Skip to main content
Parlament ta' Malta
Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Lingwa: en   |  Fittex  |  Ikkuntattjana

Kumitat Konġunt dwar id-Donazzjoni tal-Organi

Il-Ġimgħa, 21 Novembru 2014

PR 142748 - LEĠISLAZZJONI DWAR IT-TRAPJANTI TAL-ORGANI U T-TESSUTI

Iċ-Chairpersons tal-Kumitati Permanenti tal-Parlament, dak dwar is-Saħħa Etienne Grech u dak dwar l-Affarjiet Soċjali Deborah Schembri, nedew sensiela ta’ laqgħat bejn Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, u b’mod konġunt qed jiddiskutu u janalizzaw it-temi kollha relatati mat-trapjant tal-organi u t-tessuti. Dawn sejrin isiru billi jiġu wkoll mistiedna l-istakeholders kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam, inkluż l-Organ Donation Support Group, psikologi u esperti fil-bijoetika, il-LOTAC Committee, u esperti mediċi u legali f’dan il-qasam, flimkien mal-amministraturi tal-isptarijiet pubbliċi.

Fejn tidħol leġislazzjoni ġdida, f’dan il-qasam tant delikat, l-opinjonijiet jiġu trattati mingħajr politika partiġġjana. Wara li jintemmu dawn il-laqgħat fl-aħħar ta’ din is-sena ser jitħejja rapport bir-rakkomandazzjonijiet li jkun hemm qbil demokratiku dwarhom fuq it-trapjanti tal-organi u tessuti mill-perspettiva legali. Pari passu mar-rapport mill-Kumitati Parlamentari ser tiġi mħejjija White Paper dwar dan is-suġġett mill-Ministeru tal-Energija u s-Saħħa li għandu jkun lest fil-bidu tas-sena d-dieħla.

Dejjem ser jinżamm il-prinċipju illi ssir konsultazzjoni wiesgħa mal-poplu. apparti minn mal-esperti u l-organizzazjonijiet. Wara li joħorġu ż-żewg dokumenti, issir konsultazzjoni pubblika li primarjament jiġu spjegati u diskussi l-options tal-modi kif isir dan l-att nobbli tad-donazzjoni tal-organi jew tessuti kemm fil-ħajja (live donor) u anke wara l-mewt ta’ persuna (cadaveric donor). L-għażla tal-mod prattiku jrid ikun dejjem b’mod li n-nies f’ħajjithom ikunu nfurmati fuq kollox dwar l-għoti tal-organi wara l-mewt, u kemm ikun il-piż li għandu jingħata lid-deċiżjonijiet kemm tad-donatur f’ħajtu u tal-persuni li jiġu minnu wara mewtu. Iridu jiġu kjarifikati xi misconceptions dwar dan l-att nobbli. Il-modi li jintgħażlu jridu jkunu konformi mal-kultura u l-etika tal-lum tal-popolazzjoni

Maltija u Għawdxija. Leġislazzjoni waħedha ma tkunx biżżejjed jekk ma jsirux preparamenti importanti bħal Transplant Co-Ordinating Teams ibbażati fl-isptar Mater Dei li jistgħu jżommu database ta’ persuni li jixtiequ jħallu l-organi jew tessuti wara mewthom.
Dan il-proċess għandu jdum numru ta’ ġimghat fejn imbagħad l-eżitu jgħaddi mill-Kabinett tal-Gvern u jiġu abbozzati l-liġijiet jew emendi ġodda sa madwar nofs is-sena 2015, fejn imbagħad jiġu ppreżentati fil-Parlament għad-diskussjoni fl-istadji kollha sakemm il-leġislazzjoni ġdida tiġi ffirmata mill-President u tiġi fis-seħħ.