Skip to main content
Lingwa: en  | Ikkuntattjana | | Fittex

Mr Paul Xuereb

Lura għal-Lista

Kondoljanzi (6 Set 1994)

Estratt mis-Seduta Parlamentari Nru 315 tas-Seba' Leġislatura tas-26 ta' Settembru 1994

KONDOLJANZI

ONOR. EDDIE FENECH ADAMI (Prim Ministru): Kif taf il-Kamra, fis-6 ta' Settembru, miet is-Sur Pawlu Xuereb. Jien ġejt informat bil-mewt tiegħu proprju ftit tal-ħin wara u mill-ewwel ħadt ħsieb biex f'mewtu nagħtuh il-qima li kienet tixraqlu. Mr Speaker, kif taf din il-Kamra, is-Sur Pawlu Xuereb għadda snin hawnhekk bħala Membru Parlamentari, qeda dmirijietu kemm sempliċement bħala Membru ta' din il-Kamra, kemm bħala Ministru, kif ukoll bħala Speaker. Nafu wkoll li serva lil pajjiżu fil-kariga ta' Aġent President ta' Malta għal aktar minn sentejn.

Kif għidt, jien deherli li lil Pawlu Xuereb kellna nagħtuh il-funeral li jixraqlu u għalhekk mill-ewwel ħadna ħsieb biex xi ċerimonji intiżi bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tat-8 ta' Settembru jitħassru u oħrajn jiġu posposti. Ħadna ħsieb ukoll biex is-Sur Pawlu Xuereb jingħatalu funeral statali.

Mr Speaker, jien kelli l-okkażjoni li nkun naf lil Pawlu Xuereb għal ħafna snin, kemm meta dħalt hawnhekk bħala Membru tal-Parlament fl-1969, kif ukoll fid-diversi funzjonijiet li qeda. Pero' nista' ngħid li forsi l-aktar li sirt nafu mill-qrib kien fil-perjodu meta hu kien Aġent President ta' Malta u jien kont il-Prim Ministru. Kont nieħu pjaċir niltaqa' miegħu, ninformah - kif inhu dover tiegħi - bl-andament tal-Gvern u tal-politika fil-pajjiż, u nista' ngħid li dejjem sibt fih bniedem li jifhem, japprezza u lest li jagħti s-sehem tiegħu. Qed nirreferi b'mod partikolari għal dan il-perjodu qasir li matulu sirt nafu mill-viċin fil-funzjoni uffiċjali tiegħu. Imma nista' ngħid li kien bniedem li kellu dawn il-kwalitajiet tul ħajtu kollha; bniedem li lest li jagħti servizz mingħajr pretensjonijiet u mingħajr motivi ulterjuri. Naħseb li kien ta' eżempju għalina lkoll għax is-Sur Pawlu Xuereb dejjem ipprova jaqdi dmiru mill-aħjar li jista', naturalment skond il-veduti tiegħu.

Mr Speaker, kif għamilt personalment dak inhar stess tal-mewt tiegħu, illum f'ismi u f'isem il-Gvern nixtieq nerġa' nagħti l-kondoljanzi lill-armla tiegħu, lil bintu kif ukoll lill-qraba tiegħu. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER (Onor. Lawrence Gonzi): Onor. Alfred Sant.

ONOR. ALFRED SANT (Kap tal-Oppożizzjoni): Sur President, jekk hemm xi ħaġa li wieħed jista' jgħid fuq is-Sur Pawlu Xuereb hija li kien raġel li qeda d-dmirijiet tiegħu kollha bħala ċittadin, bħala bniedem involut fil-politika, bħala professjonist tal-medja u bħala raġel li kien jaf kif għandu jagħti l-kontribut tiegħu lil pajjiżu skond iċ-ċirkostanzi li kien isib ruħu fihom, skond il-potenzjali li kien iqis li għandu, skond is-sens kbir ta' lealta' u skond it-twemmin fundamentali li kellu fl-isfond tal-ħtieġa li l-poplu Malti tassew ikun poplu ħieles mill-preġudizzji ta' l-imgħoddi, mill-ħakma tal-barrani u marbut bir-rieda li tabilħaqq joħloq Malta ġdida.

Is-Sur Pawlu Xuereb kien wieħed min-nies f'pajjiżna li barra milli kien suldat ta' l-azzar kien ukoll suldat taz-zokkor. Dan qed ngħidu fis-sens li l-umanita' tiegħu kienet tiġi qabel kollox. It-tifkiriet tiegħu li għandna jien u sħabi huma li matul il-karriera twila tiegħu, hu baqa' sod u samm fil-prinċipji tiegħu. Hu baqa' sod u samm ukoll bħala bniedem li jaf kif jagħraf u jifhem lil sħabu u lil dawk ta' madwaru, kif ukoll jibqa' jirrispetta lil kulħadd. Din hi r-raġuni għaliex baqa' jżomm ir-rispett ta' kulħadd.

It-tifkiriet li għandi tiegħu m'humiex ta' l-aqwa mumenti politiċi li kien involut fihom, għalkemm dawk huma memorji li nibqa' ngħożż - bħal sħabi - u nibqa' nagħtihom l-ikbar importanza. Imma l-aqwa tifkiriet li għandi tiegħu huma ta' Pawlu Xuereb bħala bniedem li fl-aktar ħinijiet delikati u importanti kien jaf jibqa' Pawlu Xuereb li qiegħed jagħraf li ċ-ċittadini f'pajjiżna huma lkoll Maltin. Hu kien jagħmel dan mingħajr ebda ħsieb falz, imma b'għarfien sħiħ ta' kif matul ħajtu kien bata u sofra d-daqqiet ta' min ma kellux il-lealta' tiegħu, speċjalment fost l-avversarji li kellu fil-ħajja politika tiegħu.

F'Pawlu Xuereb, il-Partit Laburista tilef wieħed mill-kolonni kbar tal-Partit Laburista li matul is-snin l-għan ewlieni tiegħu kien li jibdel lil Malta mill-qiegħ nett sa fuq nett. Pawlu Xuereb kien wieħed min-nies li b'sens ta' sagrifiċċju, b'sens sod u ċar ta' dak li ried jagħmel u, nerġa' ngħid, b'lealta' sħiħa, ipparteċipa f'din il-ħidma storika li ħalliet frott fejn s'issa l-ebda moviment ieħor f'pajjiżna ma resaq biex iwettaq. Fl-istess ħin aħna niftakru lil Pawlu Xuereb fi żminijiet mill-iktar delikati fl-istorja ta' pajjiżna fejn permezz tal-ħidma tiegħu, tal-pariri li ta u tad-deċiżjonijiet li kien parteċipanti fihom, twettqu bidliet u ttieħdu deċiżjonijiet li wrew u kkonfermaw mill-bidu sa l-aħħar l-impenn tal-Maltin kollha biex tabilħaqq ikun hawn demokrazija dejjem għaddejja f'pajjiżna.

Jiena nixtieq li minflok niftakru l-aktar f'dawk il-mumenti li huma mumenti ta' mpenn kbir li fihom kien impenjat bil-kbir Pawlu Xuereb, niftakru fis-sens ta' sagrifiċċju tiegħu anke f'dan il-Parlament għaliex kien bniedem li bl-akbar sens ta' lealta' lejn it-twemmin li kellu u lejn il-Moviment li kien attiv fih, kien lest jissagrifika l-kisbiet politiċi tiegħu biex il-Partit tiegħu, jimxi aktar 'il quddiem u jinkiseb dak li hu xtaq li l-Moviment u l-pajjiż jakkwistaw. Aktar minn hekk, nixtieq li lil Pawlu Xuereb illum infakkruh bħala bniedem politiku li minkejja l-fatt li kien bniedem politiku, baqa' bniedem mill-bidu sa l-aħħar.

GĦalhekk tajjeb li waqt li nkompli bil-kondoljanzi li ta l-Prim Ministru, waqt li nsostnuhom u nsaħħuhom min-naħa tagħna u nfakkru l-kontribut politiku li ta Pawlu Xuereb matul il-karriera u l-ħajja politika tiegħu, infakkru wkoll il-ħajja personali tiegħu, il-kontribut li ta għal-letteratura Maltija u għall-ġurnaliżmu Malti b'impenn li jibqa' mfakkar. Il-kondoljanzi tagħna jmorru wkoll lis-Sinjura tiegħu, lit-tifla tiegħu u lill-familja tiegħu u nipprovaw insabbruhom billi ngħidulhom li mhux biss nibqgħu niftakru f'Pawlu Xuereb bl-akbar għożża, imma nibqgħu niftakru fih ukoll bħala bniedem li kien jaf kif għandu jagħti kontribut lil pajjiżu b'lealta', b'umilta', b'serjeta' u b'ċertu sens ta' moderniżmu li bih kien jgħid: "Dan li għandi x'nagħti; qed nagħtih mill-bidu sa l-aħħar mingħajr ma nħares lura u mingħajr ma noqgħod niddetta fuqi nnifsi.". Lil Pawlu Xuereb insellmulu bħala wieħed mill-pijunieri kbar u bħala wieħed min-nies kbar tal-politika Maltija. (Onor. Membri: Hear, hear)

MR SPEAKER: Nirringrazzjakom. Jien ningħaqad ukoll mas-sentimenti ta' kondoljanzi espressi miż-żewġ naħat tal-Kamra u naċċerta liż-żewġ naħat li dawn il-kondoljanzi jitwasslu lill-familjari tal-mibki Pawlu Xuereb.

Electoral History

L-Ewwel Leġiżlatura (1962 - 1966)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 18.02.1962
Ġurament tal-Ħatra: 26.04.1962
Xoljiment tal-Parlament: 15.02.1966
It-Tieni Leġiżlatura (1966 - 1971)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 31.03.1966
Ġurament tal-Ħatra: 25.04.1966
Xoljiment tal-Parlament: 24.04.1971
It-Tielet Leġiżlatura (1971 - 1976)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 17.06.1971
Ġurament tal-Ħatra: 16.08.1971
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Karigi
Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru - 28.08.1971
Waqqaf: 30.10.1971
Ministru tal-Kummerċ, Industrija, Agrikoltura u Turiżmu - 30.10.1971
Waqqaf: 30.09.1974
Ministru tal-Kummerċ, Industrija u Turiżmu - 01.10.1974
Xoljiment tal-Parlament: 13.08.1976
Ir-Raba' Leġiżlatura (1976 - 1981)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 04.10.1976
Ġurament tal-Ħatra: 24.11.1976
Xoljiment tal-Parlament: 09.11.1981
Il-Ħames Leġiżlatura (1982 - 1987)
Link to Member's page in legislature
Ġie elett: 09.01.1982
Ġurament tal-Ħatra: 15.02.1982
- 27.04.1983