Tifkira ta'
John Vella
fil‑Kamra tad‑Deputati
Parlament ta’ Malta
27 ta’ Frar 1939 – 3 ta’ Marzu 2025
Membru tal‑Kamra tad‑Deputati bejn id-9 ta’ Mejju 1983 u l-10 ta’ Marzu 2003
John Vella
bħala
Membru tal‑Kamra tad‑Deputati
L‑Ewwel Diskors tal‑Ex Deputat Parlamentari John Vella fil‑Kamra tad‑Deputati, Parlament ta' Malta fis‑Seduta numru 234 tal‑Tlieta, 26 ta’ Frar 1985
IL‑ĦAMES LEĠIŻLATURA
ABBOZZ TA' LIĠI LI JEMENDA L-ORDINANZA DWAR
IL-PROFESSJONI MEDIKA U L-PROFESSJONIJIET LI GĦANDHOM X'JAQSMU MAGĦHA
MEDICAL AND KINDRED PROFESSIONS
(AMENDMENT) BILL
ONOR. JOHN VELLA: Mr Speaker, meta seba’ snin ilu skorruti din il-liġi prinċipali ġiet biex tiġi emendata, ir-raġuni prinċipali tagħha kienet - din hija ħaġa li jaqblu fuqha ż-żewġ naħat u kienet qablet fuqha anke l-MAM - għaliex ma kienx qed ikun hemm biżżejjed housemen ġo St Luke’s.
Issa għandna dan l-Abbozz ta’ Liġi li r-raġuni prinċipali tiegħu hija li “jipprovdi għal aktar oqsma ta’ dmirijiet li jistgħu jagħmlu t-tobba li jkunu għadhom jilħqu”. Għaliex u x’jiġifieri dan? “Għaliex” diġà għamlu riferenza għaliha diversi minn sħabi. Żgur diġà hemm numru ta’ tobba u dan in-numru ta’ tobba fil-futur viċin ħafna se jiżdied u naħseb li l-Ministru għandu raġun, irid isibilhom xogħol ħa jaraw x’jagħmlu. Ir-raġuni għaliex tmien snin ilu jew seba’ snin u nofs ilu saret dik il-liġi, jiġifieri għax ma kienx se jkun hemm biżżejjed tobba, illum spiċċat u allura se naraw kif nirranġawha. Xi tfisser din il-liġi? Din il-liġi tfisser illi lil dawn it-tobba se nagħtuhom skop li joħorġu f’servizzi oħra barra mill-kliniċi u barra mill-isptar. “Servizz ieħor” x’jiġifieri? School medical service? Jista’ jkun. Servizz ieħor jiġifieri port medical service, kif qed jgħid il-Ministru. Forsi raġuni ta’ din il-liġi hija biex inġibu f’postu xi ksur li diġà qed isir ta’ din il-liġi? Kien hemm minn dawn it-tobba li għadhom mhumiex liċenzjati illi ħarġu jagħmlu house calls barra?
ONOR. VINCENT C. MORAN: On their own.
ONOR. JOHN VELLA: On their own?
ONOR. VINCENT C. MORAN: U ġibniehom il-Qorti.
ONOR. JOHN VELLA: Le, le, on their own qed nirriferi li ħarġu mill-poliklinika. (Interruzzjonijiet) Le, le, mhux as private practice qed ngħid jien imma li ħarġu mill-poliklinika jagħmlu house calls fid-djar.
Kien hemm min ħareġ mill-poliklinika jagħmel house calls fid-djar? Jekk kien hemm dan kien ksur ta’ din il-liġi. Qed nagħmlu din il-liġi biex nirregolarizzaw dan il-ksur jew qed nagħmlu din il-liġi bil-ħsieb li ndaħħlu n-National Health? Jekk hu hekk, jien ngħid li veru wasal iż-żmien, anzi forsi diġà għadda ż-żmien li kellna ndaħħlu n-National Health. Din hija ħaġa li ż-żewġ partiti jaqblu fuqha u kienet fil-programmi taż-żewġ partiti. Li ma naqblux fuqu forsi huwa l-mod kif isir dan. Aħna spjegajna lill-poplu qabel l-elezzjoni, spjegajnielu x’ridna ngħidu b’National Health. Aħna minn dejjem ridna li meta ssir in-National Health - u din iriduha ż-żewġ naħat - ...
ONOR. MEMBRU: Taqblu?
ONOR. JOHN VELLA: U żgur li naqblu! Din ilha fil-programm tagħna, mhux l-aħħar wieħed anke ta’ qabel. (Interruzzjonijiet)
THE DEPUTY SPEAKER: Qed jagħmel il-maiden speech.
ONOR. JOHN VELLA: Le, le, naqblu fuqha din. (Interruzzjonijiet) Meta ngħidu fuq in-National Health, aħna għamilnieha ċara u tonda illi waqt li rridu n-National Health, irridu li l-pazjent ikollu l-għażla libera tat-tabib. Nispera li b’din il-liġi li forsi wieħed qed jaħseb aktar ‘il quddiem għan-National Health, m’aħniex se nimponu fuq il-pazjenti tagħna tobba li għadhom jilħqu. Uħud minnhom veru kapaċi ħafna - naf xi wħud minnhom jien - imma l-Ministru jaf kemm l-esperjenza hija importanti. Għalhekk aħna ninsistu li meta jsir xogħol bħal dan ikun taħt supervision. Jien nixtieq kieku l-Ministru jgħidli fuqha din il-biċċa xogħol, jekk għandux il-ħsieb li jsir in-National Health u jekk hijiex l-intenzjoni primarja ta’ din il-liġi. Jekk se tkun hekk, nixtieq li l-Ministru jgħidli kif dawn it-tobba se jkunu sorveljati. Għax jaqbel żgur il-Ministru li fil-bidu dawn it-tobba bilfors ikollhom bżonn ta’ sorveljanza.
Però qabel naħsbu fin-National Health li jien għidt li wasal iż-żmien u hemm bżonnha, mhux aħjar l-ewwel induru dawra madwarna u nirranġaw ftit aħjar is-servizz li qed jingħata ġol-isptar, norganizzawh ftit aħjar? Jien naħseb li l-Ministru jaf, u sħabi tan-naħa l-oħra jafu wkoll għaliex kuljum - ma tgħaddix ġurnata - tiġi xi pazjenta u tgħidlek: Tabib, tilfuli l-istorja. Jiġi pazjent ieħor u jgħidlek: Tabib, tilfuli l-X-ray. Xi ħadd ieħor jgidlek: Mort hemm u sibt li qalbuli l-appuntament, qaluli biex immur darb’oħra. Imma għaliex għandhom jiġru dawn? Jien nappella lill-Ministru ... Dawn affarijiet li jiġru ta’ spiss. Hemm xi ħaġa ħażina fl-administration, fil-filing system? Għaliex diversi pazjenti għandhom jerġgħu jieħdu X-rays mill-ġdid? Dawn spejjeż żejda għall-Ministeru u, li hu aktar ħażin, il-pazjent jiġi espost għar-raġġi li jistgħu jkunu ta’ deni għalih. Żgur li hemm bżonn x’wieħed jirranġa f’dik li hi administration ġo St Luke’s. Kif qal ukoll sieħbi Dr Tabone, jiddispjaċik tara St Luke’s mimli tobba barranin. Jien jidhirli li fi sptar bħalma hu St Luke’s għandu jkollna l-aħjar speċjalisti Maltin, speċjalisti li jistgħu jaqdu lill-poplu, li jridu jaqdu lill-poplu, speċjalisti li nafu hemm ħafna minnhom qegħdin barra u jixtiequ jiġu jaħdmu Malta ... Il-Ministru qalli: Il-bieb miftuħ. Veru miftuħ, imma taħt liema kondizzjonijiet? Taħt liema kondizzjonijiet? Nafu li hemm tobba li telqu - kienu għadhom studenti - mill-1977 ‘l hawn li mhux talli saru tobba hemmhekk, barra minn Malta, talli għamlu post-graduate course u anke għandhom post-graduate degrees u huma tajbin ħafna. Dawn xi jsir minnhom biex jaħdmu hawnhekk? X’jirrikjedu? Ma naħsibx li japplikaw biss. Naħseb li jridu wkoll jagħmlu dawk is-sentejn ...
ONOR. VINCENT C. MORAN: Issa nispjegalek.
ONOR. JOHN VELLA: Kollox sew. Dr Tabone għamel riferenza wkoll, waqt li kien qed isemmi t-tobba barranin, għal xi tabib li l-Ministru seta’ jaf li ma kienx tabib u meta nduna neħħieh. Jiena naf tabib barrani li l-Ministru meta sar jaf bih ... Kien daħal hemmhekk bi kwalifiki ta’ tabib - skont il-Ministru - u kien tabib skont il-kwalifiki li ppreżenta, però dan waħħal fuq sidru li hu “Chest Physician” u għamel żmien - mhux twil ħafna - ġo St Luke’s. Meta l-Ministru nduna, mill-ewwel sab postu barra. Jiena naf bih dan u jekk irid il-Ministru wara anke nagħtih ismu. Dan kien wieħed mill-ewwel tobba li daħlu.
Jien nixtieq nistaqsi wkoll lill-Ministru: Dawn it-tobba li jkunu għadhom jilħqu u li se jingħataw iċ-ċans li jaħdmu barra mill-isptar u jaħdmu f’oqsma li - għandi nifhem jien - ikunu house calls li joħorġu mill-polyclinics, forsi xi sistema ta’ National Health, dawn it-tobba li jagħmlu dan ix-xogħol se jkollhom dritt li jagħmlu investigations għal ġol-isptar kif iridu huma? Jekk se jkollhom, din hija discrimination kbira ma’ tobba oħra bħali ... (Interruzzjonijiet) Il-Ministru qed jgħidli li le. Però jiena nixtieq ngħidlu li minn mindu sar l-istrajk tal-1977 ‘l hawn, ċerti investigazzjonijiet li konna nistgħu nagħmlu bħala tobba, aħna llum il-ġurnata ma nistgħux nagħmluhom. Pereżempju, jekk jien nixtieq nieħu X-ray ta’ idejn ta’ pazjent, jiena din ma nistax nagħmilha, irrid nibagħtu l-Casualty l-ewwel. Jekk, pereżempju, ikollok nies - u minn dawn ikollna diversi każi - li jilmentaw b’uġigħ f’daharhom, ħafna drabi l-pazjent ikun irid iserraħ rasu li m’għandu xejn f’dahru u allura trid teħodlu X-ray ta’ dahru. Bħala tabib illum ma tistax taqbad u tibagħtu jieħu X-ray ta’ dahru; trid bilfors tagħmillu karta biex imur jara lill-consultant fl-isptar, tagħmillu xi appuntament li jdum xi 15-il ġurnata, tieħu appuntament ta’ pazjent ieħor ... Issa dan kulma jkun jirrikjedi huwa X-ray ta’ dahru. Minħabba f’hekk l-Outpatients qed ikunu iktar iffollati milli hemm bżonn. Qiegħed insemmi biss il-każ tad-dahar. Jekk, pereżempju, wieħed jara kemm-il każ minn dawn ikun hemm żgur isib li l-Outpatients fl-Orthopaedic se jonqsu b’numru konsiderevoli jekk it-tabib tal-familja jingħata mhux il-privileġġ imma d-dritt li jordna X-ray tad-dahar ta’ xi ħadd. Nistaqsi lill-Ministru: Għaliex jiena ma nistax nordna full blood picture ta’ xi ħadd? Mhux jien biss, imma lanqas speċjalista fil-privat ma jista’ jagħmilha din. Din hija importanti ħafna.
Jiena ma ninsa qatt il-każ ta’ xi ħadd li madwar sena jew sena u nofs ilu daħal l-ispiżerija b’anemija qawwija fuqu. Ridt nibagħtu St Luke’s u ma riedx imur. Għidtlu: “Għallinqas mur ħu t-test tad-demm”. Nirringrazzja lit-technician, li ma nafx min kien, talli ċempilli minn St Luke’s u qalli: “Tabib, skużani, jien ma nistax nagħtik full blood picture, però minn jeddi għamiltu u se nagħtihulek fuq it-telephone għax jien dan ma nistax niktbu”. Kien każ importanti ħafna u nirringrazzjah lil dan it-technician.
Imma għaliex aħna bħala tobba m’għandux ikollna riżultati kompleti ta’ dawn l-affarijiet? Qabel l-1977 dawn kienu jsiru. Dan it-tibdil sar – għax nista’ naħseb għaliex sar - għax forsi ħasbu li se jiġu flooded b’diversi investigations żejda u billi dak iż-żmien, fil-bidu li bdew, ma kellhomx tobba biżżejjed biex jagħmlu dawn l-investigazzjonijiet, iddeċidew li jsir the barest minimum u nieqfu hemm. Dan huwa ħażin ħafna. Jien inħeġġeġ lill-Ministru biex għall-inqas dan is-servizz ta’ investigations mhux speċjalizzati ħafna, għall-inqas investigations li jitolbu general practitioners, jerġgħu jingħataw lura kif kienu jsiru qabel, u anke forsi xi ħaġa iktar. Diġà semmejt li jekk wieħed idaħħal li tabib fil-privat jista’ jordna X-ray tad-dahar f’St Luke’s, l-out-patients mill-Orthopaedic se jonqsu ħafna. Naħseb li din jikkonfermawha sħabi tan-naħa l-oħra.
Mr Speaker, issemmiet ukoll l-etika. Kif qal il-ħabib tiegħi l-Onor. George Vella, fil-professjoni medika Maltija għandna biex niftaħru li t-tobba l-antiki nett u forsi anke s’issa, l-etika dejjem żammejnieha f’livell għoli kemm stajna. Dan sa fejn naf jien. Ma nafx jekk kienx hawn każi ta’ tobba li kellhom jittellgħu l-Qorti u affarijiet bħal dawn fuq xi ksur ta’ etika kerha ħafna. Nispera u nawgura li dan ma jsir qatt. Però inkwetajt nisma’ lill-ħabib tiegħi George Vella jgħid li hemm bżonn li noqogħdu attenti għax forsi xi wħud mit-tobba ż-żgħar qegħdin jiċċappsu minn ċerti affarijiet. Naqbel mal-ħabib tiegħi George Vella li fejn jidħlu ċerti affarijiet, partikolarment fejn jidħlu mediċini li l-aġenti jiġru warajk u tiċċappas magħhom, dan huwa ħażin ħafna. Huwa preokkupanti ħafna l-fatt li mill-polyclinics qed joħorġu ċerti mediċini - humiex tajbin jew ħżiena jiena m’iniex se nidħol fihom, imma allaħares huma ħżiena - mhux għax jiġu ordnati minn St Luke’s ... (Interruzzjonijiet) Joħorġu riċetti tal-istess ditta. Mhux talli hekk, talli nista’ ngħid lill-Ministru li persuna daret diversi spiżeriji u qaltilhom: “Ordnaw u stokkjawahom dawn il-mediċini għax it-tobba tal-polyclinics se jordnaw minn dawn il-mediċini biss”.
ONOR. MEMBRU: ... ilbieraħ semmejna l-ismijiet.
ONOR. JOHN VELLA: Jiddispjaċini, jien m’iniex se nsemmi ismijiet. Jien ma smajthomx. M’iniex se nsemmi ismijiet. Imma din hija verità u nispera li jittieħdu passi fuq dawn l-affarijjiet. Jien fuq il-biċċa tat-tobba daqshekk kelli xi ngħid.
Ridt ngħid xi ħaġa wkoll fuq l-amendment ta’ section 17, li hawnhekk tiġi section 4, fejn jgħid illi jekk it-technicians tal-ispiżeriji jkollhom kwalifiki biżżejjed from a foreign country, dawn jistgħu jiġu kkonsidrati mill-Pharmacy Board. Jien naħseb li mhux hekk biss; naħseb u nitlob illi ninsistu li jagħmlu l-eżami kif inhu mitlub mill-oħrajn li hawn f’Malta. Dan barra li ċerti ditti jagħmlu ċerti courses għat-technicians li mhux bilfors ikunu bl-istess kondizzjonijiet li jkollna hawnhekk. Forsi l-courses li jagħmlu jkunu aħjar imma wieħed irid jarahom dawn. U għaliex, jekk huma tajbin, m’għandhomx joqogħdu għall-eżami li għandu jsir hawnhekk? Jidhirli li dan l-eżami jsir regolarment. Jien nitlob lill-Ministru li barra milli jikkonsidra jekk il-parti fejn ikunu għamlu t-training hix tajba jew le, nitolbu jikkonsidra wkoll jekk għandux iġegħelhom jagħmlu l-eżami wkoll.
Rigward il-ħin ta’ spiżerija li tista’ tinżamm miftuħa fin-nuqqas tal-preżenza tal-ispiżjar ma tantx hemm wisq xi tgħid fuqha, però naħseb illi l-ħin ta’ 30 minuta huwa qasir wisq. Huwa importanti li l-ispiżjar ikun hemm kuljum biex jimmaniġġja u biex jidher li qed jimmaniġġja l-ispiżerija, għax jiddispjaċini ngħid illi f’ċerti spiżeriji lanqas taf li jeżisti l-ispiżjar. Però naħseb li huwa ftit wisq il-ħin ta’ 30 minuta li jista’ jkun nieqes at one time, partikolarment jekk ikun joqgħod ‘il bogħod bħal, fejn naf jien, il-Mellieħa jew xi ħaġa hekk. Anke jekk ikollu bżonn imur jagħmel qadja l-Belt jew il-Qorti, 30 minuta hija ftit wisq. Nitolbu jikkonsidraha ħaġa bħal din. Però filwaqt li nitolbu jikkonsidraha, nitolbu wkoll illi jittieħdu l-passi neċessarji biex jaraw illi l-ispiżjar ikun physically present, b’mod li jkun jidher li l-ispiżjar ikun qed jimmaniġġja l-ispiżerija, mhux ma jidher qatt!
Fuq il-kwestjoni tad-drogi nieħu gost nara illi l-Ministru qed jaħseb għal multi u piena ta’ ħabs kbar Jien dawn naqbel magħhom. Mhux il-mument hawnhekk li nidħlu fuq il-problema tad-drogi, però lbieraħ jien għamilt mistoqsija lill-Ministru fuq hekk, fis-sens illi dak li jinqabad, flok twaddbu l-ħabs jew twaħħlu l-multa, tibagħtu f’istituzzjoni tajba. Ħadt gost li l-Ministru rrispondieni u qalli li qed isiru l-arranġamenti biex isir dan imma l-istituzzjoni żgur li m’għandhiex tkun f’Mount Carmel Hospital. Nafu biżżejjed kemm hawn każi u, kif diġà għidt, mhux il-mument li nidħol fuqha bħalissa.
L-aħħar ħaġa u nagħlaq biha. Naqbel ħafna - u qbilt ħafna miegħu llejla – ma’ dak li qal il-ħabib tiegħi George Vella - konna kollegi flimkien fl-istess bank – meta tkellem fuq il-każi tar-riklamar u fuq dawk is-servizzi kurattivi li jistgħu jsiru. Jien naqbel ħafna fejn semma l-masseurs u mhux masseurs, u nikkonferma dak li qal fuq ċerti masseurs, li jiktbu ċerti affarijiet li anke aħna t-tobba nibżgħu minnhom. Jien nassigura lill-Ministru li riċetti ta’ Butazolidine u Tanderil rajthom miktubin meta ma jagħtuhomlhomx huma wkoll. Dawn l-affarijiet hemm bżonn li jieqfu u ma gaħndhomxjiġu tollerati iktar. Nitlob lill-Ministru biex jieħu l-passi kollha neċessarji fuq din il-biċċa xogħol. Dawn ma tantx għandna minnhom. Però għandna minn Ħal Qormi, miż-Żejtun, Ħal Luqa u l-Mellieħa.
Sur President, dawn huma l-ftit kummenti li kelli xi ngħid, kelli kummenti oħra li qaluhom kelliema oħra. Nispera li għamilthom b’sens ta’ responsabbiltà kif huwa d-dover tiegħi bħala Deputat u bħala tabib. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)
Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 322 tal-Erbatax-il Parlament tal-Erbgħa 12 ta' Marzu 2025
KONDOLJANZI
L-ISPEAKER (Onor. Anġlu Farrugia): Ngħaddu għall-kondoljanzi fir-rigward tal-mibki t-Tabib John Vella li kien Membru Parlamentari bejn l-1983 u l-2003 u li ħalliena fit-3 ta’ Marzu, 2025. Qed nara lill-familjari; lil martu Simone, lit-tfal David u Christine kif ukoll lil ħuh Lino. Insellmilkom minn hawnhekk. Hawnhekk għandna l-ktejjeb li noħorġu kull meta jkollna Membru Parlamentari li jgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem li fih ikun hemm diskors partikolari li jkun għamel fil-bidu tas-seduti meta jkun daħal fil-Parlament.
Issa nistieden lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg.
ONOR. IAN BORG (Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu): Sur President, il-Gvern jingħaqad mas-Sedja u mal-Oppożizzjoni fil-kondoljanzi tal-Eks Deputat Parlamentari t-Tabib John Vella li kien Membru ta’ din il-Kamra mid-9 ta’ Mejju tal-1983 sal-10 ta’ Marzu tal-2003. Ovvjament kif jindikaw anke d-dati, jien minn ġenerazzjoni oħra u allura ma ħdimtx u ma ltqajtx mat-Tabib Vella però tkellimt ma’ Deputati fid-distrett li huwa serva u anke ħadt pjaċir naqra l-artiklu tal-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici proprju nhar il-Ħadd li għadda fil-ġurnal Il-Mument bħala tislima.
Tieħu pjaċir taqra u tinnota l-kummenti tal-kollega tiegħi fuq it-Tabib John Vella, fuq l-erba’ leġiżlaturi li huwa serva u kif b’mod professjonali kien wieħed li ma jantagonizzax u ma jikkonfrontax l-individwu, il-messaġġier, imma jiddiskuti u jiddibatti l-materja li jkun hemm għad-diskussjoni.
Għaldaqstant jien tal-fehma, bħall-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici, li għandna bżonn iżjed politiċi minn dawn, li fil-ġenerazzjoni tat-Tabib Vella kienu bosta. Hawnhekk niltaqgħu okkażjonalment biex insellmu lil dawk li ġew qabilna u servew. Ovvjament ma jfissirx li l-fatt li politiku ma jkollux karatteristiċi antagonizzanti, hu, il-familja tiegħu u l-qraba ma jġorrux il-piż waqt li jkun qed iservi. F’erba’ leġiżlaturi min jaf kemm it-Tabib John Vella ddedika ħin lil hinn mill-familja, kif nagħmlu aħna lkoll. Għaldaqstant f’isem il-Gvern ningħaqad miegħek, Sur President, biex insellem lill-familjari tat-Tabib John Vella u nirringrazzjaw lilu u lill-qraba tiegħu għas-servizz li huwa ta lill-pajjiż. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Grazzi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni.
ONOR. BERNARD GRECH (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, ikolli nammetti li lit-Tabib John Vella ftit li xejn kont nafu personalment u allura mhu se nipprova bl-ebda mod nagħmel dan id-diskors fuq bażi personali. Jien tlabt lill-koetanju tal-għażiż tagħkom John biex dak li se ngħid ikun meħud ukoll f’dan il-kontest; li dan huwa kliem li ġej min-nies li ħadmu miegħu u għexu miegħu l-politika fil-Parlament, fil-Partit Nazzjonalista u ovvjament fuq il-frontline f’pajjiżna.
Għalkemm ma kellix il-kuntatt personali daqskemm għandna hawnhekk u daqskemm xtaqt, xorta waħda dawn il-kwalitajiet huma evidenti meta wieħed jaqra u anke kien josserva mill-bogħod lill-istess Tabib Vella. Kieku kelli niġbor il-ħajja tat-Tabib John Vella fi ftit kliem kont nuża dawn it-tliet kelmiet: umiltà, lealtà u onestà.
Umiltà. John Vella serva bħala Deputat Nazzjonalista fil-Parlament għal snin twal. Fil-fatt għamel 22 sena, mis-snin diffiċli tal-bidu tas-snin tmenin sal-2003. Dejjem serva lil pajjiżu u lill-Partit li tant kien iħobb, mingħajr ħafna storbju, mingħajr pompa, iżda fis-skiet dejjem ħadem għall-kostitwenti tiegħu, l-aktar fiż-żona tal-Gżira u kellu sens qawwi ta’ dover bħala tabib. Kien tabib tal-poplu u dan jgħiduhulek ħafna nies. Il-bieb tiegħu kien miftuħ il-ħin kollu f’kull ħin tal-ġurnata. L-esperjenza medika tiegħu wasslitu li jkun viċin in-nies u jekk kien hawn xi ħadd li għalih joqgħod il-kliem ta’ “constituency MP” dan kien John Vella. In-nies li kienu jsejħulu billejl għall-kura kien imur għandhom hu mhux jiġu għandu huma. Serva għal snin twal bħala rappreżentant ta’ din in-naħa tal-Kamra fid-delegazzjoni parlamentari tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu u anke fl-OSCE. Hawn ukoll ħadem b’umiltà iżda wkoll b’lealtà, l-ewwel u qabel kollox lejn pajjiżu li tant kien iħobb u lejn il-Partit li dejjem ħaddan. Ħareġ għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-1976 meta ġab numru sabiħ ta’ voti iżda ġie elett fl-elezzjoni tal-1981 permezz ta’ co-option peress li ma kenux saru by-elections minħabba r-riżultat pervers ta’ dik l-elezzjoni. Imbagħad ġie elett dejjem fl-elezzjonijiet tal-1987, tal-1992, tal-1996 u tal-1998 sal-2003.
L-onestà tiegħu fil-ħidma politika u fil-ħidma professjonali tiegħu kienet magħrufa ferm. Fil-fatt qatt ma nstema’ xejn ħażin dwaru għax dejjem kien jaqdi dmiru. Ħafna nies sfortunatament ifittxu l-glorja jew il-poter. It-Tabib John Vella, minflok, fittex dejjem dak li huwa sewwa - dan kien jagħmlu b’mod sempliċi, għalkemm mhux dejjem faċli – u dak li jaqdi dmiru kuljum.
Ma kellux pjani ambizzjużi jew proġetti kbar. Il-proġett tiegħu kien li jieħu ħsieb lill-familja li tant kien iħobb, li jaqdi lill-pajjiż u lill-partit tiegħu kull darba li dawn kienu jsejħulu anke meta saħħtu battiet. Baqa’ jieħu interess fil-ħajja politika għax għalih il-politika ma kinitx ambizzjoni imma servizz. Martu Simone kienet stoffa u forċina soda għalih kemm fil-ħajja professjonali kif ukoll dik politika. Aħna fil-politika, ħafna drabi, ninsew it-tbatija u l-ansjetà, kif qal tajjeb ħafna d-Deputat Prim Ministru, li jgħaddu minnu l-membri tal-familja tagħna minħabba l-impenn politiku tagħna. It-Tabib John Vella dejjem kien rikonoxxenti għas-sehem li Simone tat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ assistenza, pariri u attività fil-ħajja pubblika tiegħu. Ta’ dan il-pajjiż u anke l-Partit Nazzjonalista jinsab rikonoxxenti.
Ma nafx jekk il-forma li biha kienu jinħolqu u jissawru l-ġentlomi b’karattru sod bħal John Vella għadhiex magħna biżżejjed. Hemm bżonn però li nerġgħu niskopruha iżjed. L-akbar omaġġ li nistgħu nagħtu lil John Vella, li issa m’għadux magħna, huwa li nimitawh fil-karattru, fl-istil u fil-valuri tiegħu. Għalhekk nitlob lis-Sinjorija Tiegħek biex din il-Kamra tibgħat messaġġ ta’ kondoljanzi lil martu Simone, lil uliedu David u Christine u lill-qraba kollha tiegħu u nirringrazzjawh f’isem il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni u l-Partit kollu għas-servizz kbir li ta lill-Parlament, lill-Partit u lil pajjiżna. Grazzi. (Onor. Membri: Hear, hear)
L-ISPEAKER: Nirringrazzjak. Is-Sedja tingħaqad mad-Deputat Prim Ministru u mal- Kap tal-Oppożizzjoni. Jien nista’ ngħid li kont nafu sew lil John, Alla jaħfirlu, u ħdimna ħafna flimkien. Niftakar li fl-ewwel safra tiegħi li kienet il-Polonja, ftit wara li tilef l-elezzjoni Lech Walesa, wara l-waqa’ tal-komuniżmu, kienet telgħet miegħi l-mara tiegħi Carmen, u hawn qed nara lilek Simone. Imbagħad sifirt għal diversi okkażjonijiet oħrajn fl-OSCE. Però rrid ngħid xi ħaġa umoristika għax John kellu karattru eċċezzjonali. Darba minnhom konna qbadna helicopter minn Nizza għal Monaco fejn kien hemm il-konferenza tal-OSCE għaliex dak iż-żmien l-Air Malta kien jaħdem dirett għal Nizza. Niftakar li għal Monaco ħadna xi 20 minuta u konna xi tmienja min-nies. Dħalna l-lukanda u filgħodu jien inżilt kmieni, u waqt li kont qed naqra l-gazzetta qrajt li l-helicopter li konna fuqu waqa’ u weġġgħu xi nies, anzi ma mitux. Xħin John niżel għall-breakfast bil-kalma kollha, għedtlu li l-helicopter li nżilna bih, waqa’. Qalli: Toqgħodx tinkwieta, issa biex jaqa’ ieħor irid jgħaddi ħafna żmien! Dak kien John Vella. He was a character, bqajt inħobbu sal-aħħar u bqajt nikkomunika miegħu ħafna ħafna wara. Lit-tfal David u Christine kien isemmihom ħafna. Qed nara wkoll lil Louis, min jaf kemm-il darba ltqajna u ġieli rajtek għaddej mill-Mosta u nsellmu lil xulxin għaliex John kellu rispett kbir lejn il-familja kollha. Simone, il-mara qaltli biex nagħtik il-kondoljanzi. Dakinhar tal-funeral kienet ma tiflaħx sew il-mara u ma setgħetx tiġi għax riedet tiġi. Nagħtikom il-kondoljanzi minn hawnhekk.
Jien ningħaqad mas-sentimenti espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u ninkariga lill-Iskrivan tal-Kamra biex, jekk jogħġobha, twassal il-kondoljanzi u t-traskrizzjoni ta’ dak kollu li ntqal hawnhekk lill-familja tat-Tabib John Vella.
Co-opted | 18.12.1981 |
Ġurament tal-Ħatra: | 09.05.1983 |
Xoljiment tal-Parlament: | 13.02.1987 |
Ġie elett: | 30.03.1989 |
Ġurament tal-Ħatra: | 03.04.1989 |
Xoljiment tal-Parlament: | 20.01.1992 |
Ġie elett: | 22.02.1992 |
Ġurament tal-Ħatra: | 04.04.1992 |
Xoljiment tal-Parlament: | 23.09.1996 |
Ġie elett: | 26.10.1996 |
Ġurament tal-Ħatra: | 05.12.1996 |
Xoljiment tal-Parlament: | 03.08.1998 |
Ġie elett: | 05.09.1998 |
Ġurament tal-Ħatra: | 24.10.1998 |
Xoljiment tal-Parlament: | 10.03.2003 |