nixtieq illi wara li jsiru kwalunkwe intervent li wieħed iħoss fiċ-ċirkostanzi, nipproponi li l-Kamra tagħmel ż
ewġ minuti silenzju u li mbagħad taġġorna għal nhar il- Erbgħa kif se ngħid iktar tard, bl-aġenda li għandna għal-lum. Għalhekk nitlob, Sur President illi il-Kamra b'sinjal ta' luttu wara li tagħmel żewġ minuti silenzju, taġġorna għal nhar il-Erbgħa li ġej. Dan huwa l-mod kif fis-sistema Parlamentari tagħna aħna lkoll inħossu li fin-nuqqas, tiegħu nuru lil Pierre illi din is- seduta hija tiegħu, dedikata għalih u għalih biss biex jibqa mfakkar għalina għall-poplu Malti. Grazzi, Sur President. (Onor. Membru: Hear, hear)

MR. SPEAKER (ONOR. LAWRENCE GONZI): Grazzi. L-Onor. Joe Brincat.

ONOR. JOSEPH BRINCAT: Inqum, Mr Speaker, biex fl-ewwel lok nissekonda il-Mozzjoni taż-żewġ minuti ta' silenzju u ta' l- Aġġornament tal-Kamra kif qed jipproponi l-Viċi Prim Ministru. Huwa b'dieqa kbira li wieħed ikollu jqum jagħmel diskorsi f'dawn l- okkażjonijiet. U d-dieqa f'dan il-każ, sfortunatament, kienet ilha ġejja mhux biss fuq in- naħa tal-Gvern, iżda anke fuq in-naħa ta' l-Oppożizzjoni, u dan tafu int stess, Mr Speaker. Anke l-whip u l-Membri l-oħrajn jafu x'preokkupazzjoni sinciera kellna għal Pierre Muscat. F'dan il-post żgħir kulħadd ikun jaf l-ajma qalbi ta' ħaddieħor. F'dan il-kaz konna nafuh u Membri min-naħa tagħna marru jżuruh. Jien mhux ma kellix il-kuraġġ, imma dejjem nixtieq illi l-bniedem niftakru ħaj u f'aħjar ta' saħħtu. Il- memorja nixtieq inżommha friska hekk. Dan qed ngħidu bl-ikbar għafsa ta' qalb għaliex meta tara ħajja żagħżugħa tintemm .... Il-mewt hija kerha għal kulħadd imma mbagħad fejn hemm iż-żgħożija huwa ikreh. Qisha fjura li ma tkunx waslet biex tagħmel iċ-ċiklu, ma jkunx wasal żmienha imma tinqata ħesrem b'dak il-mod. Hemm id-dispjacir uman ta' kollega. Dispjaċir illi bniedem fl-aħjar tal-ħajja tiegħu kellu jgħaddi minn kalvarju. Jiddispjacini li jkolli ngħid dan quddiem missieru stess imma jekk huma sentimenti veri m'inix se nistħi ngħidhom. Meta ġejna għall-funeral ma kenitx biss ċerimonja li d-dover iġiegħlek tattendi għaliha. Kienet xi ħaġa li konna qed inħossu ġewwa qalbna. U jekk hemm prova ta' dan huwa l-fatt illi l-Leader tal-partit tagħna li kien għadu ġej min vjaġġ ta' 30 siegħa mill-Awstralja għalkemm l-airport ma semmejnielu xejn u f'daqqa waħda nsibu maġenb l-knisja. Dan kemm mar biddel l-ingravata biex libes ingravata sewda u kien ir-Rabat. Ma kenitx sempliċement ċerimonja, imma kienet okkażjoni biex nuru d- dieqa kbira ta' qalbna li Pierre Muscat ħalla t-tbatija ta' din id-dinja f'eta' hekk żagħżugħa.

Mingħalija kont iltqajt f'dibattitu fejn kien hemm il- Ministru Louis Galea, u għidtlu kemm se tkun difficli li l- Membru parlamentari illi jitla' mill-Casual Election tmur tagħtih l-awguri f'ċirkostanzi bħal dawn. Lill-kollega tagħna ġdid li għadu kemm ħa l- ġurament - li kien hawn qabel u issa qed jieħu l-ġurament illum - qed nagħtuh il-kondoljanzi sfortunatament f'wiccu stess. Dan mhux qiegħed fil-gallerija, bħalma ġieli jiġu l-membri tal- familja jisimgħuna nagħtu l- kondoljanzi. Fl-okkażjoni li huwa qed jerġa' jirriżumi s- siġġu tal-Parlament, qegħdin ikollna nagħtuh il-kondoljanzi
ta' l-għażiż ibnu.

Mr Speaker, huwa difficli ħafna li nkunu ta' eżempju lill-poplu, ħlief f'dawn iċ- ċirkostanzi. Mhux għax il- partiti politici ma għandhomx ikunu differenti minn xulxin, jew li rridu naqblu bilfors f'affarijiet li ma għandniex naqblu. Anzi d-djalettika ta' bejn partit u ieħor għandha tkun differenti. Imma fejn tidħol il-persuna umana, fejn jidħlu s-sentimenti u t-tbatija umana għandna qalb waħda, għax aħna poplu wieħed. U dan hu l-messaġġ li nixtieq nagħti lill-Onor. John Muscat illi bil-preżenża tiegħu hawnhekk - mhux biss b'dawk il-fjuri - se jfakkarna fi Pierre. Aħna ngħidulu: Agħmel kuraġġ biex ix-xogħol - li forsi ma konniex naqblu miegħu - tkomplieh min-naħa tal- bankijiet li qiegħed tokkupa għaliex huwa dmir tiegħek illi tagħmel dak u huwa dmir tagħna li fuq l-affarijiet politiċi aħna nopponuk, imma fuq l- affarijiet personali ta' ħajja u ta' familja aħna qalb waħda miegħek. Jiddispjacina li ġralek dan il-fatt. J'Alla ma jiġri lil ħadd. L-istess kondoljanzi li qed nagħtu lilek, nagħtuhom lil martu u liċ-ċkejknin uliedu u lil ommu li anke waqt li kienet ħierġa wrietna l-apprezzament li attendejna. U aħna rikonoxxenti ta' dan. Lil dawk uliedu ċkejknin nittama ma jiġrix bħalma jiġri diversi drabi fil-politika li l-persuna waqt li hija ħajja kulħadd josannaha lilha u lil uliedha, u wara li tispicca dik il- persuna, dawk jintessew, j'Alla dan ma jkunx. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)


MR SPEAKER: Grazzi. Jiena naturalment nassoċċja ruħi totalment mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal- Kamra. Filwaqt li anke jiena, kemm f'ismi u kemm f'isem l- istaff kollu tal-Parlament nagħti l-kondoljanzi lill-Onor. Muscat li huwa preżenti f'din is-seduta, ninkariga wkoll lill-iSkrivan tal-Kamra sabiex iwassal il-kondoljanzi uffiċjalment lill-familjari ta' l-Onor. Pierre Muscat.
L-Onor. John Muscat.

ONOR. JOHN MUSCAT: Mr Speaker, huwa destin li jien kelli nkun prezenti nisma' dawn l-eloġji minn din il-Kamra tar- Rapprezentanti. Huwa veru li l- eloġju jagħtik konsolazzjoni imma fl-istess ħin tħoss dak id-dulur f'qalbek. Lil Pierre kulħadd kien iħobbu. Jien kont naf kemm kien maħbub mal-poplu, imma indunajt iżjed b'dan fil- funeral. Il-funeral kien jurik l-apprezzament ta' ħbieb u għedewwa li ġew warajh biex jagħtuh il-grazzi ta' dak kollu li kien għamlilhom. Nirringrazzja ħafna lin-naħa tal-Gvern speċjalment lill-Prim Ministru u lill-Onor. Hyzler li għamlu minn kollox biex jipprovaw ifejquh minn dik il- marda kiefra li kellu. Nirringrazzja ħafna lin-naħa ta' l-Oppożizzjoni, specjalment lill-Kap ta' l-Oppożizzjoni, li kif qalilna d-Deputy tiegħu, kien għadu ġej mill-Awstralja. Jien rajtu fil-knisja ta' San Pawl u rringrazzjajtu. Napprezza ħafna dan. Napprezza ħafna lil dawk il-Membri taż- żewġ naħat tal-Kamra li marru jżuruh fil-marda tiegħu. Kont prezenti fil-Guys Hospital f'Londra, meta ġew jarawh l- Onor. Debono Grech u l-Onor. Reno Calleja. Kemm ħa gost u feraħ bihom!

Pierre kien moħħu fuq ix- xogħol. Ġimgħa qabel il-mewt tiegħu, kien jitkellem fuq ix- xogħol. Hemmekk kien moħħu. Meta s-segretarju tiegħu ġablu l-aħbar li kienet ġejja delegazzjoni Libjana u delegazzjoni Taljana, huwa qabad jitkellem miegħu. Fetaħ għajnejh qisu tah xi injezzjoni li fejqitu. Pierre ma qatax qalbu; baqa' jagħmel mill-aħjar li seta' biex ikompli jikkumbatti u jerġa' jidħol f'dan il-Parlament. Difatti ġimgħa qabel il-mewt tiegħu, kien jitkellem fuq is-safar. Ipprova jirranġa ma' tour operator biex imur Lourdes, imma mhux Lourdes biss ried imur biex jitlob, ried imur anke Barcellona. Pero' t-tour operator qallu li ried għaxar sigħat coach biex almenu jmur Barcellona. Jiġifieri dan il- bniedem baqa' jittama li jerġa' jiġi hawnhekk fostna u jkompli jaħdem għal pajjiż.

Ħbieb, nirringrazzja wkoll lil dawk l-ispecjalisti li għamlu minn kollox f'Guys Hospital, Londra li għalkemm ma setgħux ifejquh, riedu jagħmlulu kuraġġ. Irrid nirringrazzja wkoll lil ħafna nies li bagħtulna kartolini ta' simpatija. Ircevejna mijiet minn dawn u ma nistax nirringrazzjahom persolament imma minn hawn irrid nerġa' nirringrazzjahom mill-fond ta' qalbi, għan-nom tiegħi, għan- nom tal-mara tiegħu Felicity, għan-nom tal-mara tiegħi u għan-nom tat-tfal. Nirrin¬grazzja wkoll lill-President Tabone u s-sinjora tiegħu li attendew għall-funeral.

Ħaġa waħda impressjonatni wara l-mewt ta' Pierre. Jiena għidt lidak it-tgħajjir li l- poplu tagħna għandu l-idea ħażina li jeżisti fil-Kamra bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern, ma jeżistix. Grazzi ħafna. (Onor. Membri: Hear, hear).


MR SPEAKER: Il-Kamra taqbel li jinżammu żewġ minuti silenzju u wara taġġorna, skond il-Mozzjoni tal-Vici Prim Ministru ssekondata mill-Onor. Joseph Brincat? (Onor. Membri: Iva)


Fis-6.58 p.m. il-Kamra qablet li jinżammu żewġ minuti silenzju bħala turija ta' rispett.

Fis-7.00 p.m. il-Kamra aġġornat għal nhar l-Erbgħa, 2 ta' Mejju 1990, bl-istess agenda.

Electoral History

Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 11.01.1978
Ġurament tal-Ħatra: 16.01.1978
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.12.1981
Ġurament tal-Ħatra: 29.03.1983
Xoljiment tal-Parlament: 13.02.1987
Is-Sitt Leġiżlatura (1987 - 1992)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 13.05.1987
Ġurament tal-Ħatra: 09.07.1987
- 16.04.1990