Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Ms Mabel Strickland

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (29 Nov 1988)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 176 (Sitt Leġislatura) tad-29 ta' Novembru 1988

KONDOLJANZI

ONOR. GUIDO DE MARCO (Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Intern u Ġustizzja):Sur President, jiddispjaċini ninforma lill-Kamra b'dak li għadek kemm għidt int, bil-mewt ta' l-Onor. Mabel Strickland. Mabel Stirckland kienet Membru tal-Parlament tagħna għal diversi snin. Kienet figura illi okkupat spazju interessanti fil-ħajja politika ta' pajjiżna. Kienet personalita' illi indipendentement mill-fehmiet politiċi li kienet tħaddan hi, kienet rispettata speċjalment għall-kuraġġ morali tagħha u għall- mod kif hija kienet temmen f'dak li jidhirlha li huwa tajjeb politikament. Fl-istess ħin, Sur President, fil-milja tas-snin tagħha hija għarfet tiġġedded f'dak li huwa l-aħjar interess ta' pajjiżna. Miss Strickland kienet ġurnalista ta' stil u ta' saħħa. Naħseb li għaliha l-isbaħ perjodu ta' ħajjitha kien f'dawk is-snin meta fi żmien it-Tieni Gwerra Mondjali għarfet tkun editriċi tal-ġurnal "The Times of Malta" u nonostante il-bombardamenti kollha u ż-żmenijiet terribbli ta' l-assedju ta' Malta matul din l-gwerra, għarfet tara li "The Times of Malta", il-ġurnal li kien beda missierha, jibqa' joħroġ kuljum bla ebda interruzzjoni, minkejja l-blitz qawwi li fil-Belt Valletta ċertament kien tant pronunzjat.

Mabel Strickland kellha personalita' simpatika u kellha l-arti tal-persważjoni anke fir-rispett ta' differenza li seta' kien hemm mill-fehmiet tagħha. Hija kienet tagħraf illi anke jekk ma tistax taqbel ma' ħaddieħor f'diversi aspetti tal-ħajja politika ta' Malta, kellha l-buon sens kif taf tagħraf it-terren li huwa komuni fih, tagħraf tiżviluppa politika li tista' tgħaqqad iktar il-fehmiet tagħha u ta' dawk li jaqblu magħha ma' dawk il-fehmiet politiċi differenti minn tagħha.

Jiena kelli l-unur u l-privileġġ li fl-aħħar snin ta' ħajjitha nkun viċin ħafna ta' din il-personalita', u kont tara li allavolja kienet fl-aħħar snin ta' ħajjitha, hi baqgħet dejjem interessata fil-ħajja politika ta' pajjiżna li fiha għal tant tul ta' snin hija għexet u pparteċipat. Hija baqgħet dejjem turi interess sħiħ fil-ġurnal tagħha u baqgħet dejjem bl-istess kuraġġ tant li anke meta l-mard beda jaħkimha, hija baqgħet dejjem taffronta l-ħajja b'kuraġġ. Forsi l-iktar ħaġa li kienet tolqot lil min ra l-andament tagħha matul is-snin, hija s-serenita' li niżlet fuqha.

Il-familja Strickland hija familja assoċjata ħafna mal-politika ta' pajjiżna u hija importanti kemm għal dawk li qablu mal-politika ta' din il-familja li għal għexieren ta' snin ħadet sehem tant importanti fil-ħajja ta' dan il-pajjiż u anke għal dawk li ma qablux ma' din il-politika. Illum, Mabel Strickland daħlet bħala parti mill-istorja ta' dan il-pajjiż u wieħed iħares lejha fil-perspettiva ta' dan il-pajjiż. Jien konvint, Sur President, li Malta kollha kemm hi tħares lejha bħala waħda mill- ewwel nisa f'Malta li tat sehemha fil-ħajja politika ta' pajjiżna. Naħseb li dawn huma memorji xierqa ta' Mabel Strickland li llum f'din il-Kamra qegħdin insellmulha fl-okkażjoni tal-mewt tagħha.

THE DEPUTY SPEAKER(L-Onor. Manuel Borda): Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni.


ONOR. KARMENU MIFSUD BONNICI (Kap tal-Oppożizzjoni): L-Oppożizzjoni tissieħeb mas-sentimenti ta' dulur fil-mewt ta' Mabel Strickland, iżda ma taqbilx mal-veduti espressi mill-Kap tal-Kamra. Mabel Strickland f'għajnejn l-Oppożizzjoni kienet persuna importanti fil-ħajja politika, ġurnalistika u pubblika ta' pajjiżna għal numru ta' snin. Għall-maġġoranza ta' dawn is-snin, l-Oppożizzjoni Soċjalista hija dejjem tolleranti u tirrispetta dejjem il-veduti anke ta' nies li jkunu avversarji. Fil-mewt ta' kull persuna ninsew id-differenzi u neloġjaw il-virtujiet u l-kwalitajiet sbieħ tal-persuna. Anke f'din l-okkażjoni m'inix se nonqos milli nissottolinea l-fibra ta' din il-persuna u l-ħeġġa li kellha biex l-għanijiet tagħha, li aħna ma konniex nikkondividwu, tilħaqhom.

Nixtieq ukoll li f'din l-okkażjoni nwasslu s-sogħba tagħha lill-familjari ta' din il-persuna. (Onor. Membri: Hear, hear)

THE DEPUTY SPEAKER: Is-Sedja wkoll tingħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra, u nitlob lid-Deputat Skrivan tal-Kamra biex iwassal il-kondoljanzi lill-familjari ta' l-Onor. Mabel Strickland.

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġiet eletta: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
Karigi
Mexxej tal-Partit - 26.04.1962
Tmiem: 15.02.1966
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966