Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Dr Joseph Spiteri

Lura għal-Lista

Ktejjeb tal-Kommemorazzjoni

TIFKIRA TA’ JOSEPH SPITERI FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA’ MALTA

 

8 ta' Novembru 1920 - 6 ta' Frar 2016

 

Membru tal-Kamra tad-Deputati bejn it-22 ta' Frar 1962 u t-13 ta’ Awwissu 1976

Joseph Spiteri

Ġurament ta' Lealtà

 

L-EWWEL DISKORS TA' JOSEPH SPITERI FIL‑KAMRA TAD-DEPUTATI PARLAMENT TA' MALTA

 

ESTRATT MIS‑SEDUTA NUMRU 24 TAT‑22 TA’ OTTUBRU 1962 L‑EWWEL LEĠIŻLATURA L‑EWWEL SESSJONI

STQARRIJA MINISTERJALI

 

ONOR. DR JOSEPH SPITERI (Ministru tax‑Xogħol u Djar):  Mr Speaker, qabel niddiskutu l‑estimi tax‑xogħlijiet li jaqgħu taħt il‑Ministeru tiegħi, nixtieq ngħid kelmtejn fuq l‑attivitajiet u x‑xogħol tad‑Dipartiment li hemm f’idejja.

Nibda bid‑Dipartiment tax‑Xogħlijiet Pubbliċi.

L‑ammont ta’ flus li se jiġu vvutati dis‑sena għax‑xogħlijiet u għall‑amministrazzjoni tad‑Dipartiment jilħaq is‑somma ta’ £4,597,550 li hija mqassma kif se ngħid hawn taħt:‑

Capital Budget                                             £3,645,943
Ordinary Budget
 
a) Personal emoluments and other charges     230,847
b) Public Works Annually Recurrent                720,760
 

Din hija somma konsiderevoli u infatti tirrappreżenta persentaġġ għoli min‑nefqa tal‑Gvern għal din is‑sena.  Ma jistax wieħed jintraprendi x‑xogħlijiet kontemplati fil‑programm jekk mhux bl‑għajnuna sħiħa tal‑istaff u tal‑ħaddiema tad‑Dipartiment mill‑akbar sal‑inqas wieħed. Għalkemm f’ċerti każi jiddispjaċini ngħid li kellhom diġà jittieħdu passi skont il‑Public Service Commission Disciplinary Regulations kontra nies li naqsu mid‑doveri tagħhom, fl‑istess ħin inħossni fiduċjuż li nilħqu l‑iskop tagħna għaliex id‑Dipartiment jinsab m’għammar b’technical staff kompost minn nies li għandhom kompetenza u esperjenza twila kif ukoll numru ta’ żgħażagħ li għandhom kwalifikazzjonijiet akkademiċi mill‑aħjar u żelu għax‑xogħol.  Id‑Dipartiment tax‑Xogħlijiet Pubbliċi huwa l‑akbar wieħed fost id‑dipartimenti kollha tal‑Gvern u l‑iktar li jimpjega nies sija fuq xogħol dirett kif ukoll fuq xogħol bil‑kuntratt.  In‑nies tax‑xogħol li jaħdmu miegħu direttament u indirettament huma madwar is‑6,000 ruħ u dan ifisser li d‑dipartiment jinħtieġ li jkollu organizzazzjoni tajba sabiex ikun jista’ jmexxi x‑xogħol b’ekonomija u ħeffa.

Infatti, m’ilux wisq li l‑professional staff ġie riorganizzat radikalment u miżjud fin‑numru.  Illum hemm ħames sezzjonijiet fid‑dipartiment, kull waħda taħt Chief Engineer li huwa direttament responsabbli għax‑xogħol kollu tas‑sezzjoni tiegħu.  Għall‑informazzjoni tal‑Kamra dawn huma mqassmin hekk:  Chief Engineer Works; Chief Engineer Industries and Housing; Chief Engineer Roads; Chief Architect and Chief Engineer in charge progress.

ONOR. DOM MINTOFF:  Ir‑reorganization saret qabel Frar li għadda?

ONOR. DR J SPITERI:  Tal‑istaff iva.  Hekk jidhirli għax hemm oħrajn għadhom sejrin.  F’kull sezzjoni hemm periti li studjaw barra minn Malta, biċċa minn flushom u oħrajn bl‑għajnuna tal‑Gvern, u li ottenew kwalifikazzjonijiet speċjali fl‑istudju tagħhom.  In vista ta’ dan, ix‑xogħlijiet kollha jistgħu jiġu ppjanati fuq bażi soda u kif jitolbu l‑konċetti moderni.

Iżda dan mhux biżżejjed u jinħtieġ li jkun hemm riorganizzazzjoni tal‑ħaddiema. Qed isir studju serju dwar dil‑problema u biħsiebni nagħmel ridistribuzzjoni tan‑nies u anke nistitwixxi works sections ġodda sabiex ix‑xogħol ikun jista’ jsir aħjar u b’inqas spejjeż.

Tista’ tgħid li x‑xogħol fiżiku tal‑Gvern li jsir f’dawn il‑gżejjer huwa l‑parti l‑kbira responsabilità tal‑Public Works li barra mix‑xogħol tiegħu proprju, jagħmilha ta’ aġent għal kważi d‑dipartimenti l‑oħra kollha. Ix‑xogħlijiet importanti li fihom infushom huma tal‑Public Works huma t‑toroq u d‑drenaġġ.  F’dak li jirrigwarda t‑toroq ħaġa li qed issir f’kull proġett kbir u li qabel wieħed ftit li xejn kien jagħti kas tagħha, hija t‑traffic census.  Din hija statistika tan‑numru u l‑kwalità ta’ inġenji li jgħaddu minn post partikolari mqassam siegħa siegħa u li tkun tinkludi fejn hu sejjer dat‑traffiku u mnejn hu ġej.  B’din l‑istatistika wieħed jista’ jasal f’konklużjoni dwar x’ikun hemm bżonn li jsir biex it‑traffiku jibqa’ miexi mingħajr xkiel; ukoll, din l‑istatistika tgħin ħafna biex wieħed ikun jista’ jistabbilixxi priorities.  Pereżempju, ħafna drabi wara li jkun sar dan it‑traffic census ikun jidher ċar li la twessigħ tat‑toroq u lanqas il‑kostruzzjoni ta’ triq oħra ġewwa l‑belt jew raħal ma jkunu joffru soluzzjoni sadisfaċenti.  F’każijiet bħal dawn x’aktarx ikollha ssir triq li tgħaddi kompletament minn barra l‑abitat.  B’dan irrid nuri kemm hu importanti li wieħed javviċina proġetti bħal dawn fuq bażi xjentifika.

Dwar id‑drenaġġ, sa ftit taż‑żmien ilu meta l‑iżvilupp ta’ pajjiżna kien għadu ’l bogħod ħafna mil‑livell li laħaq illum, ftit jew xejn kienu l‑problemi li wieħed seta’ jiltaqa’ magħhom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ippjanar u kostruzzjoni. 

Illum l‑istorja hija differenti ħafna.  F’ċerti postijiet bħalma huma l‑Mellieħa, iċ‑Ċirkewwa, Għajn Tuffieħa u Kemmuna mhux possibbli li wieħed jikkonnettja d‑drenaġġ mal‑main għaliex fil‑fatt, main ma jkunx hemm.  Għaldaqstant trid issir skema apposta għal‑lokal u hawn tidħol il‑kwistjoni tat‑trattament tas‑sewage qabel ma dan imur il‑baħar. Tkun ħaġa wisq aħjar li kieku dan is‑sewage jiġi purifikat u utilizzat għall‑irrigazzjoni għax inaqqas ħafna mill‑konsum tal‑ilma.  Qed nieħdu ħsieb din l‑affari wkoll u hemm probabbiltà kbira li aktar ‘il quddiem nibdew proġett ta’ din in‑natura.

Kif għidt aktar ‘il fuq, id‑Dipartiment tal‑Public Works jagħmilha ta’ aġent għal ħafna dipartimenti oħra.  Xogħlijiet li jaqgħu taħt din il‑kategorija huma l‑iskejjel, sptarijiet, djar, żvilupp tal‑port, fattoriji, xogħol konness ma’ turiżmu u ħafna xogħlijiet oħra ta’ natura diversa.

Dawn huma kollha xogħlijiet li jippreżentaw problemi kbar u għalkemm id‑dipartiment huwa strettament responsabbli għall‑ippjanar u kostruzzjoni ta’ dawn il‑proġetti b’danakollu jkollu jidħol ġo, u jagħti parir fuq, ħafna kwistjonijiet li huma konnessi mal‑proġett.

Ma jistax wieħed jinnega li mhix ħaġa faċli li wieħed jerfa’ din ir‑responsabilità kollha u għalkemm xi drabi dan id‑dipartiment ġie kritikat, ma jistax wieħed jaħrab mill‑fatt li d‑dipartiment qed jagħmel sforzi kbar biex ilaħħaq max‑xogħol u fl‑istess ħin jagħmlu sewwa.

Fil‑maġġorparti x‑xogħol se jibda jsir bl‑offerta iżda kultant ikollu jsir xogħol min‑nies tal‑Gvern, minkejja l‑fatt li dan normalment kien isir bil‑kuntratt, sabiex ma jinħolqux redundancies.

Il‑kuntratti li ttieħdu f’dawn l‑aħħar sitt xhur kienu kif se nsemmi hawn taħt:‑

  Xogħlijiet Store
Bejn £250 u £2,500 92 28
Fuq l‑£2,500 23 8

 

Barra minn dawn, ittieħdu numru kbir ta’ kuntratti oħra ta’ valur inqas minn £250.

Kif ħadt il‑ħatra tal‑Ministeru, waħda mill‑ewwel affarijiet li eżaminajt kienet l‑ilment dwar id‑dewmien fil‑ħruġ tal‑permessi tal‑Planning Area Permits Board, li llum qed jissostitwixxi lill‑Building Control Board biex jitla’ l‑bini privat. Nammetti li ġieli jkun hemm dewmien iżda dan jiġri f’numru ta’ każi li huwa proporzjonalment żgħir meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni n‑numru kbir ta’ applikazzjonijiet li d‑dipartiment jirċievi.  Ħafna minn dawn il‑każi fejn il‑permessi jdumu ma joħorġu jirreferixxu għall‑postijiet li għalihom għad m’hemmx pjan regolatur jew fejn il‑pjan regolatur irid jiġi rivedut u hija ħaġa impossibbli li f’dawn iċ‑ċirkostanzi l‑permess jingħata f’qasir żmien.

Biex wieħed jirranġa din l‑affari qed isir sforz biex jiġu ppubblikati kemm jista’ jkun malajr pjani regolaturi għal kull post ġo Malta u Għawdex fejn hemm domanda biex jitla’ l‑bini.  Ukoll qed nieħdu l‑opportunità biex nirrevedu schemes eżistenti fejn dawn ma jkunux adegwati.  Dan ix‑xogħol jieħu żmien għax irid isir studju dettaljat tal‑art u tal‑bini eżistenti u anke stimi tal‑flus li jkollu joħroġ il‑Gvern biex jiġi implimentat l‑ischeme.

B’danakollu dis‑sena diġà tlestew jew ġew riveduti l‑ischemes li ser insemmi u dawn se jiġu ppubblikati skont il‑liġi f’qasir żmien: Paola/Marsa; Kalkara; Attard‑Balzan‑Lija; Mellieħa (Tal‑Qortin); St Paul’s Bay; Birkirkara; Żurrieq; Birżebbuġa; Rabat; u n‑Naxxar.  Fl‑idejn hemm l‑ischeme tal‑Mosta u taż‑Żebbiegħ.  Malli dawn jiġu finalizzati se naqbdu fuq schemes oħra.

Qed tiġi studjata Building Ordinance u wieħed mill‑iskopijiet tagħha huwa li jitħaffef aktar il‑ħruġ tal‑permessi.  F’din il‑liġi hemm kontemplat il‑ħruġ ta’ permess wieħed li jkun ikopri l‑permessi kollha li jinħtieġu llum qabel ikun jista’ jibda l‑bini.

Qed nikkunsidraw ukoll leġiżlazzjoni biex ikun hemm kontroll sewwa fuq il‑manifattura tal‑blokki tal‑konkrit li qegħdin jintużaw b’numru akbar, aktar ma jgħaddi ż‑żmien.  Infatti diġà xtrajna parti mill‑makkinarju għat‑testjar ta’ dal‑blokki u l‑parti l‑oħra diġà ġiet ordnata.

Minn xi ftit taż‑żmien ’il hawn bdiet taħdem il‑costings system f’ċerti branches tad‑dipartiment. Biex seta’ jsir dan twaqqfet costings section taħt il‑karigu ta’ impjegat ċivili li ġie ttrenjat barra minn Malta fil‑cost accounting.  Din il‑costings system hija importanti għax fejn tkun taħdem wieħed ikun jista’ jara l‑ammont ta’ xogħol li qed isir, iż‑żmien li fih qed isir u n‑nefqa kemm fuq il‑materjal u l‑labour.  S’issa din is‑sistema ġiet introdotta fil‑garage tal‑Gvern u dalwaqt tiġi estiża fil‑Mechanical Workshop u fil‑Carpentry Workshop – infatti n‑nies tal‑Mechanical Workshop li kien hemm il‑Crown Works Ditch se jiġu trasferiti l‑Marsa fil‑workshop il‑ġdid biex is‑sistema tkun tista’ tibda taħdem.

Il‑costings system se tiġi applikata wkoll fuq il‑proġett tas‑Sliema Regional Road u hu maħsub li eventwalment tiġi estiża fid‑dipartiment kollu.

Dwar dak li hu xogħol ta’ kostruzzjoni se nagħti fil‑qosor ix‑xogħolijiet prinċipali li kienu qed isiru jew inbdew f’dawn l‑aħħar sitt xhur jew se jibdew dalwaqt.

Żvilupp tal-Port

Fi snin riċenti tlesta x‑xogħol tal‑moll il‑ġdid u tat‑transit sheds.  Tlesta wkoll maħżen tal‑qamħ kif ukoll tal‑grain handling equipment, li diġà bdew jiffunzjonaw.

Dan l‑aħħar inbeda x‑xogħol tal‑Port Work Office u sar progress tajjeb ħafna.  Mistenni li aktar ‘il quddiem jinbeda x‑xogħol tal‑Port Office u tal‑passenger terminal.  Dan il‑bini se jkun fih sala kbira għall‑passiġġieri, uffiċini għal‑Landing and Shipping Company u l‑branek tal‑Port u tad‑Dwana.  Dal‑bini se jitla’ fuq is‑sit illum okkupat mill‑Verandah tal‑Inbid li qed tiġi użata temporanjament bħala coal yard.  Qed nitħabtu biex insibu post ta’ coal yard biex titbattal dil‑Verandah u mbagħad ix‑xogħol ikun jista’ jibda. 

Konness mal‑iżvilupp tal‑Port hemm il‑kostruzzjoni mill‑ġdid tal‑moll fejn in‑NAAFI l‑Marsa.  Dan il‑moll huwa mibni fuq il‑ħama u biex ikun jista’ jintuża sewwa u mingħajr periklu jeħtieġ li jiġi rikostruwit.

Barra minn dan hemm ukoll ix‑xogħol ta’ twessigħ u kostruzzjoni tat‑toroq li jagħtu għall‑Port jew li jieħdu minnu.  Xogħol ta’ din in‑natura huwa twessigħ ta’ Triq il‑Salib tal‑Marsa minn Spencer Gardens sal‑parroċċa – dan se jittieħed fl‑idejn din is‑sena – u l‑kostruzzjoni tal‑parti li fadal tal‑Harbour Bypass: din hija l‑parti bejn Paola Hill u Għajn Dwieli.  Malli jistlesta dan ix‑xogħol, il‑Port ikun servut b’network ta’ triqat li jiffaċilita l‑moviment tat‑traffiku.

Toroq

Il‑kostruzzjoni jew twessigħ ta’ toroq jistgħu jinqassmu fi tliet kategoriji prinċipali: 

a) toroq ġewwa l‑ibliet u l‑villaġġi;

b) toroq li jgħaqdu belt ma’ oħra jew villaġġ ma’ ieħor; u

ċ) toroq li jgħaddu kompletament barra mill‑ibliet u villaġġi u li huma magħrufa bħala bypass roads. 

Diġà semmejt xi xogħlijiet ta’ toroq inkonnessjoni mal‑iżvilupp tal‑Port.  Dan huwa xogħol relattivament żgħir max‑xogħol l‑ieħor li għandu f’idejh jew li se jibda l‑Gvern.

Taħt l‑ewwel u t‑tieni kategorija, li jien semmejt iktar ’il fuq, jaqa’ x‑xogħol li se nibdew madwar il‑parroċċa ta’ Birkirkara fejn se ssir pjazza u iktar ’il quddiem triq ġdida li taqbad mal‑bypass li biħsiebna ngħaddu mit‑Tramuntana ta’ Birkirkara; se jibda x‑xogħol fuq l‑estensjoni tat‑triq li tgħaddi mal‑bajja ta’ San Pawl il‑Baħar – din se neħduha sa Buġibba fejn qed isir żvilupp ta’ bini; se nwessgħu t‑triq tax‑Xemxija (il‑parti magħrufa bħala Għajn Rażul) li kienet waqgħet dan l‑aħħar; ġon‑Naxxar se jinqabdu t‑toroq li jagħtu għal dan ir‑raħal u se titkompla triq prinċipali li tagħti għal dan il‑villaġġ – il‑biċċa li fadal se tkun 2,500 pied twila u 60 pied wiesa’; se jitkompla x‑xogħol fuq is‑Salina Coastroad u twessigħ ta’ triq bejn Bir id‑Deheb u Ħal Tarxien; barra minn dan se jittieħed fl‑idejn xogħol ieħor ta’ kostruzzjoni u twessigħ ta’ toroq ġewwa bliet u irħula fosthom fiż‑Żurrieq u r‑Rabat.  Xogħol ieħor importanti huwa t‑twessigħ tal‑pont li jgħaqqad Putirjal mal‑Belt u t‑twessigħ ta’ King’s Gate.  Din l‑iskema hija konnessa max‑xogħol tat‑Teatru.

Ġo Għawdex se jitkompla x‑xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ triq li tagħti għar‑ramla u tat‑twessigħ ta’ dawn it‑triqat: Ta’ Pinu; Victoria–Nadur; Victoria–Imġarr; Victoria–Żebbuġ; Victoria–Xlendi; Victoria‑Marsalforn; Triq Santa Marija, Marsalforn; il‑liwja ta’ Xandriku–Nadur; Triq il‑Fanal, Għasri; Triq Marsalforn–Xagħra; u xogħlijiet oħra diversi.  Barra minn dawn, din is‑sena se jibda x‑xogħol fuq it‑twessigħ ta’ triq li tagħti għall‑Għasri u wkoll ta’ triq li mix‑Xagħra tieħu għal Marsalforn.  Se jinbeda x‑xogħol f’diversi postijiet fuq it‑toroq li jagħtu għall‑irziezet.  Dan ix‑xogħol jaqa’ taħt il‑Kunsill ta’ Għawdex.

Taħt it‑tielet kategorija taqa’ Sliema Regional Road.  Din it‑triq tibda minn Palm Square, Msida, tgħaddi minn maġenb l‑iskejjel elementari tal‑Imsida u l‑Gżira, titla’ l‑għolja tas‑Savoy – minn hemm tkompli għal wara l‑Blue Sisters, tgħaddi minn fuq ir‑riħ ta’ San Ġiljan (ħdejn The Gardens) u tibqa’ sejra biex tgħaqqad mat‑triq ta’ St Andrews. 

Skop wieħed ta’ din it‑triq huwa li tieħu t‑traffiku mit‑triqat prinċipali tal‑Imsida, Gżira, Tas‑Sliema, u San Ġiljan, biex tiġi eliminata l‑konġestjoni f’dawn it‑triqat.  Ta’ min isemmi li f’dawn l‑inħawi qed isir żvilupp kbir ta’ fabbriki u djar u n‑neċessità ta’ din it‑triq tikber iktar ma jgħaddi ż‑żmien.  Din it‑triq hija purament għat‑thorough traffic u mhux se jitħalla bini jitla’ matulha.  B’kollox, din it‑triq se tkun twila ‘l fuq minn żewġ mili u wiesa’ mas‑70 pied, iżda għalissa se jsir l‑ewwel phase tas‑Savoy Hill – din il‑parti se tkun twila madwar mil.  Bħal din it‑triq qed jiġu studjati toroq oħra bħala bypasses għall‑Ħamrun u għal Birkirkara.  Bħala mod biex jitħaffef it‑traffiku, qegħdin nagħmlu minn xi żmien ’il hawn studju biex issir flyover fil‑Blata l‑Bajda. Din l‑iskema hija mistennija li tinbeda s‑sena li ġejja.

Dan ix‑xogħol kollu ta’ triqat jirrikjedi makkinarju speċjali.  Għaldaqstant din is‑sena biħsiebna nixtru makkinarju ġdid biex iħaffef il‑progress tax‑xogħol.

Se nkomplu bix‑xogħol tar‑resurfacing bit‑tarmak ta’ numru mhux ħażin ta’ triqat importanti u anke bl‑asfaltar ta’ toroq oħra f’inħawi diversi.

Parti mill‑ispiża tal‑maintenance tat‑toroq tiġi rikoverata mingħand is‑Servizzi.

Żvilupp Industrijali

Dan l‑iżvilupp huwa ta’ ħtieġa kbira u għandu l‑għan tiegħu t‑titjib tal‑qagħda ekonomika ta’ pajjiżna.  Diġà tlesta għadd konsiderevoli ta’ fattoriji u dawn diġà bdew jaħdmu.  Dan il‑mument, ix‑xogħol miexi sewwa fuq il‑kostruzzjoni ta’ tliet fattoriji fl‑Imsieraħ, waħda ta’ 25,000 pied kwadru u tnejn oħra ta’ 12,500 pied kwadru ‘l waħda.  Hemm il‑ħsieb li tinbena fattorija oħra ta’ 25,000 pied kwadru f’dan il‑lokal, iżda x‑xogħol jinbeda meta jittieħdu t‑tliet fattoriji l‑oħra. Biex l‑ilma tax‑xita ma jinħeliex, u wkoll biex ma jkompliex jiżdied l‑ilma tal‑wiċċ li jmur ġol‑wied tal‑Imsida, qed jinbdew żewġ ġibjuni kbar f’dan il‑post.

Dalwaqt jitlesta x‑xogħol fuq il‑fattorija ta’ Rigg‑Welts l‑Imrieħel.  Dil‑fattorija għandha floor area ta’ 135,000 pied kwadru u hija l‑ikbar waħda li nbniet s’issa. Kemmxejn ikbar minnha se tkun il‑fattorija li se tinbena barra l‑Mosta. Din se jkollha floor area ta’ 140,000 pied kwadru.  Il‑preparazzjoni tas‑sit hija diġà fl‑idejn min‑nies tal‑Gvern u diġà ħarġu l‑offerti biex jinbeda x‑xogħol tal‑kostruzzjoni. Hu mistenni li din il‑fabbrika titlesta fi żmien 12‑il xahar mil‑lum. 

Turiżmu

Fix‑xtajtiet l‑iktar popolari se jkomplu jsiru xogħlijiet oħra.  Dawn jikkomprendu l‑iżvilupp ta’ Qui‑Si‑Sana f’Tas‑Sliema, ta’ San Pawl il‑Baħar u tal‑Armier.

F’Kemmuna miexja ġmiela l‑kostruzzjoni ta’ lukanda li huwa ttamat li tinfetaħ għall‑bidu tas‑sena d‑dieħla.  Dan ix‑xogħol qed isir mill‑privat, iżda l‑Gvern qed jipprovdi s‑servizzi essenzjali.  Dawk li jikkonċernaw il‑Ministeru tiegħi huma d‑drenaġġ u t‑toroq.  Dwar id‑drenaġġ ġew imqabbdin konsulenti li ppreparaw scheme għal dan ix‑xogħol li jikkonsisti f’kostruzzjoni ta’ pumping station, ta’ septic tank u fit‑tqegħid ta’ kanen ta’ drenaġġ.  Ġol‑lukanda stess se jkun hemm żewġ sistemi ta’ drains, wieħed li jieħu l‑ilma tal‑banju – u dan jiġi ppumpjat ġo reservoir u wara jintuża għall‑irrigazzjoni – u l‑ieħor jieħu materjal u ilma maħmuġ.  Dan imur ġos‑septic tank sabiex jiġi purifikat qabel imur ġol‑baħar.  Dan ix‑xogħol miexi tajjeb u nisperaw li jkun lest ma jdumx.  It‑triqat qed jiġu mwessgħin fejn hemm bżonn u mogħtija t‑torba inkonnessjoni ma’ dan l‑iżvilupp turistiku.  Iktar ’il quddiem se jitħawlu s‑siġar u dalwaqt nibdew inħaffru spejjer għalihom.

Edukazzjoni

L‑edukazzjoni ta’ pajjiżna hija ta’ importanza kbira u ilu li nħass il‑bżonn li tingħata struzzjoni fuq bażi soda fil‑kamp edukattiv sabiex il‑poplu tagħna jkun jista’ jimxi akta ’il quddiem b’mod speċjali f’dik li hi edukazzjoni teknika.

Sabiex ikun jista’ jsir dan jinħtieġu kulleġġi u skejjel moderni u l‑Ministeru tiegħi ġie fdat bi programm ta’ kostruzzjoni ta’ dal‑bini.

Diġà nbeda x‑xogħol fuq il‑College of Arts, Science and Technology, il‑Ħamrun, u anke fuq it‑Technical Institute fl‑inħawi ta’ Corradino.  Qed jitkompla x‑xogħol fuq is‑Secondary Technical Schools waħda f’Corradino għas‑subien u l‑oħra fil‑Ħamrun għall‑bniet.  Fi żmien qasir ser jinbeda x‑xogħol fuq skola ġdida – Secondary Technical School – għas‑subien. Din se tkun bħal dik ta’ Kordin. Ġo Għawdex se jibda x‑xogħol fuq technical institute li jkun jesa’ madwar mitejn tifel.

Qed jitkompla x‑xogħol fil‑grammar school għall‑bniet il‑Blata l‑Bajda.  Din l‑iskola se tkun tesa’ ‘l fuq minn 1,500 tifla.

F’St Michael’s Training College qed isiru modifikazzjonijiet strutturali fl‑academic block ġdid u fiż‑żewġ dormitory blocks iż‑żgħar. Qed jinbena dormitory block ġdid u dan dalwaqt jitlesta.

F’dik li hi edukazzjoni primarja, qed jitkompla x‑xogħol fl‑iskejjel ta’ Ħ’Attard, Bormla, Fgura, Ħal Safi, Żejtun, il‑Belt, u fl‑iskola tal‑Marsa/Ħamrun.  Barra minn dan se nkabbru l‑iskejjel eżistenti ġo Ħad‑Dingli, is‑Siġġiewi, Naxxar, Ħal Qormi u l‑Mosta.  B’kollox dawn se jiżdiedu bi 80 klassi.  Ġo Għawdex nispera li jkun jista’ jitkompla x‑xogħol ma jdumx fl‑iskejjel ta’ Għajnsielem. San Lawrenz, Sannat u f’Victoria.

Dalwaqt jitlesta x‑xogħol fuq iċ‑ċentru għat‑tfal defiċjenti f’Malta.

Ġew provduti flus għal xogħol ta’ manutenzjoni fl‑iskejjel ta’ Malta u Għawdex.

Djar

Fil‑komunità ta’ Santa Luċija għadna kif lestejna blokk ta’ 16‑il flat u dal‑mument qed isiru t‑triqat u qed jiġu estiżi s‑servizzi għall‑plots biex dawn ikunu jistgħu jiġu mogħtija b’ċens għall‑bini wara sejħa għall‑applikazzjonijiet kif diġà sar.

Fil‑komunità l‑ġdida tal‑Imsieraħ telgħin żewġ ringieli b’14‑il dar‑il waħda u anke blokk ta’ 20 flat.  Beda x‑xogħol tal‑pedamenti fuq żewġ blokki oħra ta’ flats u ħwienet. Diġà ġiet imqiegħda l‑komunikazzjoni tal‑ilma u dal‑mument qed jiġi estiż id‑drenaġġ.  Aktar ‘il quddiem se jsir l‑elettriku.

Fil‑Furjana tlestew tmien flats ġodda fuq is‑sit li qabel kien okkupat minn St Francis Barracks u fit‑telgħa ta’ Raħal il‑Ġdid tlesta blokk ta’ 24 flat.

Se jitkompla x‑xogħol ġol‑Palazz tal‑Inkwiżitur il‑Birgu u se jiġu rikostruwiti t‑tenements fis‑Sur ta’ San Ġakbu fl‑istess belt: ġol‑Belt Valletta se jissewwew il‑ħsarat tal‑gwerra f’postijiet diversi.

Ix‑xogħol ta’ manutenzjoni fit‑tenements tal‑Gvern ser jibqa’ sejjer.

Saħħa

Fil‑grounds ta’ St Luke’s Hospital mixjin sewwa bil‑bini tal‑iSchool for Nurses li se tkun tesa’ 120 persuna.  Dal‑bini jikkonsisti f’erba’ sulari u se jkun fih il‑faċilitajiet kollha għat‑tagħlim f’din il‑vokazzjoni.  Se jkun fih ukoll teatru u sleeping quarters u se jkun hemm żewġ service lifts u passenger lift.

Dalwaqt jibda x‑xogħol tal‑kostruzzjoni tad‑doctors and students’ quarters li se jkunu jesgħu 42 bejn tobba u studenti.  Tlesta x‑xogħol tas‑central medical stores kif ukoll tal‑estensjoni tal‑laundry.

Fl‑Isptar ta’ St Vincent de Paul qed tiġi estiża l‑kċina ċentrali u x‑xogħol dalwaqt jitlesta.  Fl‑Isptar ta’ San Luqa, Gwardamanġa, ġie msewwi s‑saqaf taċ‑childrens’ wing.

Fl‑isptar tal‑mard tal‑moħħ tlesta blokk ġdid ta’ swali u x‑xogħol miexi tajjeb ħafna fuq il‑kostruzzjoni ta’ kċina ċentrali ġdida.  Qed jiġu ppreparati pjanti għall‑kostruzzjoni ta’ laundry ġdida.

Barra minn dawn ix‑xogħlijiet prinċipali qed isiru u se jkomplu jsiru xogħlijiet oħra fl‑isptarijiet kollha ta’ Malta u Għawdex.

Drenaġġ

Il‑policy tagħna hija li nestendu d‑drenaġġ f’kull villaġġ ġo Malta u Għawdex u anke fejn hemm bżonn li nibdlu s‑sewers eżistenti fejn dawn mhumiex adegwati jew li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas‑saħħa.

Xogħol importanti ferm li ser jitlesta dalwaqt huwa t‑tqegħid ta’ drenaġġ matul Marsa Cross Road sabiex ikun jista’ jitneħħa l‑overground sewer li bir‑riħa li jarmi huwa ta’ inkonvenjent kbir.  Dalwaqt jinbeda wkoll it‑tibdil tad‑drenaġġ mill‑pumping station tal‑Gżira sa The Strand Tas‑Sliema.  Dal‑kanen ta’ drenaġġ ilhom hemm ħafna u ta’ sikwit ifuru u joħroġ d‑drenaġġ minnhom u jħammeġ il‑baħar għax m’għadhomx ilaħħqu mal‑volum li jgħaddi minnhom.

Bdejna nqiegħdu l‑interceptor bejn il‑Gudja u Ħal Kirkop u se nibdew nagħmlu dak ta’ bejn Ħal Kirkop u Ħal Safi u wieħed ieħor ġo Ħal Għargħur.  Qed isir relief interceptor fl‑Imrieħel.  It‑tqegħid tad‑drenaġġ tal‑wiċċ tlesta ġol‑Gudja u f’parti ta’ San Ġiljan.  F’dan l‑aħħar post se joħorġu offerti għall‑installazzjoni tal‑ejectors.  Ejectors ġew installati wkoll f’Paceville wara li kien tlesta d‑drenaġġ.

F’ħafna postijiet oħra x‑xogħol tad‑drenaġġ tal‑wiċċ miexi sewwa.  Dawn il‑postijiet jinkludu Birkirkara, Mosta, Siġġiewi, Birżebbuġa (fejn dalwaqt jiġi stallat il‑makkinarju fil‑pumping station il‑ġdid), Dingli, Għargħur, Tal‑Virtù, Kirkop u l‑Wied tal‑Imsida.  Sa jittieħdu fl‑idejn l‑estenjoni tad‑drenaġġ il‑Mellieħa u l‑Imsieraħ.

Ġo Għawdex ser jitkompla d‑drenaġġ tal‑wiċċ in‑Nadur, ix‑Xewkija u Sannat u aktar ‘il quddiem ser jsiru interceptors bejn San Lawrenz, Għasri, Għarb għal Wied il‑Mielaħ; bejn Xagħra u Victoria, u bejn il‑Qala u Għajnsielem.  Kemm f’Malta u kemm f’Għawdex ser jitkomplew estensjonijiet żgħar tad‑drenaġġ u sakemm u fejn hu possibbli jiġu rifonduti flus lis‑sidien li kienu ddepożitaw flus biex isir id‑drenaġġ għall‑postijiet tagħhom.

Il‑maintenance tas‑sistema tad‑drenaġġ se jkompli sejjer u matul dis‑sena se jintnefqu madwar £116,000.  24% minn din l‑ispiża tiġi rikoverata mingħand is‑Servizzi.

Xogħlijiet Oħra

Ir‑rikostruzzjoni tal‑Qorti kien wieħed mill‑proġetti li dal‑Gvern ipprometta li jibda kif jieħu l‑ħakma f’idejh.  Il‑pjanti ta’ dal‑bini qed jiġu finalizzati u għandi pjaċir ngħid li x‑xogħol se jinbeda dalwaqt.

Se nibdew ukoll parti mill‑proġett tat‑teatru tal‑Periti Zavelani Rossi u Bergonzo.  Għal din is‑sena x‑xogħol ser jiġi kkonċentrat fil‑qtugħ tal‑blat li hemm fuq il‑ġenb tad‑daħla tal‑Belt.

Ix‑xogħol miexi sewwa fuq il‑bini ta’ moll f’Ta’ Xbiex: ma’ dal‑moll ikunu jistgħu jitrakkaw il‑yachts; se jkun twil madwar 1,400 pied u l‑Gvern biħsiebu jġib espert minn barra biex jagħtina parir fuq il‑faċilitajiet li jridu jsiru sabiex il‑bżonnijiet ta’ dawn il‑yachts jiġu moqdija sewwa.

Se nkomplu nipprovdu bus shelters fejn l‑aktar hemm bżonn u se nwaħħlu traffic signs u dwal għall‑moviment aħjar tal‑inġenji.

Ġew ipprovduti flus biex isiru playing fields għat‑tfal.  Biħsiebna nipprovdu play areas Santa Luċija, iż‑Żurrieq, il‑Mellieħa u n‑Naxxar.  Se jiġu ameljorati l‑playing fields li hemm ġor‑Rabat, Ħal Lija, u l‑Birgu.  Il‑policy ġenerali hija li l‑Gvern jipprovdi l‑art u l‑Malta Playing Fields l‑equipment neċessarju.  Safejn nistgħu se nkomplu mixjin f’dil‑proċedura.  Ġo Għawdex qed jitkompla x‑xogħol fil‑playing field tax‑Xagħra u f’dik tan‑Nadur.  Dan ix‑xogħol jaqa’ taħt il‑kontroll tal‑Kunsill ta’ Għawdex. 

Fid‑daħla ta’ Ta’ Xbiex u f’dik tal‑Imsida ser nibdew id‑dredging tal‑ħama li ilha tinġabar ħafna snin.

Ġol‑Mosta se jitkompla jitwaqqa’ l‑bini li jmiss mal‑knisja parrokkjali u minfloku ntellgħu civic centre għall‑uffiċini distrettwali tal‑Gvern.

Dalwaqt jitlesta l‑commercial post office f’South Street, il‑Belt.  Fadal l‑istallazzjoni tal‑lifts u xi xogħol ieħor. Xogħol ieħor li qed isir ġewwa l‑Belt huwa l‑kostruzzjoni tal‑bini li waqa’ bil‑gwerra ġo Merchants Street u jmiss mal‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann.  Dan qed isir bi ftehim mal‑Kurja.

Xogħol ieħor li għadu sejjer huwa r‑restawr tal‑koppla tal‑Knisja ta’ Sarrija; fil‑cattle shed, il‑Marsa nbnew żewġ swali kbar biex fihom jinżammu l‑baqar wara li dawn jitniżżlu minn fuq il‑vapur; il‑mina l‑antika tal‑ferrovija li minn ġo fiha għaddejjin il‑cables sfrondat – dil‑parti taħbat fil‑ġenb ta’ Kristu Re u issa qiegħda tissewwa.

Is‑swar fit‑Tlett Ibliet, fil‑Belt u l‑Furjana qed jissewwew u f’Għawdex ir‑restawr tat‑Torri tad‑Dwejra kważi lesta u dik tas‑Citadel f’Victoria ttieħdet fl‑idejn.

Monumenti importanti li qed jiġu restawrati jinkludu: Hookham Frère Monument, Hastings Monument, il‑Funtana tal‑Mainguard, Fleur de Lys Monument, Dolphin Foutain l‑Argotti, il‑main gate ġol‑Imdina u l‑funtana ġol‑Imġarr, Għawdex.

Ġo Għawdex se jsiru bus shelters ġo postijiet differenti u se jsir bus terminus ġo Victoria; se nkomplu nagħmlu s‑sistema ta’ surf breakers għall‑protezzjoni tal‑moll f’Marsalforn u fil‑Port tal‑Imġarr se jsir xogħol aktar ’il quddiem biex jissaħħaħ il‑break water; il‑Munxar se ssir għassa tal‑Pulizija ġdida u s‑Silver Jubilee Sports Ground se jiġi rranġat.  Se jitkompla x‑xogħol tas‑slipways f’postijiet diversi bħalma huma l‑Imġarr, ix‑Xlendi, id‑Dwejra, Daħlet Qorrox u Marsalforn.  Ħafna minn dax‑xogħol jaqa’ taħt il‑kontroll tal‑Kunsill.

Jidhirli li tajt idea mhux ħażin tal‑attivitajiet tad‑Dipartiment tax‑Xogħlijiet Pubbliċi u issa ser ngħaddi biex ngħid xi ħaġa fuq id‑Dipartiment tad‑Djar.

Nibda biex ngħid li s‑sena li għaddiet kienet waħda mill‑aħjar snin f’dak li jirrigwarda l‑bini mill‑Gvern ta’ postijiet ġodda u wieħed jista’ jgħid li l‑biċċa l‑kbira tal‑programm ta’ rental housing li kien ippjanat taħt il‑5 year plan ġie komplut matul is‑sena li għaddiet.  Ma’ din iċ‑ċirkostanza favorevoli jrid jitqies ukoll li tlestew ħafna djar oħra mibnijin bl‑assistenza tal‑Gvern taħt is‑Second Storey Scheme, jew Pilot Scheme kif inhi popolarment magħrufa, kif ukoll il‑fatt li matul din is‑sena beda jinħass l‑effett tad‑Decontrol Ordinance li ġiet ippubblikata f’April tal‑1959.  Ma rridx ngħid b’danakollu li l‑problema tad‑djar solviet ruħha, però, mill‑banda l‑oħra, wieħed jista’ jgħid li l‑problema m’għadhiex akuta daqs kemm kienet xi ftit snin ilu.

Id‑Dipartiment tad‑Djar huwa mqassam f’żewġ sezzjonijiet li huma inkarigati rispettivament minn:‑

a)    it‑tmexxija tal‑housing schemes; u

b)  l‑allokazzjoni ta’ postijiet tal‑Gvern u tal‑privat.

Taħt il‑housing schemes, id‑Dipartiment tad‑Djar huwa direttament responsabbli għat‑tmexxija tas‑Second Storey Scheme u r‑Reconditioning of Sub‑Standard Houses Scheme, filwaqt li x‑xogħol taħt il‑vot ta’ Rental Housing huwa f’idejn il‑Public Works li jimxi skont il‑ħtiġijiet u l‑pariri tad‑Dipartiment tad‑Djar.

Second Storey Scheme

Matul is‑sena finanzjarja 1961‑62 in‑nefqa totali taħt din l‑ischeme ammontat għal £76,000 li huma mqassmin f’£55,000 bħala self u £21,000 bħala free grant.  L‑ammont misluf lill‑benefiċjarju huwa ripagabbli lura lill‑Gvern matul perjodu ta’ 15‑il sena b’rata ta’ interessi baxxa ta’ 3%.

Bis‑somma li semmejt iktar ’il fuq, id‑Dipartiment approva 100 applikazzjoni u daħal għall‑kuntratt ta’ grant and loan mal‑applikanti rispettivi.  Matul l‑istess sena, ukoll, tlestew 208 post taħt is‑Second Storey Scheme li kienu ġew approvati matul is‑snin ta’ qabel.

Il‑policy rigward l‑approvazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall‑assistenza taħt din l‑iskema kienet li jiġu approvati biss dawk l‑applikazzjonijiet li kienu sottomessi minn persuni li xtaqu jabitaw huma stess fil‑postijiet ġodda, jew inkella xtaqu jagħtu dawn il‑postijiet lill‑uliedhom miżżewġin jew għarajjes.  F’dan l‑aħħar każ id‑Dipartiment insista li jiġi sottomess ċertifikat mill‑kappillan tad‑distrett rigward l‑għerusija tal‑applikant.

Minħabba l‑popolarità ta’ dan l‑iskema, id‑Dipartiment irċieva numru ferm ikbar ta’ applikazzjonijiet milli setgħu jiġu approvati bil‑fondi disponibbli u apparti mill‑kriterju li għadni kif semmejt, id‑Dipartiment ħa ħsieb biex japprova dawk l‑applikazzjonijiet li kienu jirrigwardaw il‑bini tal‑aħjar postijiet, speċjalment f’dawk il‑lokalitajiet fejn il‑Gvern ma kellux ħsieb li jimplimenta l‑kostruzzjoni ta’ djar u flats taħt ir‑rental housing.

ONOR. DOM MINTOFF:  Għidtilna fuq is‑sena l‑oħra.  Din is‑sena x’ġej?

ONOR. DR JOSEPH SPITERI:  Biex nispjega fejn baqa’ l‑istess.  Tajt daqsxejn ta’ background.  Inkompli:

Reconditioning of Sub‑Standard Houses Scheme

Din l‑iskema tipprovdi għall‑irranġar ta’ djar ħżiena permezz tal‑għoti ta’ mhux iżjed minn £70 lil kull applikant u matul is‑sena li għaddiet in‑nefqa totali fuq din l‑iskema kienet £19,631.  Għalkemm fit‑tmexxija ta’ din l‑iskema mhux suppost li jittieħed każ tal‑pożizzjoni finanzjarja kemm tal‑proprjetarju kif ukoll tal‑inkwilin tad‑dar li se tkun ser tiġi rranġata, imma biss tal‑istat tal‑fond inkwistjoni, madanakollu, minħabba l‑għadd verament kbir ta’ applikazzjonijiet li rċieva d‑Dipartiment għal għajnuna taħt din l‑iskema, ġie deċiż li din l‑għajnuna tingħata l‑ewwel lil dawk il‑familji li l‑iżjed kellhom bżonnha. Għaldaqstant, wara li ġie ppubblikat programm ta’ xogħlijiet għas‑sena finanzjarja 1961‑62, li fih ingħataw dettalji tal‑lokalitajiet u n‑numru ta’ postijiet li kellhom jiġu rranġati f’kull lokal, id‑Dipartiment ottjena lista ta’ dawk il‑familji f’kull distrett li l‑iżjed huma fil‑bżonn u beda biex irranġa dawk il‑postijiet kollha li setgħu jiġu rranġati.  Wara li ġew eżawriti dawk il‑każi u kien għad fadal il‑possibilità li jiġu rranġati xi djar oħra, id‑Dipartiment tella’ polza fost dawk l‑applikanti kollha li ħallew isimhom u l‑indirizz tagħhom mad‑Dipartiment.

Fil‑każ ta’ Għawdex, fejn ġew approvati 50 grant, l‑għażla tal‑applikanti ġiet deċiża wara rakkomandazzjoni tal‑Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex.

Matul is‑sena finanzjarja li għaddiet id‑Dipartiment approva 280 grant taħt din l‑iskema filwaqt li matul l‑istes perjodu ġew attwalment irranġati 281 post.

Rental Housing

Kif diġà għidt aktar ‘il fuq f’din l‑istqarrija, in‑numru ta’ postijiet tal‑Gvern li tlestew matul is‑sena li għaddiet kien wieħed mill‑fatturi li għin mhux ftit biex itejjeb il‑qagħda tad‑djar. Matul din is‑sena ntlaħaq it‑tmiem tax‑xogħol fil‑bini ta’ ħames blokki ta’ maisonettes fl‑Għeriexem, żewġ blokki żgħar f’Ħaż‑Żebbuġ, 12‑il blokka ta’ flats f’Qormi Housing Estate, filwaqt li l‑bini ta’ Santa Luċija kien għoddu kollu lest minbarra xi ftit xogħlijiet żgħar f’wieħed mill‑blokki.  Xogħlijiet oħra kienu mixjin ġmielhom fuq blokk ta’ 24 flat f’Paola Hill, blokk żġħir ta’ 8 flats fil‑Furjana, u nbeda x‑xogħol fil‑komunità ġdida tal‑Imsieraħ.

Il‑280 post li tlestew matul is‑sena kienu mqassmin hekk:‑

  Flats  Maisonettes  Terraced Houses
Santa Luċija 132 - 45
Għeriexen, Rabat 2 22 -
Żebbuġ  8 12 -
Qormi  32 - -
Luqa Road, Tarxien 13 - -
Paola Hill II 16 - -
Total  201 34 45



B’kollox 280

Dawn il‑postijiet ġew kollha mikrijin u okkupati matul is‑sena skont id‑diversi sistemi ta’ allokazzjoni li għandu d‑Dipartiment u li dwarhom nagħti dettalji aktar ‘il quddiem.

Allocations

Il‑postijiet kollha li jiġu f’idejn il‑Dipartiment tad‑Djar, kemm jekk ikunu proprjetà tal‑Gvern, kemm jekk ikunu proprjetà privata, jiġu allokati skont dawn is‑sistemi li ser insemmi:

a) allokazzjoni diretta;

b) avżati għall‑kiri fuq il‑points system għall‑familji;

ċ) avżati għall‑kiri fuq il‑points system għall‑għarajjes; u

d) avżati għall‑kiri bl‑offerta mid‑Dipartiment tal‑Art.

(Fil‑każ ta’ (ċ) u (d) ma jiġux avżati għall‑kiri postijiet ta’ proprjetà privata)

Taħt is‑sistema ta’ allokazzjoni diretta, id‑Dipartiment huwa responsabbli biex jipprovdi djar għal dawk il‑familji li jkunu żgumbrati inkonnessjoni ma’ xogħlijiet tal‑Gvern, il‑familji li jkollhom każ ta’ TB u li jkunu ċertifikati mis‑CGMO li jeħtieġu dar aħjar, u fl‑aħħarnett dawk l‑impjegati tal‑Gvern li jkunu jeħtieġilhom li jgħixu fid‑distrett fejn jaħdmu.

MR SPEAKER:  Nosserva lill‑Onor. Ministru li skadielu l‑ħin.

ONOR. DR P BORG OLIVIER (Ministru tas‑Saħħa):  Nipproponi li jkompli jinstema’.

ONOR. DR T CARUANA DEMAJO:  Nissekonda.

Motion agreed to.

Il‑mozzjoni ġiet approvata nem. con.

ONOR. DR JOSEPH SPITERI:  Nirringrazzja l‑proponent, is‑sekondant u l‑Kamra kollha talli estendewli l‑ħin.

Id‑Dipartiment huwa responsabbli wkoll biex jipprovdi akkomodazzjoni temporanja lil dawk il‑familji li jisfaw fi djar perikolużi wara li l‑eżistenza tal‑periklu tkun ġiet ċertifikata minn perit kompetenti.

Matul is‑sena finanzjarja li għaddiet id‑Dipartiment għamel 87 allokazzjoni diretta.  Biex wieħed ikollu stampa ċara tal‑ħidma tad‑Dipartiment, irid jitqies ukoll li ħafna każi tad‑Dipartiment jinqdew billi jaslu f’arranġamenti amikevoli ma’ sidien privati wara li tkun ħarġet requisition order, u għaldaqshekk ma jkunx neċessarju li ssir allokazzjoni diretta mid‑Dipartiment.

Points system għall‑familji

Matul is‑sena 1961‑62 id‑Dipartiment tad‑Djar ħareġ tliet avviżi għall‑kiri ta’ 107 postijiet imxerrdin f’diversi postijiet tal‑gżira. L‑applikazzjonijiet kollha li ntbagħtu ġew eżaminati bir‑reqqa mill‑Bord tal‑Allokazzjonijiet li huwa mwaqqaf apposta u l‑postijiet ġew kollha allokati lil dawk il‑familji li l‑aktar kellhom punti. Dan il‑Bord huwa kompost mis‑Segretarju tad‑Djar bħala Chairman, u jinkludi wkoll tabib u perit, it‑tnejn uffiċjali governattivi. L‑ewwel wieħed huwa responsabbli biex jiddikjara l‑validità taċ‑ċertifikati mediċi mibgħuta mill‑applikanti, mill‑punti di vista ta’ kwalifika għall‑punti żejda, filwaqt li l‑perit għandu l‑obbligu li jagħti parir lill‑Bord jekk l‑abitazzjoni ta’ applikant tistax titqies bħala slum u għalhekk tikkwalifika għal extra points.

Is‑sistema tal‑punti hija mħaddma kif se nispjega hawn taħt:

il‑ġenituri jieħdu kull wieħed 14‑il punt;

tfal taħt l‑10 snin jieħdu 10 punti;

tfal mill‑10 sa taħt it‑18‑il sena jieħdu 14‑il punt; u

tfal minn 18‑il sena ‘l fuq jieħdu 5 punti.

Fil‑każ ta’ tfal bejn 10 u 18‑il sena ta’ sessi diversi, jiżdied punt għal kull tifel jew tifla fil‑kategorija. Fil‑każ ta’ mard, il‑punti tal‑individwu konċernat jirduppjaw ruħhom, basta l‑mard ikun tali li jirrikjedi l‑provdiment ta’ dar oħra għall‑applikant.

Sa hawnhekk il‑punti jkunu għadhom taħt forma kwalifikattiva u jkun għad iridu jiġu diviżi minn numru ta’ kmamar li jkollu l‑applikant għad‑dispożizzjoni tiegħu.

Għal dan l‑iskop, kmamar ta’ taħt is‑60 pied kwadru ma jgħoddux, kmamar bejn is‑60 u d‑90 pied kwadru jgħoddu bħala nofs kamra, filwaqt li mid‑90 pied ’il fuq jgħoddu bħala kamra waħda.

Wara din id‑diviżjoni l‑punti isiru punti netti li jistgħu jintgħaddu magħhom biss 3 punti oħra fil‑każ li l‑post ikun dikjarat slum.

Is‑sistema preżenti hija intiża biex jinqdew dawk il‑familji li huma l‑iktar numerużi u li joqogħdu fl‑iċken postijiet, għalkemm il‑grad ta’ kompetizzjoni jvarja minn distrett għall‑ieħor u kien hemm xi ftit każi fejn il‑Bord kellu iżjed postijiet milli applikazzjonijet għalihom.  Min‑naħa l‑oħra, il‑kompetizzjoni għal postijiet tal‑Gvern ta’ kera baxxa hija aktar qawwija u għalhekk, numru ta’ familji li jgħixu f’kondizzjonijiet ħżiena ma jkunux jistgħu jinqdew.

Għalkemm huwa magħruf li huwa impossibbli li teskoġita sistema ta’ punti li taħdem perfettament fil‑każi kollha, b’danakollu jibqa’ l‑fatt li s‑sistema preżenti hija riżultat ta’ esperjenza ta’ numru ta’ snin li serviet u għadha sservi biex jinqdew ħafna familji li jistħoqqilhom dar oħra u li ma kienx ikun possibbli għalihom li jinqdew mingħajr is‑sistema.

Points system għall‑għarajjes

Matul l‑aħħar sena finanzjarja d‑Dipartiment tad‑Djar ħareġ tliet avviżi għall‑kiri ta’ postijiet ġodda tal‑Gvern għall‑għarajjes.  Dawn it‑tliet avviżi kienu jinkludu 32 post f’Santa Luċija, 4 postijiet fl‑Għeriexem, ir‑Rabat, u 3 postijiet f’Ħaż‑Żebbuġ.  Hawnhekk ma nistax ma nirrilevax li d‑domanda mill‑għarajjes għal dawn il‑postijiet kienet żgħira ħafna u kien hemm xi ftit tal‑każi wkoll fejn ma kien hemm l‑ebda applikazzjonijiet għal xi flats avżati għall‑kiri.  L‑għarajjes li jridu jsibu post fejn joqogħdu hemm bżonn jifhmu li l‑Gvern mhux ser jirriżerva postijiet battala għall‑għarajjes f’dawk il‑lokalitajiet  fejn għandu ħafna familji numerużi li għandhom bżonn il‑provediment ta’ dar aħjar fejn joqogħdu u jekk iridu jinqdew jinħtieġ li jikkonkorru għall‑postijiet li jiġu avżati għall‑kiri mid‑Dipartiment tad‑Djar minn żmien għal żmien.  Ta’ min ifakkar li l‑postijiet li joffri l‑Gvern huma kollha djar ġodda f’distretti konvenjenti mingħajr l‑irbit ta’ rigali u kondizzjonijiet oħra li ta’ spiss ikollhom jitgħabbew bihom l‑għarajjes fil‑kiri ta’ proprjetà privata.

Is‑sistma tal‑punti għall‑għarajjes hija mħaddma fuq il‑bażi tal‑età u l‑qligħ tal‑għarajjes u l‑allokazzjoni ssir favur dik il‑koppja li ttella’ l‑iżjed punti.

Kiri bl‑offerta

Matul l‑aħħar sena finanzjarja ħarġu offerti għal 118‑il post ġdid tal‑Gvern imqassmin fil‑lokalitajiet li ser insemmi:

Santa Luċija  85
Qormi Housing Estate 15
Rabat, Għeriexem 12
Żebbuġ 6
Total 118

 
 L‑offerti ġew maħruġa u l‑allokazzjonijiet sussegwenti saru mid‑Dipartiment tal‑Art, wara rakkomandazzjonijiet mill‑Housing Secretary.  Hawnhekk nixtieq insemmi li l‑kera li qed jirċievi l‑Gvern bħala riżultat ta’ dawn l‑offerti hija kważi l‑istess daqs kemm kienet tkun li kieku dawn il‑postijiet ġew mikrija b’kera fissa fuq il‑points system u l‑unika eċċezzjoni fejn l‑offerti għolew mhux ħażin kienet fil‑każ tat‑terraced houses ta’ Santa Luċija li  jikkostitwixxu proporzjon żgħir a paragun tan‑numru totali ta’ postijiet ġodda mtellgħin mill‑Gvern.

Nixtieq insemmi qabel ma nagħlaq dan l‑istatement li l‑policy tad‑Dipartiment tad‑Djar qiegħda tinżamm taħt studju kontinwu sabiex din tkun dejjem adegwata għas‑sitwazzjoni tad‑djar. F’dak li jirrigwarda l‑operazzjoni tal‑Housing Act, nista’ ngħid li d‑Dipartiment qed jinforza l‑poteri tiegħu mill‑inqas possibbli u nista’ nassigura l‑Kamra li d‑Dipartiment, invarjabilment jagħti konsiderazzjoni xierqa fejn jiġi ppruvat li r‑requisition order tista’ tkun ta’ hardship ġenwin għal proprjetarji jew inkwilini privati.  Id‑Dipartiment qiegħed jagħmel kull sforz biex il‑każi li għandu fuq il‑kotba tiegħu jakkomodahom kemm jista’ jkun fi proprjetà tal‑Gvern bl‑iskop li n‑numru ta’ rekwiżizzjonijiet enforzati fuq sidien privati jkun mill‑inqas possibbli.

Qegħdin jiġu studjati wkoll suġġetti oħra, bħalma huma building societies u slum clearance imma għadu wisq kmieni biex jingħataw aktar dettalji.

Niġi issa biex nagħti xi dettalji dwar ix‑xogħlijiet li twettqu mid‑Dipartiment tad‑Djar matul dawn l‑ewwel xhur tas‑sena finanzjarja korrenti.

Nibda biex ngħid li ma kien hemm l‑ebda tibdil fil‑policies tad‑Dipartiment f’dak li jirrigwarda l‑housing schemes u l‑allokazzjonijiet.

F’dak li jirrigwarda l‑approvazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall‑pilot scheme, il‑policy baqgħet li tingħata preferenza lil dawk l‑applikazzjonijiet magħmula minn proprjetarji li riedu l‑post għall‑abitazzjoni tagħhom jew ta’ uliedhom filwaqt li f’dak li jirrigwarda s‑Sub‑Standard Scheme kriterju ieħor barra dawk li semmejt qabel kien l‑addattabilità tad‑dar tal‑applikant li tiġi rranġata bis‑somma ta’ £70, li hija l‑massimu li jista’ jħallas il‑Gvern għal kull każ approvat.

Matul l‑ewwel sitt xhur ta’ din is‑sena ġew approvati 57 applikazzjonijiet taħt il‑pilot scheme filwaqt li matul l‑istess perjodu tlestew 56 post.  Għal dak li jikkonċerna s‑Sub‑Standard Scheme in‑numru ta’ grants approvati kien jammonta għal 115 filwaqt li 168 post ġew irranġati.  Mill‑bilanċ tal‑vot li qiegħed għall‑approvazzjoni tal‑Kamra huwa maħsub biex jiġu riservati flus biżżejjed biex jiġu approvati 50 grant għal Għawdex.

F’dawn l‑aħħar sitt xhur tlestew ukoll 40 post taħt il‑programm tar‑rental housing f’dawn il‑lokalitajiet:

Luqa Road, Tarxien 168
Il‑Furjana 8
Santa Luċija  16


Mill‑bidu tas‑sena finanzjarja korrenti l‑Bord  ....

ONOR. DOM MINTOFF:  Hawn m’hawnx mitkub, għaliex x’ġej m’għandniex mill‑vot li se nonfqu.

ONOR. DR JOSEPH SPITERI:  170.

ONOR. DOM MINTOFF:  Fis‑sitt xhur li fadal?

ONOR. DR JOSEPH SPITERI:  Le, matul is‑sena kollha, għaliex il‑vot naqas xi ftit.

ONOR. DOM MINTOFF:  Fis‑sitt xhur li ġejjin 14 allura?

ONOR. DR JOSEPH SPITERI:  Il‑vot naqas xi ftit.

ONOR. DOM MINTOFF:  Għaliex jekk hemm approvati 56, fadal 14 biss.

ONOR. DR JOSEPH SPITERI:  Żdied il‑vot tar‑reconditioning of sub‑standard u naqas dan  ...  tal‑allokazzjonijiet iddeċieda dwar l‑allokazzjon ta’ 53 post taħt il‑points system għall‑familji filwaqt li sitt postijiet oħra ġew avżati għall‑kiri għall‑għarajjes.  Matul l‑istess żmien id‑Dipartiment effettwa 75 allokazzjoni diretta skont il‑policy tal‑housing.

Għalkemm ippruvajt inqassar kemm jista’ jkun minħabba l‑fatt li Dipartiment wieħed hu vast u l‑ieħor qiegħed ħafna f’għajnejn il‑pubbliku minħabba n‑nuqqas ta’ djar, bilfors kelli nieħu ftit ħin mhux ħażin.  B’danakollu jien nispera li tajt lill‑Kamra idea mhux ħażin tax‑xogħol tal‑Ministeru tiegħi.

Jien lest biex nilqa’ ktirika li jogħġobhom jissuġġeruli l‑Onor. Membri.

Kondoljanzi (8 Nov 1920 - 6 Fra 2016)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 360 tat-Tnax-il Leġislatura tat-23 ta' Frar 2016

KONDOLJANZI

MR SPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Illum il-Kamra qiegħda tfakkar it-telfa tan-Nutar Joseph Spiteri li kien membru ta’ din il-Kamra kif ukoll ministru. B’tifkira ta’ din l-okkażjoni qegħdin nippubblikaw l-ewwel diskors tiegħu f’dan il-Parlament li sar fit-22 ta’ Ottubru, 1962. L-ewwel dirskors tiegħu n-Nutar Spiteri għamlu bħala ministru u fil-fatt huwa wieħed mill-itwal maiden speeches li qatt saru. Dak iż-żmien kien il-Ministru tax-Xogħol u d-Djar, imbagħad meta ġie elett fl-1966 kien il-Ministru tal-Industrija u l-Agrikoltura u mbagħad kien ġie elett it-tielet darba fl-elezzjoni tal-1971.

Lin-Nutar Spiteri niftakru sew meta kien ministru u niftakar li kien popolari ħafna fid-distrett tiegħi għax dak iż-żmien il-Mosta kienet fl-istess distrett man-Naxxar. Kien bniedem rispettabbli ħafna u kelli x-xorti li nitkellem miegħu meta konna niltaqgħu fil-każin tas-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar.

Preżenti llum hawn il-familjari tiegħu, li nsellmilhom minn hawnhekk. It-tfal tiegħu, in-nutara John u Tonio, it-tnejn huma ħbieb kbar tiegħi.

Issa nistieden lill-Onor. Godfrey Farrugia biex f’isem il-Gvern jagħmel il-kelmtejn għal din l-okkażjoni.

ONOR. GODFREY FARRUGIA: Sur President, f’isem il-Gvern nagħti l-kondoljanzi lill-familjari tan-Nutar Joseph Spiteri li serva f’din il-Kamra madwar 50 sena ilu. Jingħad li n-Nutar Spiteri kien politiku moderat li dejjem ħabb il-ġabra tal-familja u l-kumpanija tan-nies. Is-sabiħ tal-ħajja dejjem għarfu u dejjem involva ruħu mhux biss f’attivitajiet kurrenti imma anke f’attivitajiet kulturali. Fil-fatt, kien ukoll membru attiv tas-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar. Din il-banda dejjem għożżha.

In-Nutar Spiteri dejjem spikka fil-ħidma professjonali tiegħu u kien ġentlom. L-uffiċċju tiegħu kien it-tieni dar tiegħu u baqa’ jżuru sal-aħħar snin ta’ ħajtu. Din ir-rabta mal-professjoni tiegħu nistgħu ngħidu li kienet xi ħaġa li żammitu ħaj. Fuq kollox, in-Nutar Spiteri jibqa’ mfakkar bħala membru eżemplari u persuna li taf tħobb, kif ukoll bħala ministru li serva lil Malta fil-qasam tax-xogħol u d-djar. Grazzi.

MR SPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

ONOR. SIMON BUSUTTIL: Sur President, dan il-mument huwa speċjali ħafna għalija mhux biss bħala Kap tal-partit li kien membru tiegħu Ġużi Spiteri, imma anke fuq livell personali għaliex wieħed mill-għeżeż ħbieb li għandi huwa proprju t-tifel tiegħu, John. Insellem lilu u l-familja Spiteri li jinsabu hawnhekk fostna. Lil Ġużi Spiteri ma kontx nafu fil-politika għaliex hu ġie qabli però kont nafu permezz tal-familja tiegħu.

Sur President, nixtieq nagħmel tliet riflessjonijiet; waħda dwar Ġużi Spiteri l-bniedem politiku, waħda dwar Ġużi Spiteri l-bniedem ta’ professjoni u waħda dwar Ġużi Spiteri sempliċement bħala bniedem. Nibda b’Ġużi Spiteri l-politiku. Għadna kif tlifna l-aħħar politiku li kien ministru meta pajjiżna ħa l-Indipendenza. Għalhekk, f’ismi u f’isem dan il-Parlament nixtieq nirringrazzjah għal dak li għamel bħala politiku biex pajjiżna seta’ jikseb l-indipendenza tiegħu.

Ġużi Spiteri l-politiku kien ministru ta’ setturi ferm importanti f’mument ferm importanti għaliex pajjiżna kien għadu qed jagħraf xi tfisser li tkun indipendenti wara li għamilna 160 sena kolonja Ingliża. Ġużi Spiteri kien wieħed mill-arkitetti ta’ pajjiż li kien għadu kif ħa ċ-ċavetta tal-bieb tal-indipendenza u fetaħ dan il-bieb beraħ. Dan billi kien ministru tal-kummerċ, tal-industrija u tat-turiżmu, fost l-oħrajn, u allura nistgħu ngħidu li bena l-pedamenti tal-oqsma prinċipali tal-ekonomija tagħna. Immaġinaw ftit, Ġużi Spiteri għamel il-pedamenti tal-industrija tat-turiżmu u tal-manifattura li tant ingawdu minnhom illum!

Bla dubju ta’ xejn, bħala bniedem fil-politika Ġużi Spiteri daq kemm is-sabiħ tal-politika, u minn jaf kemm kellu sodisfazzjon għal dak li għamel, imma daq ukoll l-imrar bl-intriċċi li ġġib magħha l-politika, hu u l-familjari tiegħu miegħu.

Fortunatament ħallilna wirt fil-politika permezz tan-neputi tiegħu n-Nutar Ian Spiteri li huwa s-Sindku Nazzjonalista tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan. Insellimlu. Għall-inqas ħareġ wieħed għall-politika mill-familja Spiteri! Nittama li jibqa’ jagħmel biċċa xogħol tajba bħala sindku f’Ħal Balzan u anke lil hinn minn Ħal Balzan, kemm f’ismu kif ukoll f’isem il-familja tiegħu.

Nitkellem issa fuq Ġużi Spiteri bħala professjonist. Lil Ġużi Spiteri kulħadd jafu bħala n-nutar tan-Naxxar. Kif tgħid in-Naxxar tgħid Spiteri u kif tgħid Spiteri tgħid in-Naxxar! Kien kompletament marbut man-Naxxar! Bla dubju ta’ xejn il-professjoni tiegħu mhux biss mexxieha bi rġulija u b’integrità kbira imma għaddieha lil ġenerazzjonjiet oħra biex illum għandna ħafna Spiteri li huma nutara. U m’għandix dubju li fil-futur se nkomplu naraw aktar. Kif għedt tajjeb inti, Sur President, Ġużi Spiteri kien ukoll involvut fil-komunità Naxxarija u kien membru tas-Soċjetà Mużikali Peace.

Fl-aħħar nett nitkellem fuq Ġużi bħala sempliċement bniedem. Jien iltqajt miegħu l-ewwel darba meta kont għadni student tal-liġi u kont immur nistudja d-dar tiegħu mat-tifel tiegħu. Dak iż-żmien kont għadni żgħir u kelli sudizzjoni kbira minnu però dejjem nafu bħala bniedem ta’ serjetà kbira iżda fl-istess ħin ċajtier ħafna. Dejjem kont tarah bi tbissima u kien dejjem lest li jagħti parir. Kien ukoll bniedem umli ħafna. Tiskanta, bniedem ta’ dik l-esperjenza u ta’ dik l-istatura u xorta baqa’ umli. Fil-fatt, Ġużi huwa magħruf għall-umiltà kbira tiegħu u m’għandix dubju li din intirtet kemm mit-tfal tiegħu kif ukoll min-neputijiet.

Bħala bniedem kien iħobb ukoll l-isport, is-sajd, u fil-fatt it-tifel tiegħu Tonio huwa magħruf u maħbub sew mis-sajjieda ta’ Marsaxlokk, u iħobb l-annimali. Din tal-aħħar ma kontx nafha; qrajtha issa! Mhux ta’ b’xejn li John u t-tfal tiegħu jħobbu ħafna l-annimali! Fuq kollox kien bniedem kalm immens u naħseb li fil-politika l-kalma tgħinek ħafna għaliex tgħinek twassal l-argument tiegħek b’mod aħjar u anke tifhem lil ħaddieħor aħjar.

Sur President, il-wirt ta’ Ġużi Spiteri bħala politiku, bħala professjonista u bħala bniedem huwa kbir. F’isem l-Oppożizzjoni u f’isem il-Partit Nazzjonalista nsellimlu u nixtieq nirringrazzjah ta’ dak kollu li għamel. Insellem u nirringrazzja wkoll lill-familja tiegħu talli sellfitu lill-Partit Nazzjonalista u sellfitu lil pajjiżna, filwaqt li nagħtiha l-kondoljanzi. Nirringrazzjak.

MR SPEAKER: Grazzi. Nixtieq ngħid xi żgħira fuq Ġużi Spiteri li ġrat riċentement. Għat-tieni ġimgħa ta’ Jannar ġie s-Sur Joe Micallef mill-Amerika biex jiltaqa’ miegħi u ma’ xi persuni oħra f’dan il-Parlament. Is-Sur Micallef huwa awtur ta’ diversi kotba ġewwa l-Amerika u huwa wieħed mill-esponenti ewlenin tal-istorja tal-gwerra. Barra minn hekk, fi żmien il-President Jimmy Carter kien ukoll membru tal-istaff tal-White House. Ftit jafu bih il-Maltin dan. Il-familja tiegħu jsibuhom bħala tal-Barkuna u huma minn Għawdex.

Missieru kien membru tal-Gvern Nazzjonalista ta’ bejn l-1955 u l-1958 u n-nannu tiegħu kien ministru fi żmien il-Gvern Nazzjonalista tas-snin tletin. Meta konna qegħdin naraw ir-ritratti tal-Parlament tas-snin ħamsin u s-snin sittin sibna ritratt tal-ewwel Kabinett wara li Malta ħadet l-Indipendenza fl-1964 mar-Reġina. Is-Sur Micallef staqsieni min kien għadu ħaj minn dawk li kienu qed jidhru f’dan ir-ritratt u jien għedtlu li kien għad fadal in-Nutar Joseph Spiteri. Biex ftit wara, proprju fis-6 ta’ Frar, kellu jħalli din id-dinja. Qed ngħid dan għax ir-ritratti qegħdin hawnhekk u l-membri tal-familja jistgħu jarawhom.

Ovvjament il-ħajja trid tibqa’ miexja imma importanti li nfakkru l-persuni li għamlu l-ġid lil pajjiżna. In-Nutar Joseph Spiteri kien wieħed minn tal-ewwel li għamel il-ġid fil-pajjiż wara li ħadna l-indipendenza u għalhekk, ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra. Nitlob ukoll lill-Iskrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu. Nirringrazzjakom.

Electoral History

First Parliament:

Elected on: 22.2.62
Appointed Minister of Works and Housing: 6.3.62
Oath of Allegiance as Member: 26.4.62

First Parliament after Indipendence: 22.9.64
Ceased as Minister: 31.3.66

Second Parliament:

Elected on: 31.3.66
Appointed Minister of Trade, Industry and Agriculture: 7.4.66
Oath of Allegiance as Member: 25.4.66
Ceased as Minister: 17.6.71

Third Parliament:

Elected on: 17.6.71
Oath of Allegiance: 16.8.71
Dissolution of Parliament: 13.8.76

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
Karigi
Ministrru tax-Xogħlijiet u Djar - 05.03.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
Karigi
Ministru tal-Kummerċ, Industrija u Agrikoltura - 07.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976