TIFKIRA
TAL-PROF. JOHN RIZZO NAUDI
FIL KAMRA TAD DEPUTATI
PARLAMENT TA’ MALTA
25 TA’ DIĊEMBRU 1925 - 22 TA’ APRIL 2022
Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn
Il-25 ta' Settembru 1976 u t-8 ta' Novembru 1995
Professur John Rizzo Naudi
L-EWWEL DISKORS TAL-PROF. JOHN RIZZO NAUDI
FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI
ESTRATT MIS-SEDUTA NUMRU 11
tal-Erbgħa, 22 ta’ Diċembru 1976
IR-RABA’ LEĠIŻLATURA
ABBOZZ TA’ LIĠI LI JEMENDA L-ORDINANZA DWAR
IR-REGOLAMENT TAT-TRAFFIKU
TRAFFIC REGULATION (AMENDMENT) BILL
ONOR. JOHN RIZZO NAUDI: Mr Speaker, jiena għandi pjaċir nagħmel l-ewwel diskors fuq suġġett mhux kontroversjali, fuq suġġett illi naħseb li naqblu ż-żewġ naħat tal-Kamra, fuq suġġett li ftit jew wisq huwa dak li jgħidu l-Ingliżi, il-hobby-horse tiegħi. Jiena ma nistax ngħid li kont inpejjep, qatt ma kont inpejjep, qatt ma kelli l-ħajra, u għaddejt mingħajrhom, allura għalija faċli li nitkellem. Però xorta waħda nħoss li għandi nitkellem fuq dan is-suġġett tat-tipjip li tant jagħmel ħsara lill-morda tagħna. Issemma forsi li qegħdin indejqu lin-nies billi nitkellmu fuq dan is-suġġett fil-Parlament, imma nħoss li għandi nuża l-pożizzjoni tiegħi fil-Parlament, biex insemma’ leħni wkoll fuq dan is-suġġett tant importanti.
Kull tabib li jaħdem fl-isptarijiet, kull tabib li jagħmel l-awtopsji fuq każi tal-kanċer, każi ta’ mard tal-qalb, żgur jasal għall-konklużjoni li t-tipjip jagħmel ħsara kbira qalb il-morda tagħna. L-evidenza li t-tipjip jagħmel ħsara ilha tinġabar għal dawn l-aħħar, biex ngħidu hekk, tletin sena. Saru ħafna surveys retrospective, voldieri jsibu l-morda u jaraw kemm kienu jpejpu qabel, imma dawn għandhom id-difetti tagħhom għax forsi wieħed jista’ jiċċijtja u jagħżel dak il-grupp ta’ nies u jħalli barra l-grupp l-ieħor. L-aħjar survey li sar forsi kien ta’ Doll u Hill fl-1951 meta bagħtu questionnaire lit-tobba Ingliżi kollha fuq ir-Register, li jammontaw għal kważi 60,000 ruħ, li qegħdin jaħdmu u li għadhom isegwuhom sal-ġurnata tal-lum. Għalhekk fl-1964, voldieri tlettax-il sena wara, setgħu jaslu għal ċerti konklużjonijiet li hemm assoċjazzjoni serja u definita bejn it-tipjip u l-kanċer tal-pulmun; bejn it-tipjip u l-mard tal-koronarji; assoċjazzjoni bejn it-tipjip u l-kanċer tal-grieżem, esophagus; assoċjazzjoni bejn it-tipjip u l-mard taċ-ċirkolazzjoni, speċjalment il-marda kiefra tat-thromboangiitis obliterans, Buerger’s Disease, li ħafna nies jispiċċaw b’saqajhom maqtugħa. Tajjeb li nbeżżgħuhom in-nies, tajjeb li nagħmlu propaganda ħalli ż-żgħar jitgħallmu illi t-tipjip iġib il-ħsara, it-tipjip jaffettwa l-bronki, l-apparat tar-respirazzjoni u għalhekk ma jpejpux l-ewwel sigarett.
Jien, għalija, dawn l-emendi huma definiti, pass ˋil quddiem, u bilfors hawn ikollna naqblu magħhom mija fil-mija, però dawn l-emendi mhux se jwaqqfu t-tipjip, mhumiex se jnaqqsu lanqas it-tipjip. Dawn l-emendi kulma se jagħmlu huwa li fil-buses, jekk aħna kapaċi nenforzawha… Hawn tidħol dik it-tikka dubju tal-povru kunduttur li kapaċi jkun tifel żgħir, se jmur fuq xi ħadd darbtejn daqsu, kif semma l-kollega tiegħi t-Tabib Naudi, u jgħidlu: “Tpejjipx”. Dan x’aktarx, kif qal it-Tabib Naudi, jispiċċa l-kunduttur barra u s-sigarett jibqa’ f’idu. Voldieri hawn forsi rridu nsibu metodi li din il-liġi tiġi enforzata.
It-tipjip, l-aktar ħaġa importanti …
ONOR. MEMBRU: Inti taħseb li ma jniżżlux lil dan il-bully, jekk ma jkunx ħallsu?
ONOR. JOHN RIZZO NAUDI: Ma nafx jiena …
ONOR. MEMBRU: Jista’ ma jniżżlux.
ONOR. GEORGE HYZLER: Hemm min ma jħallasx għax jgħidu għax jibżgħu minnhom.
ONOR. MEMBRU: No interruptions. Maiden speech! Ċensu, maiden speech!
ONOR. JOHN RIZZO NAUDI: Ma jimpurtax, ma jimpurtax.
ONOR. VINCENT C. MORAN: Mhux interruption, taf.
ONOR. JOHN RIZZO NAUDI: Il-ħsara kbira kienet – nerġa’ mmur fuq l-enfasi u l-propaganda li saret – l-enfasi kienet li saret fuq it-tipjip mal-kanċer tal-pulmun, għaliex għalkemm sar komuni iktar hawn Malta, però għadu rari biżżejjed illi ftit nies raw nies fil-viċin tagħhom b’din il-marda u l-iktar ħaġa serja li jġib it-tipjip huwa appuntu l-mard tal-koronarji u l-mard taċ-ċirkolazzjoni. Kull tabib li jaħdem l-isptar, u issa għandna statistika serja li turi li kull min ipejjep ċerti ammonti ta’ sigaretti – u llum nikkonsidraw lil wieħed li jpejjep iktar minn għaxar sigaretti kuljum as a heavy smoker – għandu twice as much, id-doppju, iċ-ċans li jkollu mard tal-qalb minn ħaddieħor. Anke jekk nieħdu l-mortalità tal-popolazzjoni, irġiel li għandhom ħamsa u tletin sena għandhom ċans li jgħixu sal-età ta’ ħamsa u sittin sena, jekk ma jpejpux. 15% minnhom biss li jmutu, li ma jaslux sal-ħamsa u sittin. U, skont in-numru ta’ sigaretti, pereżempju, jekk ipejpu sa erbatax-il sigarett kuljum, it-22% minnhom; jekk ipejpu bejn ħmistax u ħamsa u għoxrin sigarett kuljum, 25%; u jekk ipejpu iktar minn ħamsa u għoxrin sigarett kuljum l-ammont jitla’ għal 33%, voldieri jirdoppja. Għandhom double the chance li jmutu, li ma jagħlqux il-ħamsa u sittin sena.
L-iktar ħaġa serja wkoll li dieħla Malta hija t-tipjip fost in-nisa. Sa għoxrin sena ilu, biex ngħidu hekk, ma kontx tara mara tpejjep barra. Illum tara nisa jpejpu, tara tfal bniet ipejpu, u meta jien narahom iweġġgħuli qalbi. Jien konvint li fattur kbir, u dan ma nistħix ngħidu, tat-tipjip fid-dinja, u anke hawn Malta, huwa li t-tfajliet żgħar ipejpu, għaliex ħafna drabi l-ġuvintur iħossuhom inferjuri jekk joffrulhom sigarett speċjalment jekk joffruhomlhom kultant it-tfajliet, u ma jpejpux. Għalhekk għandna nagħmlu minn kollox biex nedukaw lit-tfal tagħna, speċjalment fl-età ta’ erbatax-il sena u inqas biex ma jibdewx ipejpu l-ewwel sigarett.
Hawnhekk nixtieq nagħmel appell lill-istudenti tal-mediċina, kollha żgħażagħ ta’ bejn l-età ta’ sbatax u tlieta u għoxrin u erbgħa u għoxrin sena. Hemm 160 wieħed minnhom, jistgħu jinqasmu dawn u joħduha bħala missjoni, jibdew minn ftit ġranet oħra u jmorru fl-iskejjel u jibdew jagħmlu propaganda huma. Propaganda minn żgħażagħ ta’ tmintax-il sena tiswa ħafna iktar milli jmur jagħmilha raġel tal-età tiegħi, raġel assoċjat ma’ missirijiet, imma propaganda magħmula miż-żgħar għaż-żgħar tiswa ħafna iktar. Jekk żagħżugħ ta’ sbatax-il sena jmur fi skola ta’ erbatax, forsi dan iż-żagħżugħ ikun jilgħab il-football, ikollu ċertu aspett ta’ hero għaż-żgħar, iktar kapaċi jisimgħuh dawn u iktar kapaċi joqogħdu għal li jgħidilhom. Hemm affarijiet oħra – films – li jistgħu juru dawn. U hawn jien nitlob lill-Ministru tal-Edukazzjoni li forsi jdaħħalha u jdaħħal l-istudenti tal-mediċina fiha din ħalli jkollhom iktar suċċess f’din il-propaganda, il-kampanja ta’ kontra t-tipjip. Għadha kemm spiċċat ġimgħa ta’ kontra t-tipjip. Jien nawgura li din il-ġimgħa ma tissejjaħx ġimgħa – kellna ġimgħa s-sena l-oħra – imma tibqa’ sejra s-sena kollha.
Suġġeriment li nixtieq nagħmel lill-Gvern jiena huwa – forsi din ma tiġix milqugħa favorevolment – li l-kumitati kollha tal-Istat u parastatali, l-ewwel forsi jitolbuhom ma jpejpux imbagħad forsi anke jimponulhom li ma jpejpux. Jiena ma narax għaliex nies li ma jpejpux, u ħafna drabi dawn in-nies illli ma jpejpux ikunu fil-maġġoranza kbira, joqogħdu jissottomettu ruħhom għal dawk it-tlieta, erbgħa li jkunu jpejpu fuq il-kumitat, u li javvelenaw l-atmosfera li jkunu qegħdin jitħaddtu fiha. Jiena naħseb li jekk din l-idea tiegħi tiġi aċċettata, żgur li l-meetings li jkun hemm fl-Istat jieħdu ħafna ħafna inqas u jsir ħafna iktar xogħol, u jkun hemm ħafna inqas diskorsi żejda. (Onor. Membri: Hear, hear)
Nappella li f’din il-ħaġa m’hemmx Gvern u Oppożizzjoni, li naħdmu lkoll flimkien, biex dan il-flaġell, biex ngħidu hekk, il-vizzju tat-tipjip li daħal fid-dinja kollha - li beda mal-erba’ mitt sena ilu u minkejja li l-Knisja u l-Istat kienu kontra tiegħu, anke mill-bidu, keinu ferm kontra tiegħu, kiber u nxtered mad-dinja kollha – naraw x’nagħmlu, u nsibu soluzzjoni biex nerġgħu neqirduh. Hemm ħafna pajjiżi li qegħdin jagħtu kas. Pereżempju, Sweden huwa wieħed mill-pajjiżi li bdew programm din is-sena li jiggarantixxu illi ħmistax-il sena oħra ma jkunx hemm nies ipejpu fi Sweden. Anke hawnhekk naf li m’aħniex Sweden, forsi m’għandniex id-dixxiplina li għandhom huma, imma nistgħu nibdew billi nsaqsu lil dawn il-pajjiżi x’qegħdin jagħmlu, nieħdu l-ideat ta’ kulħadd ħalli jinqata’ dan il-flaġell minn fostna. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear).
Estratt mis-Seduta Parlamentari 5 tal-Erbatax-il Leġislatura tat-Tnejn 16 ta' Mejju 2022
KONDOLJANZI
L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Illum il-Kamra se tgħaddi għall-Kondoljanzi fir-rigward tal-Eks Membru Parlamentari l-Professur John Rizzo Naudi li ħalliena fit-23 ta’ April ta’ din is-sena. Irrid insellem lill-familjari preżenti f’din il-Kamra. Bħalma nagħmlu dejjem, noħorġu pubblikazzjoni apposta li jkun fiha l-Maiden Speech ta’, f’dan il-każ, Alla jaħfirlu, il-Professur John Rizzo Naudi li kien sar f’Diċembru 1976. Għandkom ukoll kopja tal-ġurament li l-Professur Rizzo Naudi kien ħa fl-24 ta’ Novembru, 1976. Tajjeb li ngħidu li l-Professur Rizzo Naudi serva fil-Parlament għal kważi 20 sena, proprju sa Novembru tal-1995.
Insejjaħ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
L-ONOR. CHRIS FEARNE (Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa): Sur President, kif għedt tajjeb inti, lejn l-aħħar ġimgħa ta’ April, 2022 il-Professur John Rizzo Naudi ħalla din id-dinja fl-età ta’ 96 sena. Ninsab ċert li qiegħed f’post aħjar u nistħajlu qiegħed iħares lejna minn xi imkien iżjed feliċi milli qegħdin aħna hawnhekk illum. Lill-Professur Rizzo Naudi nafu bħala bniedem intelliġentissimu, assertiv, imma anke riżervat. Kemm meta kont lettur fl-Institute of Healthcare kif ukoll meta kont fil-Fakultà tal-Health Sciences fl-Isptar Mater Dei, mhux kuljum imma darba f’ġimgħa, kont niltaqa’ mal-Professur Rizzo Naudi f’xi kuritur, fejn forsi konna nsellmu lil xulxin b’daqqa ta’ ras jew billi ngħidu bonġu jew waranofsinhar it-tajjeb, u nibqgħu għaddejjin.
Il-Professur John Rizzo Naudi ma kienx persuna li kien iħobb jiltaqa’ ma’ ħafna nies fejn jidħol xogħlu, għax kien riżervat, però kien bniedem li matul ħajtu għamel ħafna. Kien it-tip ta’ persuna li nħobb jien; li aktar jikkonċentra fuq ir-riżultati milli fuq il-paroli fil-vojt. L-impressjoni li għandi tal-Professur Rizzo Naudi hi li kien bniedem li he means business u li l-affarijiet jitkellem dwarhom wara li jkun wettaqhom u mhux qabel.
Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Professur Rizzo Naudi kien bniedem serju ħafna meta tarah, kellu vina ċajtiera ġo fih. Pereżempju, darba qalli xi ħaġa u għadni sal-lum ma nafx jekk dakinhar kienx qed jgħidli l-verità jew kienx qiegħed jiġbidli ftit saqajja. Kien qalli li hu dilettant tal-golf, forsi t-tfal tiegħu jikkonfermaw dan jew le. Kien qalli li meta kien il-Malasja sar dilettant tal-golf. Jien ħsibtu li kien qiegħed jiġbidli saqajja. Però eventwalment skoprejt li verament, fost affarijiet oħra li kien iħobb, kien hemm ukoll il-golf. Naf ukoll, għax ġieli kien jgħidli, li kien akkanit u kollettur kbir ta’ kotba mediċi antiki. Personalment nixtieq li xi darba din il-kollezzjoni tal-Professur Rizzo Naudi tkun aċċessibbli anke għal min forsi jkun irid jużaha għal skopijiet ta’ riċerka. Forsi tkun parti mill-Melitensia Medika ta’ Malta.
Xi kultant fil-ħajja jkun hemm dawk l-isferi li jkunu pjuttost magħluqin fihom infushom. Pereżempju, aħna l-politiċi l-ħin kollu naraw il-gazzetti għaliex naħsbu li d-dinja kollha timxi ma’ dak li ngħidu aħna. Fil-qasam mediku wkoll ikun hemm dawk l-isfumaturi li minn barra wieħed ma jarahomx imma min ikun ġo fihom jinduna bihom, u huma dawk li jagħmlu l-ħajja interessanti. Il-Professur Rizzo Naudi għalkemm kien tabib, kien Member of the Royal College of Physicians of Edinburgh, kien Professur u Konsulent fil-Mediċina u kien jgħallem lill-istudenti tal-Mediċina, imma aħna li konna fil-qasam mediku konna aktar nassoċjawh mal-infermiera milli mat-tobba. Ir-raġuni kienet li meta kien Segretarju Parlamentari għall-ewwel darba, kien responsabbli mill-qasam tal-anzjani imma kellu wkoll ir-remit tal-edukazzjoni u tat-tħarriġ tal-istudenti fil-mediċina.
Għalhekk kien wieħed mill-persuni, probabbilment il-persuna ewlenija, li beda u ta l-ispinta biex f’Malta jkollna l-ewwel Institute of Healthcare li kien twaqqaf fl-1987 fejn illum hemm il-Malta Enterprise, jiġifieri fil-kumpless ta’ San Luqa. Eventwalment fl-2010 sar il-Fakultà tal-Health Sciences. Dan l-Institute of Healthcare kien jgħallem b’mod formali u l-ewwel kien jagħti B.Sc. imbagħad anke Diplomi pre-graduate u post-graduate lill-infermiera tagħna. Qabel, meta jien kont għadni student tal-mediċina, - hawn se nikxef snini - u ovvjament il-Professur Rizzo Naudi ħafna qabli, ħafna mill-infermiera kienu sorijiet tal-karità. L-Institute of Healthcare twaqqaf proprju taħt id-dekasteru tal-Professur Rizzo Naudi - qabel kien hemm l-iSchool for Nurses fil-kumpless ta’ San Luqa – u dan waqqaf formalment it-taħriġ tal-infermiera f’pajjiżna. Dan nafuh grazzi lill-Professur Rizzo Naudi.
Kif semmejt diġà, il-Professur Rizzo Naudi, fil-bidu tal-karriera medika tiegħu, kien jaħdem fis-servizz Brittaniku fil-Malasja. Però l-esperjenza barra l-pajjiż ma kenitx biss fil-Malasja, għax anke meta kien speċjalista f’Malta, kien jikkontribwixxi wkoll b’mod volontarju għall-kura ma’ nies inqas fortunati minna fl-Afrika. Ta’ dan jien kont nammirah ħafna.
Naturalment, kif għedt int, Sur President, il-Professur Rizzo Naudi kien membru ta’ din il-Kamra għal diversi drabi. Ħareġ għall-elezzjoni l-ewwel darba fl-1971 imma kien elett għall-ewwel darba f’din il-Kamra fl-1976 u baqa’ membru attiv tal-Parlament Malti sal-1995. Matul il-karriera tiegħu kien Segretarju Parlamentari għall-Anzjani kif ukoll Segretarju Parlamentari għall-Politika Soċjali. Taħt il-gwida tiegħu saru proġetti kbar bħalma huma l-Isptar Zammit Clapp, is-servizz tat-Telecare li kien beda fi żmienu u servizzi oħrajn. Imbagħad, wara l-karriera politika tiegħu, kien Kanċillier tal-Università ta’ Malta, fejn hemmhekk ukoll ħalla l-impatt tiegħu.
Ċertament il-ħajja tal-Professur John Rizzo Naudi kienet ħajja mimlija li ħalliet impatt, mhux biss fil-qasam mediku u fil-qasam politiku, imma anke fil-qasam familjari tiegħu. Kellu tlett itfal, John, Joseph u Marija, u numru ta’ neputijiet u pro-neputijiet li ftit minnhom qegħdin preżenti magħna hawnhekk. Insellmulhom kollha. Ovvjament it-telfa tal-Professur John Rizzo Naudi għal dan il-Parlament u għal Malta hija kbira, però t-telfa tiegħu għall-familjari tiegħu ċertament hija ħafna akbar. Għalhekk f’ismi, f’isem il-familja tiegħi, f’isem in-naħa tal-Gvern u ċert f’isem din il-Kamra kollha, nestendi l-kondoljanzi tiegħi lill-familjari u lill-qraba tal-Professur John Rizzo Naudi. Nirringrazzjak.
L-ISPEAKER: Grazzi. Aktar rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, ningħaqad mas-sentiment espress mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Il-Professur John Rizzo Naudi kien tabib, kien politiku maħbub u kien politiku tal-Partit Nazzjonalista li ħabb lil pajjiżu u lill-kostitwenti tiegħu b’mod eżemplari, nista’ ngħid għalina lkoll. L-ewwel ma kien ġie elett kien fl-1976 u dam fil-Parlament 20 sena. Il-ħajja tiegħu fil-politika ntemmet fis-sena 1995. Serva ta’ Segretarju Parlamentari għall-Anzjani fl-1987 u meta l-Partit Nazzjonalista rebaħ l-elezzjoni fl-1992 reġa’ serva ta’ Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Politika Soċjali.
Kien politiku maħbub li jagħmel il-ġid. Kif qal l-Onor. Fearne, ħadem ħafna fil-qasam tal-anzjani u kien l-ewwel Segretarju Parlamentari għal dan is-settur. Kien bniedem li kellu viżjoni għas-settur tal-anzjani. Nista’ ngħid li sal-lum, bil-ħidma tiegħu u bil-ħidma ta’ dawk li ġew warajh, għadna qegħdin naħsdu l-frott tiegħu. Kien bniedem strumentali anke fis-settur tal-infermiera. Kien strumentali fit-twaqqif tal-Institute of Healthcare, li kienet l-ewwel istituzzjoni edukattiva ta’ dak il-livell li offriet degrees fil-qasam tal-infermiera.
L-ewwel diskors parlamentari, li llum għandna l-pjaċir li għandna f’idejna kopja tiegħu, iddedikah kontra l-vizzju tat-tipjip, xi ħaġa li snin wara lkoll sirna aktar konxji mill-ħsara li t-tipjip jagħmel lilna lkoll.
Kien miżżewweġ lil Lisette. Insellmu wkoll il-memorja tagħha, li kienet bastun għalih u għall-familja, għal uliedu John, Joseph u Marija u għal uliedhom, li nsellmilhom. Ngħidilhom li filwaqt li jien persważ li dak li wettaq missierhom jagħmilhom kburin, id-determinazzjoni tiegħu wasslet biex mhux biss għamel isem lilu nnifsu imma ħalla t-timbru tiegħu pożittiv fis-soċjetà Maltija. Għal dan insellmu l-memorja tiegħu. Nirringrazzjawh minn qalbna lkoll tal-ħidma li wettaq għall-ġid ta’ pajjiżna. Nirringrazzjak.
L-ISPEAKER: Grazzi. Is-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Lill-Professur John Rizzo Naudi ma lħaqtux fil-Parlament għax jien dħalt f’din il-Kamra fl-1996 imma kont smajt bih qabel. Kien jattendi għal-laqgħat tal-former members fejn kien jieħu sehem attiv. Darba minnhom anke morna d-dar tiegħu.
Jien sirt nafu l-ewwel darba meta semmihuli missjunarju Kapuċċin fil-Kenja. Kien qalli li jafu sewwa għax kien imur hemmhekk jagħmel l-operazzjonijet biex jgħin fil-missjoni. Dan kien jagħmlu anke fil-ħin liberu tiegħi, matul il-vaganzi. Nista’ ngħid li jien nafu bħala bniedem rikonċiljatorju ħafna b’mod straordinarju. Dejjem kellu kelma tajba għal kulħadd. Kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, kien maħbub anke għall-mod kif kien jitkellem u kif kien jippreżenta l-argument. Tant hu hekk li jekk tara l-Maiden Speach tiegħu li ppubblikajna fl-1976 meta kien hemm il-Gvern tal-Eks Prim Ministru Dom Mintoff wara l-elezzjoni, issib statement li fih jgħid - qed nagħmel referenza apposta biex noħroġ il-karattru tiegħu - li l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien.
Jien ningħaqad mas-sentimenti kollha li għaddejtu. Ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familja preżenti hawnhekk u anke b’mod uffiċjali.
Ġie elett: | 25.09.1976 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.11.1976 |
Xoljiment tal-Parlament: | 09.11.1981 |
Co-opted | 18.12.1981 |
Ġurament tal-Ħatra: | 09.05.1983 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.02.1987 |
Ġie elett: | 13.05.1987 |
Ġurament tal-Ħatra: | 09.07.1987 |
Xoljiment tal-Parlament: | 20.01.1992 |
Segretarju Parlamentari għall-Kura ta' l-Anzjani |
Xoljiment tal-Parlament: 20.01.1992 |
Ġie elett: | 22.02.1992 |
Ġurament tal-Ħatra: | 04.04.1992 |
- 08.11.1995 |
Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Politika Soċjali
- 04.04.1992
Waqqaf: 17.04.1995 |